16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2015 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – il-Pajjiżi l-Baxxi) – R. L. Trijber, li jaġixxi taħt l-isem Amstelboats vs College van burgemeester en wethouders van Amsterdam (C-340/14), J. Harmsen vs Burgemeester van Amsterdam (C-341/14)
(Kawżi magħquda C-340/14 u C-341/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2006/123/KE - Servizzi fis-suq intern - Navigazzjoni ta’ divertiment - Djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina - Artikolu 2(2)(d) - Kamp ta’ applikazzjoni - Esklużjoni - Servizzi fil-qasam tat-trasport - Libertà ta’ stabbiliment - Skema għal awtorizzazzjoni - Artikolu 10(2)(ċ) - Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni - Proporzjonalità - Kundizzjoni lingwistika - Artikolu 11(1)(b) - Perijodu tal-awtorizzazzjoni - Limitazzjoni tan-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli - Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali))
(2015/C 381/09)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: R. L. Trijber, li jaġixxi taħt l-isem Amstelboats (C-340/14), J. Harmsen (C-341/14)
Konvenuti: College van burgemeester en wethouders van Amsterdam, Burgemeester van Amsterdam
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern għandu jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, attività, bħal dik li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizz ta’ teħid ta’ passiġġieri fuq dgħajsa sabiex dawn iżuru belt minn passaġġi fuq l-ilma għal finijiet marbuta ma’ avveniment, ma tikkostitwixxix servizz fil-“qasam tat-trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
2)
L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-għoti, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ awtorizzazzjonijiet għal perijodu indefinit għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa għal dan il-għan minn dawn l-istess awtoritajiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
3)
L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-Kawża C-341/14, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, billi jinkrew kmamar fuq bażi ta’ xift, għall-kundizzjoni li l-fornitur ta’ dawn is-servizzi jkun f’pożizzjoni li jikkomunika b’lingwa li tinftiehem mill-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, f’dan il-każ il-prostituti, meta din il-kundizzjoni hija xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ reati marbuta mal-prostituzzjoni, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.
(1) ĠU C 339, 29.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy