22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Rüdiger Hobohm vs Benedikt Kampik Ltd & Co. KG, Benedikt Aloysius Kampik, Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL
(Kawża C-297/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi - Artikoli 15(1)(ċ) u 16(1) - Kunċett ta’ attività kummerċjali “mmexxija għal” [diretta lejn] l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur - Kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju li jservi sabiex jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex permezz ta’ kuntratt ta’ senserija konkluż preċedentement fl-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali jew professjonali “mmexxija għal” [diretta lejn] l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur - Rabta mill-qrib))
(2016/C 068/11)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rüdiger Hobohm
Konvenuti: Benedikt Kampik Ltd & Co. KG, Benedikt Aloysius Kampik, Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL
Dispożittiv
L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, sa fejn dan jipprevedi l-kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew professjonali “diretta” mill-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat għal kuntratt, konkluż bejn konsumatur u professjonist, li bħala tali ma jaqax fl-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn dan il-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, iżda li għandu rabta mill-qrib ma’ kuntratt konkluż preċedentement bejn l-istess partijiet fil-kuntest ta’ tali attività. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu din ir-rabta, speċifikament l-identità, fid-dritt jew fil-fatt, tal-partijiet għal dawn iż-żewġ kuntratti, l-identità tal-għan ekonomiku mfittex minnhom li jirrigwarda l-istess suġġett konkret u l-kumplimentarjetà tat-tieni kuntratt mal-ewwel kuntratt sa fejn huwa intiż sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex minn dan il-kuntratt tal-aħħar, humiex issodisfatti.
(1) ĠU C 303, 8.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy