14.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 302/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – Beteiligungsgesellschaft Larentia + Minerva mbH & Co. KG vs Finanzamt Nordenham (C-108/14) u Finanzamt Hamburg-Mitte vs Marenave Schiffahrts AG (C-109/14)
(Kawżi Magħquda C-108/14 u C-109/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - VAT - Sitt Direttiva 77/388/KEE - Artikolu 17 - Dritt għal tnaqqis - Tnaqqis parzjali - VAT imħallsa minn kumpanniji holdings għall-akkwist ta’ kapital investit fil-kumpanniji sussidjarji tagħhom - Provvisti ta’ servizzi pprovduti lill-kumpanniji sussidjarji - Kumpanniji sussidjarji kkostitwiti minn soċjetajiet - Artikolu 4 - Kostituzzjoni ta’ grupp ta’ persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda - Kundizzjonijiet - Neċessità ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni - Effett dirett))
(2015/C 302/08)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Beteiligungsgesellschaft Larentia + Minerva mbH & Co. KG (C-108/14), Finanzamt Hamburg-Mitte (C-109/14)
Konvenuti: Finanzamt Nordenham (C-108/14), Marenave Schiffahrts AG (C-109/14)
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 17(2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/69/KE, tal-24 ta’ Lulju 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
—
l-ispejjeż marbuta max-xiri tal-ishma fil-kumpanniji sussidjarji appoġġjati minn kumpannija holding li tinvolvi ruħha fl-amministrazzjoni tagħhom u li, għal dan il-għan, twettaq attività ekonomika għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali tagħha u t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq dawn l-ispejjeż għandha, bħala prinċipju, titnaqqas fl-intier tagħha, sakemm uħud mit-tranżazzjonijiet ekonomiċi mwettqa output ma jkunux eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud bis-saħħa tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2006/69, f’liema każ id-dritt għal tnaqqis għandu jseħħ biss skont il-metodi previsti fl-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva;
—
l-ispejjeż marbuta max-xiri tal-ishma fil-kumpanniji sussidjarji appoġġjati minn kumpannija holding li tinvolvi ruħha biss fl-amministrazzjoni ta’ xi wħud minnhom u li, fir-rigward tal-oħrajn, ma twettaqx, min-naħa l-oħra, attività ekonomika għandhom jitqiesu li jagħmlu parti biss parzjalment mill-ispejjeż ġenerali tagħha, hekk li t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq dawn l-ispejjeż tista’ titnaqqas biss fi proporzjon għal dawk li huma inerenti għall-attività ekonomika, skont kriterji ta’ allokazzjoni ddefiniti mill-Istati Membri, liema kriterji, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni – fatt li l-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw – l-għan u l-istruttura ġenerali tas-Sitt Direttiva u, għal dan il-għan, jipprovdu metodu ta’ kalkolu hekk li jirrifletti oġġettivament il-parti tal-attribuzzjoni reali tal-ispejjeż input lill-attività ekonomika u lill-attività mhux ekonomika.
2)
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2006/69, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-liġi nazzjonali tirriżerva l-possibbiltà li tikkostitwixxi raggruppament ta’ persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda għal raġunijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud kif previst fl-imsemmija dispożizzjoni, unikament lill-entitajiet li għandhom personalità ġuridika u li huma marbuta mal-korp dominanti ta’ dan ir-raggruppament f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni, sakemm dawn iż-żewġ rekwiżiti ma jikkostitwixxux miżuri neċessarji u xierqa biex jiksbu l-għanijiet intiżi li jipprevjenu l-prattiki jew l-aġir abbużiv jew il-ġlieda kontra l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
3)
L-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2006/69, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li għandu effett dirett li jippermetti lill-persuni taxxabbli sabiex jitolbu għall-benefiċċju tiegħu kontra l-Istat Membru tagħhom fil-każ li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tkunx kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u ma tistax tiġi interpretata konformement magħha.
(1) ĠU C 159, 26.5.2014.
Full & Egal Universal Law Academy