22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Finanzgericht Köln – il-Ġermanja) – Timac Agro Deutschland GmbH vs Finanzamt Sankt Augustin
(Kawża C-388/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Leġiżlazzjoni fiskali - Taxxa fuq il-kumpanniji - Libertà ta’ stabbiliment - Stabbiliment permanenti mhux residenti - Prevenzjoni tat-taxxa doppja bl-eżenzjoni tad-dħul tal-istabbiliment permanenti mhux residenti - Teħid inkunsiderazzjoni tat-telf sostnut minn tali stabbiliment permanenti - Tintegra mill-ġdid it-telf imnaqqas preċedentement f’każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment mhux residenti - Telf definittiv))
(2016/C 068/17)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Köln
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Timac Agro Deutschland GmbH
Konvenuta: Finanzamt Sankt Augustin
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema, f’każ ta’ trasferiment minn kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija mhux residenti li tagħmel parti mill-istess grupp tal-ewwel kumpannija, it-telf preċedentement imnaqqas fir-rigward tal-istabbiliment ittrasferit huwa integrat mill-ġdid fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija ċedenti meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-dħul ta’ tali stabbiliment permanenti huwa eżenti minn taxxa fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li fuqha kien jiddependi dan l-istabbiliment għandha s-sede tagħha.
2)
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’każ ta’ trasferiment mill-kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor għal kumpannija mhux residenti li taqa’ fl-istess grupp bħall-ewwel kumpannija, teskludi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tieħu inkunsiderazzjoni t-telf tal-istabbiliment ittrasferit fil-bażi taxxabbli tagħha meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, il-ġurisdizzjoni esklużiva li jiġu ntaxxati r-riżultati ta’ dan l-istabbiliment hija tal-Istat Membru fejn huwa jinsab.
(1) ĠU C 372, 20.10.2014.
Full & Egal Universal Law Academy