DIGRIET MILL-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI
4 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Ċaħda ta’ offerta — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Każ prima facie”
Fil-Kawża T‑644/13 R,
Serco Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),
Bull SA, stabbilita fi Brussell,
Unisys Belgium SA, stabbilita fi Brussell,
irrappreżentati minn V. Ost u M. Vanderstraeten, avukati,
rikorrenti
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude, L. Cappelletti u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta,
talba għal, l-ewwel nett, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Ottubru 2013, li tiċħad l-offerta magħmula mill-konsorzju ffurmat mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika DIGIT/R2/PO/2012/026 – ITIC-SM, dwar is-servizzi ta’ ġestjoni tas-servizz tat-teknoloġija tal-informatika għas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika ta’ uffiċċju integrat u kkonsolidat tal-Kummissjoni Ewropea u li tattribwixxi l-kuntratt lil konsorzju ieħor, it-tieni nett, tordna li l-Kummissjoni ma tikkonkludix il-kuntratt-qafas inkwistjoni u ma tikkonkludix kuntratti speċifiċi taħt l-imsemmi kuntratt-qafas u, it-tielet nett, l-għoti ta’ kull miżura provviżorja xierqa oħra,
L-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI,
li qed jeżerċita l-funzjoni ta’ President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,
jaqta’ u jiddeċiedi
Id-Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Dawn il-proċeduri jirrigwardaw sejħa għal offerti pubblika DIGIT/R2/PO/2012/026 – ITIC-SM, dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni tas-servizz informatiku għas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika ta’ uffiċċju integrat u kkonsolidat tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “is-sejħa għal offerti ITIC-SM”). Skont is-sommarju tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, l-iskop tas-sejħa għal offerti ITIC‑SM huwa li jiġi konkluż kuntratt-qafas wieħed għall-provvista ta’ servizzi ta’ sostenn tat-teknoloġija tal-informatika għas-sistema ITIC Desktop tal-Kummissjoni Ewropea. L-introduzzjoni għar-rekwiżiti ġenerali tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti tipprovdi li l-kuntratt-qafas huwa intiż li jiġġenera kuntratti speċifiċi mal-Kummissjoni għal varji komponenti tas-servizz ta’ sostenn tat-teknoloġija tal-informatika, li huma maqsuma f’komponenti tas-servizz essenzjali (li għandhom jiġu implementati fil-bidu tal-kuntratt-qafas) u komponenti tas-servizz addizzjonali (li għandhom jiġu implementati fi stadju iktar tard).
2
Skont il-kwestjonarju tal-evalwazzjoni teknika (taqsima 2-4-0 tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti), l-evalwazzjoni teknika tal-offerti tkun ibbażata fuq il-kriterji ta’ kwalità mwieżna li huma akkumpanjati minn limiti minimi applikabbli fir-riżultat globali kif ukoll fil-livell ta’ kriterji u subkriterji:
3
F’dan is-sens, fost kwistjonijiet oħra varji, il-kwestjonarju tal-evalwazzjoni teknika staqsa lill-offerenti, taħt il-Kapitolu 4.1.5, biex jiddefinixxu n-numru meħtieġ ta’ persunal li għandu jiġi assenjat lil kull element tas-servizz tal-uffiċċju ewlieni filwaqt li jikkunsidraw ir-Rekwiżit ta’ Servizz għal Problemi u l-Varjabbli tal-Livell tas-Servizz għal Problemi, li speċifika, skont il-Kapitoli 4.11 u 4.12 tat-Taqsima 1‑2‑0 tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti, valuri medji jew f’każ ta’ problemi għal parametri varji tas-servizzi u għanijiet ta’ kwalità minimi rispettivament. Bl-istess mod, l-offerenti kienu mistoqsija, taħt il-Kapitoli 4.2.5 u 5.1.5 tal-kwestjonarju tekniku, biex jiddefinixxu n-numru tal-persunal li għandu jiġi assenjat lis-servizzi ta’ Sostenn Loġistiku kif ukoll lil kull element tas-servizzi ta’ Uffiċċju ta’ Sostenn Sekondarju rispettivament. Skont il-kapitoli ta’ hawn fuq, l-offerta finanzjarja kellha tkun ibbażata fuq l-istess figuri għal persunal assenjat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Varjabbli tar-Rekwiżit tas-Servizz ta’ 30 000 utenti li, skont il-Kapitolu 5.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, huwa n-numru stmat ta’ persunal li għandu jiġi moqdi taħt il-kuntratt qafas fis-sena 4 tal-eżekuzzjoni tiegħu.
4
Fi tweġiba mogħtija għal mistoqsija magħmula mir-rikorrenti, Serco Belgium SA, Bull SA u Unisys Belgium SA, il-Kummissjoni indikat, fis-7 ta’ Mejju 2013, li l-offerenti kellhom jiddeskrivu l-approċċ ġenerali tagħhom biex jiddeterminaw in-numru ta’ persunal (f’termini ta’ Ekwivalenti Full-time) meħtieġa biex jipprovdu servizz ibbażat fuq ir-Rekwiżit tas-Servizz u l-Varjabbli tal-Livell ta’ Servizz għas-sejħa għal offerti. Skont it-tweġiba tal-Kummissjoni, in-numri ta’ persunal proposti ma ħolqux fihom infushom obbligu legali iżda għandhom ikunu suffiċjenti biex jipprovdu s-servizz u b’hekk ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni.
5
Il-konsorzju tar-rikorrenti kif ukoll it-tieni konsorzju ssottomettew l-offerti fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.
6
Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, fil-fażi ta’ evalwazzjoni teknika, l-offerta tagħhom kienet naqset milli tilħaq il-minimu ta’ 60 % għal kriterju wieħed u subkriterju wieħed kif ukoll il-minimu ta’ 70 % għar-riżultat globali, u li għalhekk l-offerta ma kinitx ser tipproċedi għall-fażi ta’ evalwazzjoni finanzjarja. Madankollu, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li ma kinitx ser tiffirma l-kuntratt mal-offerent rebbieħ matul perijodu ta’ waqfien totali ta’ għaxart ijiem kalendarji.
7
Wara talba magħmula f’isem ir-rikorrenti, il-Kummissjoni pprovdiet, b’ittra tas-6 ta’ Novembru 2013, informazzjoni addizzjonali fuq l-evalwazzjoni taż-żewġ offerti kif ukoll spreadsheet li turi l-marki rispettivi għal kull kriterju.
8
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li d-deċiżjoni tal-għoti kienet ittieħdet fit-30 ta’ Ottubru 2013 u pprovdiet il-minuti ta’ laqgħa informattiva mar-rikorrenti li saret fit-8 ta’ Novembru 2013.
9
Wara talba sottomessa mir-rikorrenti fil-11 ta’ Novembru 2013 taħt l-Artikolu 171 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1), il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2013, l-evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-għoti, li kkonfermat id-deċiżjoni inizjali tiegħu wara li stħarreġ it-talbiet tar-rikorrenti.
Il-proċedura u forom tad-digriet imfittxija
10
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw kawża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Ottubru 2013, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2013 (punt 6 iktar ’il fuq) li tiċħad l-offerta magħmula mir-rikorrenti u tattribwixxi l-kuntratt lil konsorzju ieħor.
11
B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ressqu dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, li fihom jitolbu, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali għandu:
—
jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u tattribwixxi l-kuntratt lil konsorzju ieħor (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”) sakemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq il-kawża prinċipali;
—
tordna lill-Kummissjoni biex ma tikkonkludix il-kuntratt-qafas u biex ma tikkonkludix xi kuntratti speċifiċi taħtu, jekk il-kuntratt-qafas kien diġà ġie konkluż, sakemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq il-kawża prinċipali;
—
tordna kwalunkwe miżuri provviżorji oħra meqjusa xierqa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
12
B’digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013 adottat taħt l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ssospenda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-għoti tad-digriet li jtemm dawn il-proċeduri u ordna lill-Kummissjoni biex ma tikkonkludix il-kuntratt-qafas u, jekk kemm-il darba diġà għamlet hekk, biex ma timplementax l-imsemmi kuntratt-qafas sad-digriet finali f’dawn il-proċeduri.
13
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jogħġbu:
—
jiċħad it-talba;
—
jirriżerva l-ispejjeż.
14
Il-partijiet ippreżentaw argument orali fl-20 ta’ Jannar 2014.
Id-dritt
15
Skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, jordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.
16
Barra minn hekk, l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li talba għal miżuri provviżorji għandha tispeċifika s-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att, jew miżuri provviżorji oħra, jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt u li huma urġenti sa fejn, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti li japplikaw għal miżuri provviżorji, illi huma jiġu deċiżi u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. L-Imħallef għal miżuri provviżorji xorta għandu jipproċedi, jekk ikun xieraq, billi jevalwa l-interessi involuti. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa (digriet tal-President fil-Kawża C‑268/96 P(R) SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni [1996] Ġabra p. I‑4971, punt 30).
17
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif jiġi aċċertat jekk dawn id-diversi kundizzjonijiet huma sodisfatti kif ukoll l-ordni li fiha dan l-eżami għandu jseħħ, billi ebda regola tad-dritt ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li jingħataw miżuri provviżorji (digriet tal-President fil-Kawża C‑149/95 P(R), Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et [1995], Ġabra p. I‑2165, punt 23, u d-digriet tal-President tat-3 ta’ April 2007, fil-Kawża C‑459/06 P(R), Vischim vs Il‑Kummissjoni, Ġabra p. I‑53, punt 25).
18
F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol partikolari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fi proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi. Għal dan il-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ġuridiku stabbilit mil-leġiżlatur Ewropew li japplika għal proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti organizzati mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, kif ipprovdut fil-premessa 40 tar-Regolament Nru 1268/2012, ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti għandhom ikunu bbażati fuq id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
19
Barra minn hekk, kif intqal fl-ewwel sat-tielet premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246) sabiex jiżgura l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn ir-regoli, il-leġiżlatur qies neċessarju li jiġu stabbiliti numru ta’ rekwiżiti proċedurali li jagħmlu possibbli rimedji mħaffa fi stadju meta l-ksur jista’ jiġi korrett b’mod effettiv. Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni t-tul qasir tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ir-rwol tal-miżuri provviżorji huwa tali li l-leġiżlatur qies li kien utli, abbażi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, li, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ għoti li jaqgħu taħt l-Istati Membri, dawn ikunu aċċessibbli indipendentement minn kull azzjoni sostantiva (sentenza fil-Kawża C‑236/95, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja [1996] Ġabra p. I‑4459, punt 11, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fl-istess kawża, punt 15).
20
Barra minn hekk, kif jidher fit-tieni, it-tielet u l-ħames premessi u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, fil-kuntest partikolari tal-kuntratti pubbliċi, il-miżuri provviżorji ma humiex biss intiżi bħala mezz biex jiġi sospiż il-proċess ta’ għoti iżda tal-inqas ukoll bħala mezz sabiex jiġi kkoreġut ksur apparenti, li kien inkella jaqa’ taħt l-ambitu tal-proċeduri prinċipali.
21
Anki jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jagħti effett lill-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE u jeħtieġ li l-kawża prinċipali tkun tressqet qabel ma ssir talba għal miżuri provviżorji, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa ġġustifikat mill-fatt li,bħal kif huwa l-każ fuq livell nazzjonali, fi każijiet ta’ kuntratti pubbliċi, il-miżuri msemmija taħt it-Titolu 3 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom bħala għan li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni Ewropea tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi li huma, essenzjalment, ibbażati fuq id-Direttiva 2004/18. (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).
22
Għalkemm, korrelattivament, fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex meħtieġ, bħala regola, li jwettaq evalwazzjoni ddettaljata bħal fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, dik il-konstatazzjoni ma tistax tiġi interpretata li tfisser li evalwazzjoni ddettaljata hija assolutament ipprojbita (digriet tal-President f’Vischim vs Il‑Kummissjoni, punt 17 iktar ’il fuq, punt 50).
23
Huwa għalhekk xieraq, fil-każ preżenti, li jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti joħolqux każ prima facie fis-sens li, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra, joħolqu impressjoni serja li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità. Kemm-il darba dan ir-rekwiżit jitqies li huwa sodisfatt, dan il-fatt jista’ anki, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 18 sa 21 iktar ’il fuq, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-qafas tal-analiżi fir-rigward tal-urġenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President fil-Kawża C‑445/00 R Awstrija vs Il‑Kunsill [2001] Ġabra p. I‑1461, punti 100 u 110).
24
Ir-rikorrenti jressqu erba’ motivi li, fil-fehma tagħhom, joħolqu każ prima facie ta’ invalidità tad-deċiżjoni kkontestata.
25
L-ewwel nett, huma jsostnu li l-evalwazzjoni tal-offerti sa fejn l-approċċi tal-persunal tal-Uffiċċju Ewlieni, tas-Sostenn Loġistiku u tal-Uffiċċju ta’ Sostenn Sekondarju huma kkonċernati (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), kienet ibbażata b’mod żbaljat fuq dikjarazzjonijiet tal-offerenti li ma kinux vinkolanti.
26
It-tieni nett, huma jsostnu li s-subkriterji iktar ’il fuq dwar il-persunal huma min-natura tagħhom kriterji tal-għażla u ma setgħux għalhekk jiġu evalwati fl-għoti iżda biss fil-qafas tal-għażla.
27
It-tielet nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma tatx indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi għall-mod ta’ kif tevalwa l-parti tal-offerti relatata mal-imsemmija subkriterji li għalhekk ta lok għal riżultat imprevedibbli.
28
Ir-raba’ nett, huma jsostnu li, jekk il-Kummissjoni kellha xi dubji dwar l-abbiltà tal-konsorzju tar-rikorrenti biex iwettaq b’osservanza tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, kien imissha fittxet il-kjarifiki qabel ma ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti, li kienet irħas b’mod sinjifikattiv minn dik ippreżentata mill-konsorzju rebbieħ.
29
Wara li tiġi kkunsidrata n-natura tal-allegazzjonijiet iktar ’il fuq, huwa neċessarju li l-ewwel jiġi eżaminat, għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ każ prima facie, it-tieni motiv (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), segwit mill-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi.
30
Dwar in-natura tal-kriterji msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita sew li, għalkemm il-verifika tal-indoneità tal-offerenti fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla taħt l-Artikoli 146 sa 148 tar-Regolament Nru 1268/2012 minn naħa, u l-għoti tal-kuntratti abbażi ta’ kriterji tal-għoti taħt l-Artikolu 149 tal-imsemmi regolament min-naħa l-oħra, jistgħu jsiru simultanjament, dawk iż-żewġ proċeduri huma distinti u huma rregolati minn regoli differenti. Minn dan isegwi li l-verifika tal-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-fażi tal-għoti għandha tirrigwarda l-kwalità tal-offerti stess biex tiġi identifikata l-offerta li hija ekonomikament l-iktar vantaġġuża u mhux il-kriterji tal-għażla, li huma marbuta mal-evalwazzjoni tal-abbiltà tal-offerenti biex iwettqu l-kuntratt inkwistjoni, bħall-kriterju biex tiġi evalwata l-kapaċità tal-offerent biex jagħmel tim disponibbli lill-awtorità kontraenti mir-riżorsi tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-Kawża T‑447/10 Evropaïki Dynamiki vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, punti 34 sa 39 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31
Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, jidher li l-informazzjoni li kellhom jipprovdu l-offerenti taħt il-Kapitoli 4 u 5 tal-Kwestjonarju ta’ Evalwazzjoni Teknika (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) ma kinitx intiża li tevalwa l-abbiltà ġenerali tagħhom li jipprovdu persunal suffiċjenti f’termini ta’ kompetenza u numri biex iwettqu l-kuntratt iżda iktar biex jiġu evalwati l-approċċi ta’ persunal konkreti stabbiliti mill-offerenti bil-ħsieb li jipprovdu s-servizzi kif deskritti fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi.
32
Din id-distinzjoni tidher saħansitra iktar ċara meta tiġi pparagunata n-natura tal-informazzjoni tal-persunal ipprovduta taħt l-imsemmija kriterji tal-għoti man-natura tal-informazzjoni tal-persunal ipprovduta taħt il-kriterji tal-għażla fil-Kwestjonarju tal-Għażla Teknika. Dan tal-aħħar jeħtieġ li l-offerenti jiddikjaraw in-nies tax-xogħol annwali totali tagħhom kif ukoll analiżijiet statistiċi tal-profil, u jistabbilixxi limiti tal-minimu ġenerali mingħajr xi rekwiżit li jidher li huwa relatat mal-approċċ tal-persunal tagħhom sa fejn il-qafas tal-kuntratt inkwistjoni huwa kkonċernat.
33
Meta mistiedna jikkummentaw dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, ir-rikorrenti ma fittxewx li jirribattuhom iżda indikaw oralment li dan il-motiv kien sempliċement anċillari għall-ewwel motiv tagħhom.
34
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti ma jistabbilixxix każ prima facie.
35
Fir-rigward tal-ewwel motiv (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), l-argumenti tar-rikorrenti jidhru li jibbażaw fuq premessa falza.
36
B’mod partikolari, kif jidher fil-punt 49 tat-talba, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni sa fejn huma kkonċernati tliet subkriterji tal-persunal. Dawn jirrigwardaw il-persunal tal-Uffiċċju Ewlieni, is-Sostenn Loġistiku u l-Uffiċċju ta’ Sostenn Sekondarju rispettivament (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).
37
Skont l-argument tar-rikorrenti, in-numri tal-persunal ipprovduti fl-offerti taħt dawn il-kapitoli ma jagħtux lok għal obbligi kuntrattwali f’termini tan-numru eżatt ta’ persunal li l-offerent rebbieħ għandu jagħmel disponibbli. Pjuttost, l-offerent rebbieħ u l-kuntrattur futur huma marbutin minn indikaturi tar-rendiment fir-rigward tal-kwalità tas-servizz iddefinit fil-Ftehimiet tal-Livell tas-Servizz. Jekk l-offerent rebbieħ huwa kapaċi li jirrendi skont l-indikaturi rilevanti filwaqt li jagħmel disponibbli inqas persunal milli huwa ddikjarat fil-Kwestjonarju tal-Evalwazzjoni Teknika, id-deċiżjoni tiegħu biex ineħħi l-persunal eċċessiv la tkun bi ksur tal-obbligi kuntrattwali u lanqas ma tagħti lok għal reviżjoni tal-prezz iffissat. Fil-fatt, in-numri tal-persunal iddikjarati fil-Kwestjonarju tal-Evalwazzjoni Teknika jservu bħala bażi għall-kalkolu tal-prezz fiss tal-offerta. Bil-kontra, jekk in-numru tal-persunal propost mill-offerent jirriżulta insuffiċjenti, hemmhekk il-Kummissjoni tista’ tinforza klawżoli għad-danni likwidati bil-ħsieb li tressaq il-kuntrattur lejn osservanza mal-obbligi kwalitattivi tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun inaċċettabbli, skont ir-rikorrenti, għal awtorità tal-għoti li tagħti marki baxxi lill-parti tal-persunal ta’ offerta fuq il-motiv biss li offerta li tikkompeti ddikjarat numri ta’ persunal ħafna ogħla li jistgħu sussegwentement jitneħħew kif u meta jirriżulta li ma humiex neċessarji.
38
Ir-rikorrenti jidhru tassew li huma korretti li jissottomettu li, fejn id-dikjarazzjonijiet tal-persunal ma jagħtux lok għal obbligu kuntrattwali, is-sempliċi fatt li offerta li tikkompeti tipproponi metodu li jwassal għal numri ogħla ta’ persunal ma huwiex motiv validu legalment għall-awtorità tal-għoti li tagħti marka iktar baxxa lill-offerta li kienet tinvolvi inqas persunal. Tassew, jekk dan kellu jkun aċċettabbli, offerent kien ikun indirettament imħeġġeġ li jipproponi metodi ta’ provvista tal-persunal li jagħtu lok għal numri eċċezzjonalment għoljin ta’ persunal, filwaqt li jispera li l-kompetituri tiegħu ma jagħmlux hekk, u b’hekk jogħlew kunsiderevolment il-probabbiltajiet li jiġu esklużi mill-fażi tal-evalwazzjoni finanzjarja, filwaqt li fl-istess ħin jaf li jekk jingħata l-kuntratt ikun jista’ jneħħi l-persunal żejjed mingħajr ma jaffettwa l-prezz fiss tal-kuntratt.
39
Madankollu, jidher mill-evidenza prodotta li l-marki baxxi li jilmentaw minnhom ir-rikorrenti ma humiex ir-riżultat ta’ sempliċi paragun bejn in-numri tal-persunal li pproponew huma u dawk proposti fl-offerta għal kompetizzjoni. Pjuttost, l-imsemmija marki jidhru li kienu bbażati fuq evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni fir-rigward tal-inadegwatezza oġġettiva tal-approċċ tagħhom għal persunal għal servizzi suġġetti għall-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti.
40
B’mod iktar partikolari, kif jidher mill-Kapitolu 2 tat-Taqsima 1-5-0 “Metodu tal-Persunal – Aspetti Finanzjarji” tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, il-metodu propost mill-offerenti biex jiġi stabbilit in-numru meħtieġ ta’ persunal għal twettiq skont ir-Rekwiżit tas-Servizz u l-Varjabbli tal-Livell tas-Servizz huwa applikabbli kemm biex tiġi ġġenerata l-offerta finanzjarja għall-komponenti u l-elementi tas-servizz iddefiniti inizjalment, kif ukoll biex tiġi ddeterminata l-ispiża ta’ xi komponent u element tas-servizz addizzjonali kif ukoll għall-ispiża f’każ ta’ xi tibdil fil-varjabbli ta’ hawn fuq. Barra minn hekk, billi l-metodu inkwistjoni għandu jikkorrispondi ma’ “xenarju bażi” ta’ 30 000 membru tal-persunal tal-Kummissjoni fis-sena 4 tal-eżekuzzjoni, l-ispiża tas-servizz għal kull talba premessa fuq dak il-livell ta’ persunal għandha tkun identika għal dik proposta fl-offerta.
41
Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti jissuġġerixxu li, kif il-Kummissjoni indikat matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), in-numri tal-persunal proposti ma humiex vinkolanti bħala tali, fis-sens li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tista’ turi li iktar jew inqas persunal huma meħtieġa sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-kwalità u li l-kuntrattur ser ikollu finalment josserva dawn l-obbligi. Barra minn hekk, il-metodu użat fl-approċċ tal-persunal jidher li huwa vinkolanti għall-kuntrattur fis-sens li, jekk ix-“xenarju bażi” jimmaterjalizza, il-kuntrattur huwa meħtieġ li “jipproponi” n-numru tal-persunal kif imsemmi fl-offerta (ara anki l-Introduzzjoni tat-Taqsima 1-1-0 “Rekwiżiti għal Servizzi tal-Amministrazzjoni” tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti). Madankollu, dan l-obbligu ma jidhirx li jaffettwa l-possibbiltà li jitneħħa l-persunal jekk in-numri tiegħu jirriżulta li jkun eċċessiv matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
42
Addizzjonalment, bil-kuntrarju għal dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni fl-argument orali tagħha, Kapitolu 2.3.2 tat-Taqsima 1-0-0 “Rekwiżiti Ġenerali” tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, jidher li jikkonċerna biss il-każ fejn il-karatteristiċi jew il-kundizzjonijiet operattivi ta’ komponent ta’ servizz jitbiddlu lil hinn mill-evoluzzjoni normali u jeħtieġu emenda fil-kuntratt, jew fejn jiżdied element ta’ servizz ġdid. Dan il-kapitolu sempliċement jgħid li, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni għandha tressaq talba aġġornata bi speċifikazzjonijiet addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod sodisfaċenti għalfejn din id-dispożizzjoni tagħtiha wkoll id-dritt, jekk in-numri tal-persunal proposti jirriżultaw li huma eċċessivi, li tgħolli r-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz filwaqt li jinżamm il-persunal eċċessiv mingħajr l-ispiża żejda li kienet tkun iġġenerata minn talba ġdida għal servizz li tikkonċerna jew komponent jew element ta’ servizz addizzjonali jew li tirrifletti bidla fir-Rekwiżit tas-Servizz jew fil-Varjabbli tal-Livell tas-Servizz.
43
Madankollu, minkejja d-dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, jidher mill-korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni (ara l-punti 7 sa 9 iktar ’il fuq) li l-marki l-baxxi mogħtija lill-varji approċċi tal-persunal irriżultaw fil-fatt minn dak li l-Kummissjoni evalwat bħala insuffiċjenzi oġġettivi fl-offerta tar-rikorrenti.
44
B’mod partikolari, dwar servizzi tal-Uffiċċju Ewlieni, il-Kummissjoni ddikjarat fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Novembru 2013 li, bl-eċċezzjoni ta’ element ta’ servizz wieħed, għall-elementi ta’ servizz l-oħra kollha n-numru tal-persunal kien inadegwat biex jiżgura l-livell ta’ servizz meħtieġ. Il-Kummissjoni kompliet biex tosserva li livell ta’ persunal ta’ 33.37 Ekwivalenti Full-time mqassma fuq iktar minn 30 Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità kien b’mod ċar inadegwat sabiex jitwettqu l-kompiti meħtieġa. L-istess seta’ jingħad, skont il-Kummissjoni, għall-proposta ta’ 1.8 Ekwivalenti Full-time biex ikopru s-servizzi pprovduti mill-Gruppi ta’ Kompetenza. Fl-istess ittra, il-Kummissjoni kkritikat ukoll in-numru propost ta’ Ekwivalenti Full-time għal Servizzi ta’ Sostenn Loġistiku kif ukoll il-metodoloġija mhux ċara u n-numru propost ta’ Ekwivalenti Full-time li jikkonċernaw servizzi tal-Uffiċċju ta’ Sostenn Sekondarju.
45
Din il-kritika kienet imtennija, u apparentement issostanzjata b’eżempji fil-laqgħa informattiva li saret fit-8 ta’ Novembru 2013, skont il-minuti rilevanti kkomunikati lir-rikorrenti b’ittra tad-19 ta’ Novembru 2013.
46
Fl-aħħar nett, fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat li l-offerta tar-rikorrenti kienet ippremessa fuq l-ipoteżi li n-numru ta’ 1.1 Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità għal kull 1 000 utenti seta’ jitnaqqas. Madankollu, din l-ipoteżi ma hijiex korretta. Għalhekk, it-33.37 Ekwivalenti Full-time għal 33 Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità fix-xenarju bażi li jinvolvi 30 000 utenti rriżulta, minħabba n-numru għoli ta’ Ekwivalenti Full-time allokati għall-Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità li jipprovdu servizz tal-platinu, f’medja ta’ inqas minn 1 Ekwivalent Full-time għal kull Punt ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità li baqa’. Barra minn hekk, wara l-elenkar tal-iktar kompiti importanti li kellhom jitwettqu mill-Gruppi ta’ Kompetenza, il-Kummissjoni rrepetiet li l-figura ta’ 1.84 Ekwivalenti Full-time għall-Gruppi ta’ Kompetenza kienet mhux realistika. Kien biss għall-paragun li l-Kummissjoni rreferiet għall-20.85 Ekwivalenti Full-time allokati mill-konsorzju li kkompeta lill-Gruppi ta’ Kompetenza.
47
L-argumenti tal-Kummissjoni fir-rigward tan-numru ta’ Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità jidhru li huma bbażati fis-sod. Skont il-punt 5 tal-Kapitolu 4.11 tat-Taqsima 1-2-0 “Rekwiżiti għal Servizzi tal-Uffiċċju Ewlieni” tal-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, in-numru f’nuqqasijiet ta’ Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità huwa tassew ta’ 1.1 għal kull 1 000 utenti, li jirriżulta f’33 Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità għax-xenarju bażi ta’ 30 000 utenti. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura fissa u mhux negozjabbli ta’ dan il-parametru, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. Mistiedna biex jikkjarifikaw jekk l-offerta tagħhom kinitx tassew ippremessa fuq inqas minn 1.1 Punti ta’ Konċentrazzjoni ta’ Prossimità għal kull 1 000 utenti, ir-rikorrenti indikaw li dan ma kienx il-każ, iżda ma ppreżentawx xi parti tal-offerta tagħhom jew xi element ieħor sabiex jissostanzjaw din id-dikjarazzjoni.
48
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-perspettiva tar-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata għaliex hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva limitata għal dikjarazzjonijiet mhux vinkolanti fuq il-persunal, ma tidhirx li hija fondata. Minn dan isegwi li, bil-kuntrarju għall-allegazzjoni tar-rikorrenti fil-punt 37 tar-rikors tagħhom, kien ikun tassew neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa jekk il-Kummissjoni żbaljatx fil-kostatazzjoni li l-livelli tal-persunal, kif proposti fl-offerta tar-rikorrenti, kinux tassew insuffiċjenti u jekk ir-raġunijiet li kienu l-bażi ta’ dik il-konklużjoni kinux iddikjarati korrettament. Madankollu, kif stabbilit fil-punt 37 tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ma jqajmux din l-eċċezzjoni.
49
Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-allegazzjoni tar-rikorrenti fil-punt 80 tar-rikors, li l-Kummissjoni fehmet ħażin il-prinċipju bażiku tal-approċċ tal-persunal tagħhom, li, fil-fatt, ikkonsista li jagħmlu disponibbli numri ikbar ta’ persunal matul l-ewwel sena jew sentejn ta’ ħidma bil-ħsieb li jnaqqsuhom sostanzjalment fis-snin 3 u 4 wara żieda importanti ta’ effiċjenza permezz ta’ approċċi ta’ konsolidazzjoni innovattivi. Sa fejn din l-allegazzjoni tista’ tinftiehem bħala kontestazzjoni għall-konstatazzjonijiet fil-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, din tista’ biss tiġi miċħuda. B’mod partikolari, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li sforz ta’ konsolidazzjoni innovattiva matul l-ewwel snin jista’ jirriżulta f’numru iżgħar ta’ persunal ta’ sostenn għal numru ogħla ta’ utenti fis-snin ta’ wara, u jista’ għalhekk iqiegħed f’dubju l-adegwatezza ta’ mudell skont liema l-offerenti huma meħtieġa biss jiddikjaraw in-numri tal-persunal għas-sena 4, bin-numri għal snin 1, 2, u 3 jiġu kkalkolati b’mod awtomatiku f’proporzjon ma’ numru iżgħar ta’ utenti, ir-rikorrenti naqsu milli jipproduċu prova waħda biex juru li tassew ipproponew dawn il-metodi fl-offerta tagħhom, li kienu barra minn hekk trasparenti, loġiċi, koerenti, verifikabbli, kompleti u prattiċi, kif meħtieġ mill-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti (Taqsima 1-5-0 “Metodu tal-Persunal – Aspetti Finanzjarji”, Kapitolu 2.2). L-uniku element li jtejjeb l-effiċjenza li r-rikorrenti rreferew għalih fis-sottomissjoni orali tagħhom kien il-fatt li pproponew sistema li biha l-utenti kienu jitolbu apparat tat-teknoloġija tal-informatika permezz ta’ pjattaforma online minflok ma jużaw mezzi oħra ta’ telekomunikazzjoni. Madankollu, sa fejn argument ta’ dan it-tip jista’ jiġi evalwat mingħajr provi preċiżi ta’ sostenn, jidher li, kieku dawn il-miżuri setgħu jtejbu l-ġestjoni tal-ħin b’mod effiċjenti għall-utenti tas-servizz, ma jidhrux, fl-assenza ta’ iktar elementi sostantivi, li jaffettwaw sa grad apprezzabbli l-effiċjenza tal-persunal tal-offerent, mhux l-inqas peress illi ebda innovazzjoni partikolari ma kienet allegata sa fejn huwa kkonċernat il-kompitu tagħhom li jagħmlu disponibbli l-apparat mitlub.
50
Minn dan isegwi li l-ewwel motiv ukoll ma jistabbilixxix każ prima facie.
51
Sa fejn it-tielet motiv huwa kkonċernat (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tidhirx li evalwat l-approċċ tal-provvista tal-persunal tagħhom sempliċement fuq il-bażi li naqqsu li jobsru n-numri ta’ persunal ottimali li l-Kummissjoni kellha f’moħħha. Pjuttost, jidher mill-analiżi fir-rigward tal-ewwel motiv li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq jekk l-approċċ tal-provvista tal-persunal tar-rikorrenti laħaq b’mod oġġettiv il-kriterji stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, ir-riferiment fit-Taqsima 1-5-0 “Metodu tal-Persunal – Aspetti Finanzjarji”, Kapitolu 2.2, għall-“numru ottimali ta’ Ekwivalenti Full-time” huwa magħmul b’mod ċar biex jistabbilixxi l-iskop tal-metodu li l-offerent għandu jipproponi, filwaqt li l-evalwazzjoni ta’ dak il-metodu titmexxa abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-istess kapitolu. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma setgħux jindikaw xi element li jinsab fl-Ispeċfikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti jew fil-korrispondenza sussegwenti mal-Kummissjoni li huwa ta’ sostenn għat-teżi tagħhom li l-evalwazzjoni tal-offerta tagħhom kienet sempliċement ibbażata fuq allegat nuqqas li jaqtgħu l-ideat tal-Kummissjoni tan-numru ottimali ta’ persunal.
52
It-tielet motiv għalhekk ukoll ma jistax jistabbilixxi każ prima facie.
53
Fir-rigward tar-raba’ motiv (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti jippruvaw jagħmlu analoġija parallela mal-każ ta’ offerti baxxi b’mod mhux normali. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jallegaw li l-motivi li huma l-bażi taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom huma ta’ natura simili għall-motivi li fuqhom offerta baxxa b’mod mhux normali tista’ tiġi miċħuda. Għalhekk, minn dan isegwi li, qabel ma ċaħdet l-offerta tagħhom, il-Kummissjoni kienet meħtieġa titlob dettalji tal-elementi kostitwenti rilevanti tagħha u li tivverifika dawk l-elementi, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet li rċeviet skont l-Artikolu 151 tar-Regolament Nru 1268/2012.
54
Madankollu, dan il-motiv huwa wkoll ibbażat fuq premessa żbaljata.
55
B’mod partikolari, kif iddikjarat fil-punt 77 tar-rikors, offerta li tidher bħala baxxa b’mod anormali tqajjem suspett li l-offerent ma jkunx jista’ jrendi skont it-termini offerti. Għall-fini ta’ eżempju, dan jista’ jkun minħabba li l-prezz offerut jidher baxx wisq jew għaliex is-soluzzjonijiet tekniċi proposti jidhru lil hinn mill-kompetenza tal-offerent. Madankollu, karatteristika bażika f’dawn iċ-ċirkustanzi hija li t-termini tal-offerta jitqiesu mill-awtorità tal-għoti bħala li jilħqu l-kriterji tas-sejħa għall-offerti, fejn is-suspetti ta’ dawn tal-aħħar jikkonċernaw parti oħra tal-evalwazzjoni, jiġifieri l-abbiltà tal-offerent li jrendi skont dawk it-termini speċifiċi. Barra minn hekk, dan it-tħassib huwa distint mill-evalwazzjoni tal-abbiltà ġenerali tal-offerent, li għandha titmexxa fil-fażi tal-għażla.
56
Madankollu, kif jidher mill-analiżi fir-rigward tal-ewwel motiv, f’dan il-każ il-Kummissjoni kkunsidrat li t-termini offerti kienu inaċċettabbli sa fejn l-approċċ tal-persunal tal-Uffiċċju Ewlieni, is-Sostenn Loġistiku u l-Uffiċċju ta’ Sostenn Sekondarju kienu kkonċernati, billi ma ssodisfawx il-kriterji tekniċi għall-evalwazzjoni tal-metodi rilevanti. Għalhekk ebda analoġija parallela ma tista’ ssir mal-każ ta’ offerti baxxi b’mod anormali fil-każ inkwistjoni.
57
Konsegwentement, ir-raba’ motiv ukoll ma jistabbilixxix każ prima facie.
58
Mill-analiżi tal-motivi kollha invokati mir-rikorrenti, isegwi wkoll li l-kriterji inkwistjoni, kif stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet tas-Sejħa għal offerti, ma jidhrux ivvizzjati minn xi difett legali.
59
Għalhekk, din it-talba għandha tiġi miċħuda billi ebda każ prima facie ma ġie stabbilit mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ urġenza jew il-bilanċ ta’ interessi.
Għal dawn il-motivi,
L- IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI
jaqta’ u jiddeċiedi:
1)
It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Il-Lussemburgu, 4 ta’ Frar 2014.
E. Coulon
Ir-Reġistratur
N. Forwood
L-Imħallef għal miżuri provviżorji
( *1 ) Lingwa tal-każ: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy