14.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/36
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2014 – European Coalition to End Animal Experiments vs ECHA
(Kawża T-673/13)
2014/C 112/48
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Coalition to End Animal Experiments (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: D. Thomas, Solicitor)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-10 ta’ Ottubru 2013 fil-Każ A-004-2012 dwar it-Taqsima 8.7.2 tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) (studji dwar it-tossiċita għall-iżvilupp fit-tieni speċi), sa fejn teffetwa studju dwar l-iżvilupp ta’ qabel it-twelid tat-tieni speċi;
—
tirrinvija l-każ quddiem l-ECHA, bl-istruzzjoni li tikkunsidra fejn hemm il-bżonn li twettaq studju dwar l-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq is-sustanza tad-dikjarant, ibbażat fuq ir-riżultat tal-ewwel studju u d-data kollha rilevanti u disponibbli l-oħra.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qal li l-prinċipju kumulattiv fl-annessi li jirrigwardaw l-ittestjar tar-Regolament REACH kien ifisser li it-tieni speċi kienet ir-rekwiżit awtomatiku fl-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tunnellaġġ. Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti tiddikjara li:
—
Ir-raġunament tal-Bord tal-Appell jirrappreżenta non sequitur. Ir-rekwiżiti tal-ittestjar mhux neċessarjament jiżdiedu meta wieħed jiċċaqlaq lejn anness ta’ tunnellaġġ ogħla: il-prinċipju kumulattiv ħafna drabi ma huwiex rilevanti għall-parametri partikolari, u ma huwiex applikabbli għat-tossiċita għall-iżvilupp;
—
Il-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness X, permezz tat-termini espliċiti tagħha, teħtieġ studju fi ‘speċi waħda’, mhux tnejn – l-istess bħall-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness IX;
—
Ir-raġonament tal-Bord tal-Appell jinjora l-kliem ċar tal-Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness IX, li jipprovdi li kemm jekk studju dwar it-tieni speċi jinħtieġ fl-Anness IX jew fl-Anness X (tunnellaġġ) jiddependi fuq ir-riżultat tal-istudju dwar l-ewwel speċi u d-data l-oħra kollha rilevanti u disponibbli: dan ma huwiex awtomatiku;
—
Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell ma tagħmel ebda sens f’termini ta’ politika: huwa jattribwixxi lil-leġiżlaturi tar-REACH intenzjoni li, f’livell ta’ anness inferjuri (Anness IX), il-bżonn għal studju dwar it-tieni speċi jiddependi fuq evalwazzjoni xjentifika, waqt li f’anness superjuri (Anness X), ix-xjenza hija irrilevanti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qal li l-leġiżlaturi kienu ressqu r-rewiżit tal-Anness X – studju dwar it-tossiċita għall-iżviluppfit-tieni speċi bħala rekwiżit awtomatiku – għall-Anness IX. Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti tiddikjara li:
—
Ir-raġonament huwa bbażat fuq premessa falza: Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness X ma timponix studju dwar it-tieni speċi bħala rekwiżit awtomatiku (ara l-ewwel motiv), u minn dan isegwi li ma hemmx tali rekwiżit li għandu jitressaq għall-Anness IX (anki jekk jitqies li dan kien mod ieħor l-approċċ korrett).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qal li r-rekwiżit fil-Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness IX (għall-evalwazzjoni tal-bżonn għal studju dwar it-tieni speċi) ma għandux jiġi ttrasferit għall-Anness X. Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti tiddikjara li:
—
Permezz tat-termini espliċiti tagħha, dan huwa preċiżament dak li l-Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness IX fil-fatt tgħid, bil-kliem “jew dak li jmiss”. L-approċċ għaż-żewġ annessi huwa identiku.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qal li s-sempliċi adattament taħt il-Kolonna 2 tat-Taqsima 8.7 tal-Anness X jew tal-Anness XI tista’ telimina l-bżonn għal studju dwar it-tieni speċi fl-Anness X (tunnellaġġ). Insostenn ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti tiddikjara li:
—
Adattament, kemm jekk taħt il-Kolonna 2 jew l-Anness XI, issir rilevanti biss jekk hemm l-ewwel nett rekwiżit ta’ ttestjar taħt il-Kolonna 1. Fil-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.2 tal-Anness X, ma hemmx rekwiżit għal studju dwar it-tossiċita għall-iżvilupp fit-tieni speċi sa meta u sakemm l-evalwazzjoni tal-istudju dwar l-ewwel speċi u kwalunkwe evidenza oħra disponibbli ma jindikawx il-bżonn għal studju dwar it-tieni speċi (ara iktar ’il fuq).
(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ ċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy