23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/68
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2013 — Dyson vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-544/13)
2013/C 344/124
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Dyson Ltd (Malmesbury, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Batchelor, Solicitor, u F. Carlin, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013, tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU L 192, p. 1) fl-intier tiegħu, jew fi kwalunkwe każ, dawk id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-prestazzjoni ta’ tindif u l-effiċjenza enerġetika; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlett motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 10(1) tal-att ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri d-Direttiva 2010/30/UE (1), meta adottat dan l-att iddelegat, billi:
—
l-Artikolu 10(1) jipprovdi li l-att iddelegat tal-Kummissjoni għandu jinforma lill-konsumaturi b’mod preċiż dwar il-konsum ta’ enerġija waqt l-użu. Ir-regolament ikkontestat iqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner peress li l-prestazzjoni ta’ tindif ġiet ittestjata biss meta l-vacuum cleaner jkollu ir-reċipjent vojt u għaldaqstant mhux “waqt li jkun qed jintuża”;
—
l-Artikolu 10(1) jipprovdi li l-att iddelegat tal-Kummissjoni għandu jinforma b’mod preċiż lill-konsumaturi tal-Unjoni dwar ir-riżorsi essenzjali kkonsmati minn apparat waqt li jkun qed jintuża, jiġifieri l-boroż u l-filtri konsumabbli. L-att iddelegat ma jipprovdi l-ebda informazzjoni ta’ dan it-tip.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), peress li r-regolament ikkontestat ma jispjegax għaliex hemm “progress teknoloġiku” insuffiċjenti sabiex jippermetti l-ittestjar tal-konsum enerġetiku/prestazzjoni ta’ tindif fi stat mimli trab. Lanqas ma jispjega għaliex il-Kummissjoni pposponiet l-ittestjar ta’ din it-teknika bit-trab, sabiex jiġi kkunsidrat biss fi żmien ħames snin.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament meta adottat ir-regolament ikkontestat li jiddiskrimina favur vacuum cleaners li għandhom il-borża u żvantaġġjat vacuum cleaners li ma għandhomx borża u/jew vacuum cleaners li huma bbażati fuq teknoloġija ċiklonika. It-telf ta’ saħħa ta’ ġbid minħabba imblukkar — li hija karatteristika partikolari ta’ vacuum cleaners bil-borża — ma jistax jiġi identifikat meta jiġi ttestajat meta jkun għadu ġdid. Il-merti relattivi tal-vacuum cleaners mingħajr borża jew dawk li jużaw it-teknoloġija ċiklonika ma jistgħux jiġu immedjatament identifikati mill-konsumaturi.
(1) Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010 L 153, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy