11.1.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/25
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2013 — Il-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-557/13)
2014/C 9/41
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 1 u l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/433/UE, tat-13 ta’ Awwissu 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-pagamenti, li flimkien jammontaw għal EUR 6 192 951,34, magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna fis-settur tal-patata għas-snin 2003 sa 2005;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjums u tal-għajnuna — pagament tal-prezz minimu
Ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 (1) u tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 (2), ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1868/94 (3), mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 97/95 (4), mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2236/2003 (5) u mal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 2237/2003 (6), fis-sens li n-nefqa ġiet eskluża mill-finanzjament minkejja li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjums u tal-għajnuna huma ssodisfatti, minħabba li l-prezz minimu tħallas għall-kwantità mitluba.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti u mingħajr kontradizzjonijiet ir-raġunijiet għaliex mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 97/95, mill-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2236/2003 u mill-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 2237/2003, meta jiġu kkunsidrati l-verżjonijiet lingwistiċi kollha, għandu jirriżulta li sabiex isir il-pagament tal-primjum jew tal-għajnuna huwa meħtieġ li l-impriża li tipproduċi l-lamtu tkun diġà ħallset il-prezz minimu fir-rigward tal-kwantità kollha tal-patata kkunsinnata matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li l-ilmenti jiġu kkomunikati f’terminu ta’ 24 xahar
Ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, ikkunsidrat flimkien mal-punt (a) tal-ħames subparagrafu tal-istess artikolu; tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1663/95 (7); tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 4(a) tal-istess regolament, kif ukoll tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 (8), peress li l-Kummissjoni ma kkomunikatx b’mod validu bil-miktub lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’terminu ta’ 24 xahar mid-data li fiha tkun saret in-nefqa, l-ilment (ommissjoni ta’ “kontrolli prinċipali”) li fuqu hija bbażata l-esklużjoni tan-nefqa.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura
F’dan l-istadju r-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999; tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1663/95; tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006, ikkunsidrati flimkien mal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li proċedura amministrattiva għandha tiġi implementata f’terminu raġonevoli, u ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kien eċċessiv.
(5)
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
Fil-kuntest ta’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, meta applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod adegwat in-natura u l-portata, l-iktar l-iktar limitata, ta’ eventwali ksur u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Unjoni effettivament ma ġarrbet ebda dannu finanzjarju u li fil-verità qatt ma kien hemm riskju li jimmaterjalizza tali dannu.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, 04.11.2010, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 331).
(4) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 97/95, tas-17 ta’ Jannar 1995, li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 rigward il-prezz minimu u l-pagament kumpensatorju li għandu jitħallas lill-produtturi tal-patata u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwota fir-rigward tal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 131).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2236/2003, tat-23 ta’ Diċembru 2003, li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti fir-rigward tal-produzzjoni tal-lamtu mill-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 515).
(6) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2237/2003, tat-23 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettalja[t]i għall-applikazzjoni ta’ ċertu skemi ta’ appoġġ previsti fit-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġg għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 522).
(7) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31).
(8) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 02.12.2008, p. 162).
Full & Egal Universal Law Academy