22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – Gebhart Hiebler vs Walter Schlagbauer
(Kawża C-293/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2006/123/KE - Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae - Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika - Professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni - Kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien” - Limitazzjoni territorjali tal-liċenzja għall-eżerċizzju tal-professjoni - Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali - Neċessità - Proporzjonalità))
(2016/C 068/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Gebhart Hiebler
Konvenut: Walter Schlagbauer
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-eżerċizzju ta’ professjoni, bħal dik ta’ kennies taċ-ċmieni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kollu kemm hu, minkejja li din il-professjoni timplika t-twettiq mhux biss ta’ attivitajiet ekonomiċi privati, iżda wkoll ta’ kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-nirien”.
2)
L-Artikoli 10(4) u 15(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni, kollu kemm hu, għal settur ġeografiku partikolari, peress li din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix b’mod koerenti u sistematiku t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni fl-ipoteżi fejn il-kompiti li jaqgħu taħt il-“prevenzjoni tan-niren” għandhom jiġu kklassifikati bħala kompiti marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, sakemm il-limitazzjoni territorjali prevista hija neċessarja u proporzjonata mal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.
(1) ĠU C 303, 8.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy