24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret – id-Danimarka) – Skatteministeriet vs DSV Road A/S
(Kawża C-187/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Regolament (KEE) Nru 2913/92 - Artikoli 203 u 204 - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 859 - Proċedura ta’ tranżitu estern - Tnissil tad-dejn doganali - Tneħħija jew le mis-sorveljanza doganali - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu - Preżentazzjoni tardiva tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni - Merkanzija li ġiet irrifjutata mid-destinatarju u rritornata mingħajr ma ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali - Merkanzija mqiegħda għal darba oħra taħt proċedura ta’ tranżitu estern permezz ta’ dikjarazzjoni ġdida - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 168(e) - Tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni mit-trasportatur))
(2015/C 279/16)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Skatteministeriet
Konvenuta: DSV Road A/S
fil-preżenza ta’: Danske Speditører
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 203 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li dejn doganali ma jitnissilx fuq il-bażi tas-sempliċi fatt li l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tittieħed lura fil-freeport tat-tluq, wara tentattiv ta’ kunsinna mingħajr suċċess, mingħajr la tkun ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni u lanqas fl-uffiċċju doganali tal-freeport, jekk jiġi stabbilit li din l-istess merkanzija ġiet sussegwentement ittrasportata mill-ġdid lejn il-post tad-destinazzjoni tagħha taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern eżegwita b’mod regolari. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-identità tal-merkanzija ttrasportata taħt l-ewwel u t-tieni proċeduri ta’ tranżitu Komunitarju estern ma tistax tiġi stabbilita, jitnissel dejn doganali skont dan l-artikolu.
2)
L-Artikolu 204 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emedat bir-Regolament Nru 1791/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 859 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentazzjoni tardiva fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni u taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tal-merkanzija mqiegħda taħt l-ewwel proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tikkostitwixxi nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jnissel dejn doganali, sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 356(3) jew fit-tieni inċiż tal-Artikolu 859 u fil-punt (2)(ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 859 ta’ dan ir-regolament ma jkunux issodisfatti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
3)
L-Artikolu 168(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni li għaliha huwa responsabbli t-trasportatur li la huwa l-importatur u lanqas il-proprjetarju tal-merkanzija kkonċernata iżda li sempliċement ittrasportha u ħa ħsieb il-formalitajiet doganali fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasportatur tal-merkanzija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.
(1) ĠU C 202, 30.6.2014.
Full & Egal Universal Law Academy