2.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 156/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Högsta domstolen – l-Iżvezja) – Canadian Oil Company Sweden AB, Anders Rantén vs Riksåklagaren
(Kawża C-472/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi - Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) - Estensjoni tal-qasam armonizzat - Reġistrazzjoni ta’ sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qabel ma jitqiegħdu fis-suq - Artikolu 5 - Reġistru nazzjonali ta’ prodotti kimiċi - Obbligu ta’ notifika għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni - Kompatibbiltà mar-Regolament REACH - Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE - Restrizzjoni kwantitattiva dwar l-importazzjoni))
(2016/C 156/14)
Lingwa tal-kawża: is-Svediż
Qorti tar-rinviju
Högsta domstolen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Canadian Oil Company Sweden AB, Anders Rantén
Konvenut: Riksåklagaren
Dispożittiv
1)
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni’ u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2009, tat-22 ta’ Ġunju 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil importatur ta’ prodotti kimiċi li jirreġistra dawn il-prodotti mal-awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li dan l-importatur huwa diġà marbut b’obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti skont dan ir-regolament mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, sakemm din ir-reġistrazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti ma tikkostitwixxix kundizzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti, li tirrigwarda informazzjoni differenti minn dik rikjesta minn dan ir-regolament u li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi segwiti minnu, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ dawn is-sustanzi fis-suq intern, b’mod partikolari permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli tal-ġestjoni sigura ta’ tali prodotti fl-Istat Membru kkonċernat u peremzz tal–evalwazzjoni ta’ din il-ġestjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.
2)
Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux l-obbligu ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni tal-prodotti kimiċi, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
(1) ĠU C 448, 15.12.2014
Full & Egal Universal Law Academy