1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Ráckevei Járásbíróság – l-Ungerija) – Banif Plus Bank Zrt. vs Márton Lantos, Mártonné Lantos
(Kawża C-312/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2004/39/KE - Artikoli 4(1) u 19(4), (5) u (9) - Swieq fl-istrumenti finanzjarji - Kunċett ta’ “Servizzi u attivitajiet ta’ investiment” - Dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri - Regoli ta’ kondotta meta jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment lill-klijenti - Obbligu li tiġi evalwata l-adegwatezza jew in-natura xierqa tas-servizz li għandu jingħata - Konsegwenzi kuntrattwali tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu - Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur - Self f’munita barranija - Rilaxx u rimbors tas-self fil-munita nazzjonali - Klawżoli dwar ir-rati tal-kambju))
(2016/C 038/07)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Ráckevei Járásbíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Banif Plus Bank Zrt.
Konvenuti: Márton Lantos, Mártonné Lantos
Dispożittiv
Il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxux servizz jew attività ta’ investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ċerti tranżazzjonijiet ta’ kambju, magħmula minn istituzzjoni ta’ kreditu skont klawżoli ta’ kuntratt ta’ self f’munita barranija bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu f’li jiġi stabbilit l-ammont tas-self abbażi tal-prezz tax-xiri tal-munita applikabbli meta jiġu rrilaxxati l-fondi u li jiġu ddeterminati l-ammonti tal-pagamenti mensili abbażi tal-prezz tal-bejgħ ta’ din il-munita applikabbli matul il-kalkolu ta’ kull pagament mensili.
(1) ĠU C 303, 8.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy