1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság – l-Ungerija) – SC Total Waste Recycling SRL vs Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség
(Kawża C-487/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Skart - Vjaġġi - Regolament (KE) Nru 1013/2006 - Vjaġġi fi ħdan l-Unjoni Ewropea - Punt tad-dħul differenti minn dak previst fin-notifika u fil-kunsens minn qabel - Bidla essenzjali fid-dettalji tal-vjaġġ tal-iskart - Vjaġġ illegali - Proporzjonalità tal-multa amministrattiva))
(2016/C 038/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Total Waste Recycling SRL
Konvenuta: Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2008, tal-15 ta’ Lulju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġ tal-iskart, bħal dak imsemmi fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika u li kien suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti għandu jitqies bħala bidla essenzjali fid-dettalji u/jew il-kundizzjonijiet tal-vjaġġ suġġetti għal kunsens, tat-tip li l-fatt li ma ġewx informati l-awtoritajiet kompetenti b’din il-bidla għandu l-konsegwenza li l-vjeġġ tal-iskart huwa illegali, peress illi “twettaq b’mod li ma huwiex speċifikat materjalment fid-dokument ta’ notifika”, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(d) tal-imsemmi regolament.
2)
L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 669/2008, skont liema s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament iridu jkunu proporzjonati, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ multa sabiex tippenalizza l-vjaġġ tal-iskart, bħal dawk elenkati fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, fil-pajjiż ta’ tranżitu minn punt ta’ passaġġ konfinali differenti minn dak indikat fid-dokument ta’ notifika suġġett għal kunsens mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż li l-ammont bażiku jikkorrispondi ma’ dak tal-multa imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jinkiseb kunsens u li titwettaq notifika bil-miktub minn qabel, ma tistax titqies bħala proporzjonali biss jekk iċ-ċirkustanzi tal-ksur kommess jagħmluha possibbli li wieħed jara li huma ksur ta’ gravità ekwivalenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali u ġuridiċi tal-każ li għandha quddiemha u, b’mod partikolari, ir-riskji li jistgħu jiġu kkawżati mill-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, jekk l-ammont tas-sanzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.
(1) ĠU C 7, 12.01.2015.
Full & Egal Universal Law Academy