12.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 335/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Timiș – ir-Rumanija) – Silvia Cup vs Administrația Județeană a Finanțelor Publice (AJFP) Timiș – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice (DGRFP) Timișoara
(Kawża C-288/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura indebitament - Eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw tali drittijiet għal rimbors ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni - Rimbors permezz ta’ pagament akkont fuq ħames snin - Rimbors suġġett għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ fondi miġbura minn taxxa - Assenza ta’ possibbiltà ta’ eżekuzzjoni forzata))
(2016/C 335/04)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Timiș
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Silvia Ciup
Konvenuta: Administrația Județeană a Finanțelor Publice (AJFP) Timiș – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice (DGRFP) Timișoara
Dispożittiv
1)
Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jissuġġettaw ir-rimbors ta’ taxxa, li tkun ġiet iddikjarata kontra d-dritt tal-Unjoni minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja jew li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dan id-dritt tirriżulta minn tali sentenza, għal kundizzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament din it-taxxa u li huma inqas favorevoli minn dawk li jiġu applikati, fl-assenza tagħhom, għal tali rimbors, fejn l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinivju f’dan il-każ.
2)
Il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprevedi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet ta’ rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tilwima pendenti quddiemha.
3)
Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat minn deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pagament akkont fuq ħames snin tar-rimbors ta’ dawn it-taxxi u li tikkundizzjona l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet fuq id-disponibbiltà tal-fondi miġbura minn taxxa oħra, mingħajr ma l-parti fil-kawża jkollha l-possibbiltà li ġġiegħel lill-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-obbligi tagħhom jekk huma ma jagħmlux dan volontarjament.
(1) ĠU C 303, 08.09.2014.
Full & Egal Universal Law Academy