9.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 325/36
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awissu 2013 — Giant (China) vs Il-Kunsill
(Kawża T-425/13)
2013/C 325/61
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Giant (China) Co. Ltd (Kunshan, iċ-Ċina) (rappreżentant: P. De Baere, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, p. 17), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.
(1)
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill applika l-eżami legali żbaljat sabiex jiddetermina li Jinshan u Giant China kienu jifformaw entità ekonomika waħda u għalhekk kiser l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ir-Regolament bażiku).
(2)
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li Giant China u l-grupp ta’ kumpanniji Jinshan huma relatati mill-qrib kummerċjalment u strutturalment.
(3)
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill kiser l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku meta talab il-produzzjoni ta’ informazzjoni li ma kinitx neċessarja u li Giant China ma setgħetx tkun raġonevolment mistennija li tipprovdi.
(4)
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill wettaq żball manfiest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li Giant China ma kinitx sostniet li l-kisba tal-informazzjoni fir-rigward ta’ Jinshan kienet irraġonevolment oneruża.
(5)
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti ma setgħux jiġu vverifikati.
(6)
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni u l-Kunsill kisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Giant China meta talbu informazzjoni li din ma setgħetx tipprovdi u meta ma kkunsidrawx il-provi alternattivi mressqa.
(7)
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-impożizzjoni ta’ dazju individwali fuq Giant China kienet toħloq ir-riskju li l-għan mixtieq ma jintlaħaqx.
(8)
It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kunsill, meta evalwa jekk kienx hemm riskju li ma jintlaħaqx l-għan mixtieq fil-każ tar-rikorrenti, applika kriterji differenti minn dawk applikati għal produtturi oħra u għalhekk kiser il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy