8.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Аdministrativen sad – il-Bulgarija) – “Polihim-SS” EOOD vs Nachalnik na Mitnitsa Svishtov
(Kawża C-355/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxi indiretti - Dazji tas-sisa - Direttiva 2008/118/KE - Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa - Artikolu 7(2) - Kunċett ta’ “tneħħija ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju” - Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku - Direttiva 2003/96/KE - Artikolu 14(1)(a) - Użu ta’ prodotti tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku - Xiri u bejgħ mill-ġdid minn xerrej intermedjarju ta’ prodotti tal-enerġija li jinsabu f’maħżen tat-taxxa - Kunsinna diretta tal-prodotti tal-enerġija lil operatur bil-għan tal-produzzjoni ta’ elettriku - Indikazzjoni tax-xerrej intermedjarju bħala “destinatarju” tal-prodotti fid-dokumenti tat-taxxa - Ksur tar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali bil-għan tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa - Rifjut ta’ eżenzjoni - Prova tal-użu tal-prodotti f’kundizzjonijiet li jippermettu l-eżenzjoni mis-sisa - Proporzjonalità))
(2016/C 287/06)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Аdministrativen sad – Pleven
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Polihim-SS” EOOD
Konvenut: Nachalnik na Mitnitsa Svishtov
fil-preżenza ta’: Okrazhna prokuratura Pleven
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bejgħ ta’ prodott suġġett għad-dazju tas-sisa miżmum minn magazzinier awtorizzat f’maħżen tat-taxxa jwassal għar-rilaxx għall-konsum tiegħu biss fil-mument li fih dan il-prodott jitlaq fiżikament minn dan il-maħżen tat-taxxa.
2)
L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi rifjut mill-awtoritajiet nazzjonali li jeżentaw mid-dazju tas-sisa prodotti tal-enerġija li, wara li jkunu nbiegħu minn magazzinier awtorizzat lil xerrej intermedjarju, jinbiegħu mill-ġdid minn dan tal-aħħar lil konsumatur finali li jissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali bil-għan ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa u li lilu dawn il-prodotti huma direttament ikkunsinnati minn dan il-magazzinier awtorizzat mill-maħżen tat-taxxa tiegħu, minħabba s-sempliċi raġuni li x-xerrej intermedjarju, iddikjarat mill-magazzinier awtorizzat bħala d-destinatarju tagħhom, ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur finali awtorizzat mid-dritt nazzjonali sabiex jirċievi prodotti tal-enerġija eżenti mid-dazju tas-sisa.
(1) ĠU C 329, 22.9.2014.
Full & Egal Universal Law Academy