7.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo – Spanja) – Grupo Itevelesa SL, Applus Iteuve Technology, Certio ITV SL, Asistencia Técnica Industrial SAE vs Oca Inspección Técnica de Vehículos SA, Generalidad de Cataluña
(Kawża C-168/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Direttiva 2006/123/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Servizzi fis-suq intern - Direttiva 2009/40/KE - Aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq - Eżerċizzju minn korp privat - Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika - Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel - Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali - Sigurtà fit-toroq - Tqassim territorjali - Distanza minima bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq - Sehem tas-suq massimu - Ġustifikazzjoni - Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit - Koerenza - Proporzjonalità))
(2015/C 406/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Grupo Itevelesa SL, Applus Iteuve Technology, Certio ITV SL, Asistencia Técnica Industrial SAE
Konvenuti: Oca Inspección Técnica de Vehículos SA, Generalidad de Cataluña
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
2)
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, bħal dawk li huma s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-operaturi ta’ dawn iċ-ċentri għandhom setgħa ta’ immobilizzazzjoni fil-każ li minn dawn it-testijiet jirriżulta li l-vetturi jkollhom difetti ta’ sigurtà li jimplikaw perikolu imminenti.
3)
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ minn impriża jew minn grupp ta’ impriżi ta’ ċentru fejn isiru testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għall-kundizzjoni, minn naħa, li jkun hemm distanza minima bejn dan iċ-ċentru u ċ-ċentri diġà awtorizzati ta’ din l-impriża jew ta’ dan il-grupp ta’ impriżi u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija impriża jew l-imsemmi grupp ta’ impriżi ma jkollhomx, fil-każ li tingħata tali awtorizzazzjoni, sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 %, sakemm ma jiġix stabbilit, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li din il-kundizzjoni hija verament adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ sigurtà fit-toroq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-iskop.
(1) ĠU C 175, 10.6.2014.
Full & Egal Universal Law Academy