18.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Employment Tribunals, Birmingham – ir-Renju Unit) – Kathleen Greenfield vs The Care Bureau Ltd
(Kawża C-219/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Ftehim qafas dwar xogħol part-time - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Direttiva 2003/88/KE - Dritt għal-leave annwali bil-ħlas - Kalkolu tad-drittijiet għal leave f’każ ta’ żieda fil-ħin tax-xogħol - Interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis))
(2016/C 016/09)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Employment Tribunals, Birmingham
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Kathleen Greenfield
Konvenuta: The Care Bureau Ltd
Dispożittiv
1)
Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa minn ħaddiem, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jipprovdu li d-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas diġà akkumulati, u eventwalment meħuda, jiġu kkalkolati mill-ġdid retroattivament skont ir-ritmu l-ġdid ta’ xogħol ta’ dan il-ħaddiem. Madankollu, kalkolu ġdid għandu jsir għall-perijodu li matulu l-ħin ta’ xogħol kien żdied.
2)
Il-Klawżola 4(2) tal-imsemmi ftehim qafas u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas għandu jsir skont l-istess prinċipji, sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-allowance kumpensatorja għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud dovuta f’każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata u sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-bqija tad-drittijiet għal-leave annwali bil-ħlas f’każ ta’ żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol.
(1) ĠU C 223, 14.7.2014.
Full & Egal Universal Law Academy