9.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) – Ir-Renju Unit) – Société de Produits Nestlé SA vs Cadbury UK Ltd
(Kawża C-215/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trade marks - Direttiva 2008/95/KE - Artikolu 3(3) - Kunċett ta’ “karattru distintiv miksub permezz tal-użu” - Trade mark tridimensjonali - Wajfer taċ-ċikkulata b’erba’ bars Kit Kat - Artikolu 3(1)(e) - Sinjal ikkostitwit kemm mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott u kemm minn dik neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku - Proċess ta’ manifattura inkluż fir-riżultat tekniku))
(2015/C 371/12)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (Chancery Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Société de Produits Nestlé SA
Konvenuta: Cadbury UK Ltd
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott bħala trade mark meta din il-forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, suġġett għall-kundizzjoni, madankollu, li minn tal-inqas waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tapplika għal kollox għall-forma inkwistjoni.
2)
L-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95, li jippermetti li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja għall-kisba tar-riżultat tekniku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż unikament għall-mod li bih il-prodott inkwistjoni jiffunzjona u ma japplikax fir-rigward tal-mod li bih huwa mmanifatturat.
3)
Sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95, sew jekk bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata jew flimkien magħha, l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti l-prova li l-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu l-prodott jew is-servizz koperti minn din l-unika trade mark, ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti, bħala li jkunu jipprovjenu minn impriża partikolari.
(1) ĠU C 235, 21.7.2014.
Full & Egal Universal Law Academy