23.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 389/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Cluj – ir-Rumanija) – SC Capoda Import-Export SRL vs Registrul Auto Român, Benone-Nicolae Bejan
(Kawża C-354/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Moviment liberu tal-merkanzija - Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Prodotti f’moviment liberu fil-Ġermanja - Prodotti suġġetti għall-kontrolli ta’ approvazzjoni fir-Rumanija - Ċertifikat ta’ konformità pprovdut minn distributur ta’ Stat Membru ieħor - Ċertifikat meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti - Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku - Inammissibbiltà parzjali))
(2015/C 389/10)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Cluj
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Capoda Import-Export SRL
Konvenuta: Registrul Auto Român, Benone-Nicolae Bejan
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva Nru 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq – f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, barra minn hekk, eċċezzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali.
2)
Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi rrapportata l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.
(1) ĠU C 361, 13.10.2014.
Full & Egal Universal Law Academy