23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/66
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2013 — L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-527/13)
2013/C 344/121
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: S. Fiorentino, P. Grasso, avvocati dello Stato, u G. Palmieri, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2013) 4046 finali, tas-17 ta’ Lulju 2013, innotifikata fit-18 ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) (li kienet SA.33726 (11/NN)) mogħtija mir-Repubblika Taljana (proroga tal-ħlas tad-dazju fuq il-ħalib fl-Italja);
—
sussidjarjament, tannulla l-imsemmija deċiżjoni fil-parti (Artikolu 2(b), (c) u (d)) fejn testendi l-obbligu ta’ rkupru għall-għajnuna li toriġina mid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
—
Il-Gvern Taljan ikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2013) 4046 finali tas-17 ta’ Ġunju 2013, innotifikata fit-18 ta’ Lulju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) (li kienet SA.33726 (11/NN)) mogħtija mill-Italja (proroga tal-ħlas tad-dazju fuq il-ħalib fl-Italja).
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea:
—
iddikjarat li proroga tal-ħlas tar-rata li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2010 tad-dazji fuq il-ħalib, deċiża fl-Italja preċiżament f’Diċembru 2010, tikkostitwixxi, anki minħabba l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha, għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.
—
iddikjarat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE, iddeterminat mill-proroga tal-ħlas imsemmija iktar ’il fuq, jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern;
—
ordnat lill-Italja sabiex tirrimborsa mingħand il-benefiċjarji tal-proroga tal-ħlas l-ammont tal-imsemmija għajnuna inkompatibbli, miżjud b’interessi.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35)
—
F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata tapplika tali dispożizzjoni fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-għajnuna eżistenti, awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta’ Lulju 2003, tirrappreżenta l-ammont massimu li seta’ jingħata lill-produtturi tal-ħalib, bil-konsegwenza li kull miżura ta’ għajnuna ulterjuri eventwali, minkejja li kienet tkun tidħol fis-sistema de minimis (u minkejja li kienet tkun assolutament marġinali), kienet tikkawża ipso iure, permezz ta’ effett ta’ kumulazzjoni, intensità ta’ għajnuna superjuri għal dik awtorizzata.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, iċċitat iktar ’il fuq, tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), kif ukoll motivazzjoni insuffiċjenti.
—
F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata applikat l-imsemmi Artikolu 3(2) — li jikkonċerna l-kumulazzjoni tal-għajnuniet li kull waħda minnhom, per se, daħlet fl-istess sistema de minimis — f’każ fejn l-għajnuna fis-sistema de minimis tkun ħalliet effetti fuq għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni hija żbaljata sa fejn din ikklassifikat il-miżura kkontestata bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti, rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, il-proroga semestrali tal-iskadenza ta’ waħda mir-rati annwali kienet tikkostitwixxi miżura apparti u, fi kwalunkwe każ, ma kinitx tiddetermina alterazzjoni sostanzjali tal-għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, din ma kinitx tinkludi żieda ta’ mhux iktar minn 20 % tal-baġit inizjali tas-sistema tal-għajnuna eżistenti u ma kinitx teffettwa l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali sistema. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni naqset milli timmotiva tali punti b’mod suffiċjenti.
Full & Egal Universal Law Academy