1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa – il-Latvja) – SIA “Maxima Latvija” vs Konkurences padome
(Kawża C-345/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kompetizzjoni - Artikolu 101(1) TFUE - Applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali analoga - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kunċett ta’ “ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni” - Kuntratti ta’ kiri kummerċjali - Ċentri kummerċjali - Dritt tal-kerrej prinċipali li jopponi l-kiri mill-proprjetarju ta’ spazji kummerċjali lil terzi))
(2016/C 038/10)
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākā tiesa
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SIA “Maxima Latvija”
Konvenut: Konkurences padome
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li kuntratt ta’ kiri kummerċjali li jirrigwarda l-kiri ta’ supermarket li jinsab f’ċentru kummerċjali jkun fih klawżola li tagħti lill-kerrej id-dritt li jopponi għall-kiri mis-sid tal-proprjetà immobbli, f’dan iċ-ċentru, ta’ spazji kummerċjali lil kerrejja oħra, ma jfissirx li dan il-kuntratt għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
2)
Jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ftehim li għandu “bħala effett” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-kuntratti ta’ kiri kummerċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn fir-rigward tagħhom, wara analiżi fil-fond tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jaqgħu fih, kif ukoll tal-ispeċifiċitajiet tas-suq ta’ referenza kkonċernat, jirriżulta li dawn jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għal eventwali għeluq tal-aċċess għal dan is-suq. L-importanza tal-kontribuzzjoni ta’ kull kuntratt għal dan l-għeluq tal-aċċess tiddependi, b’mod partikolari, mill-pożizzjoni tal-partijiet kontraenti fl-imsemmi suq inkwistjoni u mit-tul ta’ dan il-kuntratt.
(1) ĠU C 329, 22.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy