18.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas – il-Litwanja) – Bronius Jakutis, Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos, Lietuvos valstybė
(Kawża C-103/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Regolament (KE) Nru 73/2009 - Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) - Atti li jimplementaw dan ir-regolament - Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba - Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa - Tnaqqis tal-ammonti - Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 - Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni))
(2016/C 016/05)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Vilniaus apygardos administracinis teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bronius Jakutis, Kretingalės kooperatinė ŽŪB
Konvenuta: Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos, Lietuvos valstybė
Fil-preżenza ta’: Lietuvos Respublikos Vyriausybė, Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerija
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 7(1), 10(1) u 121 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li l-imsemmi livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti u li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li dan l-aħħar livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal dak tal-Istati tal-Komunità Ewropea kif kienet komposta fit-30 ta’ April 2004.
2)
Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4391 finali, tat-2 ta’ Lulju 2012, li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Litwanja għas-sena 2012, hija invalida, filwaqt li mill-eżami tad-domandi preliminari ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 10(1) in fine u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) in fine tar-Regolament Nru 73/2009.
3)
Mill-eżami tal-imsemmija domandi ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010.
4)
It-tifsira tat-terminu “dydis”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni, li ddaħħal fir-regolament permezz tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, hija l-istess bħal dik tat-terminu “lygis”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009.
(1) ĠU C 142, 12.05.2014.
Full & Egal Universal Law Academy