31.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-8 ta’ Settembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tad-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság – l-Ungerija) – Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága
(Kawża C-409/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura Magħquda - Klassifikazzjoni tal-merkanzija - Interpretazzjoni ta’ subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda - Direttiva 2008/118/KE - Importazzjoni ta’ prodotti suġġetti għas-sisa - Proċedura jew arranġament doganali sospensivi - Konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni doganali bl-indikazzjoni ta’ subintestatura żbaljata tan-Nomenklatura Magħquda - Irregolaritajiet waqt il-moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa))
(2016/C 402/03)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft.
Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága
Dispożittiv
1)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li merkanzija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’tabbakk għat-tipjip, ma taqax taħt l-intestatura 2401 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, minkejja l-preżenza ta’ skart tat-tabakk, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ta’ ostakolu għad-destinazzjoni tal-prodott inkwistjoni. Tali merkanzija tista’ madankollu taqa’ taħt l-intestatura 2403 ta’ din in-nomenklatura, u b’mod partikolari tas-subintestatura 2403 10 90 ta’ din in-nomenklatura, meta tkun maħlula, kumpatta u ppakkjata f’kaxxi miksija bil-plastik b’piż nett ta’ 30 kilogramm.
2)
Il-kunċett ta’ “proċedura jew arranġament doganali sospensivi”, previst mill-Artikolu 4(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-issuġġettar ta’ merkanzija speċifika għall-proċedura jew għall-arranġament doganali sospensivi ma tistax tiġi kkontestata meta l-kapitolu tat-tariffa doganali komuni li taħtu taqa’ l-merkanzija huwa msemmi b’mod korrett fid-dokumentazzjoni li takkumpanjaha, filwaqt li s-subintestatura speċifika hija indikata ħażin. F’tali każ, l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2008/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma kienx hemm importazzjoni ta’ din il-merkanzija u li din ma hijiex suġġetta għad-dazju tas-sisa.
3)
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix merkanzija mqiegħda taħt proċedura jew arranġament doganali sospensivi li tkun akkumpanjata minn dokument li jsemmi klassifikazzjoni tariffarja inkorretta.
(1) ĠU C 439, 8.12.2014.
Full & Egal Universal Law Academy