22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – Franza) – Air France-KLM, li qabel kienet Air France (C-250/14), Hop!-Brit Air SAS, li qabel kienet Brit Air (C-289/14) vs Ministère des Finances et des Comptes publics
(Kawżi Magħquda C-250/14 u C-289/14) (1)
((Taxxa fuq il-valur miżjud - Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà - Trasport bl-ajru - Biljett mixtri iżda mhux użat - Eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport - Ħruġ tal-biljett - Mument tal-ħlas tat-taxxa))
(2016/C 068/09)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Air France-KLM, li qabel kienet Air France (C-250/14), Hop!-Brit Air SAS, li qabel kienet Brit Air (C-289/14)
Konvenut: Ministère des Finances et des Comptes publics
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1999, u sussegwentement bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljetti minn kumpannija tal-ajru huwa suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta l-biljetti maħruġa ma jkunux intużaw mill-passiġġieri u meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu r-rimbors tagħhom.
2)
L-Artikolu 2(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fil-mument tax-xiri tal-biljett tal-ajru mill-passiġġier li ma jkunx uża l-biljett tiegħu ssir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett, kemm jekk mill-kumpannija tal-ajru nfisha, kemm jekk minn terz li jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, kif ukoll jekk minn terz li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-kumpannija tal-ajru.
3)
L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li terz jikkummerċjalizza l-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni u jħallasha, għall-biljetti maħruġa u skaduti, somma b’rata fissa kkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, din is-somma b’rata fissa tikkostitwixxi somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti.
(1) ĠU C 253, 4.8.2014
ĠU C 261, 11.8.2014
Full & Egal Universal Law Academy