28.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 320/7
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad -Varna – il-Bulgarija) – “Koela-N” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
(Kawża C-159/14) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Tassazzjoni - VAT - Direttiva 2006/112/KE - Prinċipju ta’ newtralità fiskali - Tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa - Kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” - Kundizzjoni għall-eżistenza ta’ kunsinna ta’ oġġetti - Trasferiment ta’ oġġetti mit-trasportatur direttament mill-fornitur lil persuna terza - Assenza ta’ prova ta’ pussess effettiv tal-oġġetti mill-fornitur dirett - Assenza ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-awtoritajiet fiskali - Assenza ta’ trasbord tal-merkanzija - Provi li jiġġustifikaw suspett ta’ frodi fiskali))
(2015/C 320/09)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad – Varna
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Koela-N” EOOD
Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tqis li kunsinna ta’ oġġetti ma twettqitx, bil-konsegwenza li tiġi ostakolata l-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-akkwirent tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa waqt dan l-akkwist minħabba li l-imsemmi akkwirent ma rċeviex il-merkanzija li huwa xtara iżda bagħtha direttament lil persuna terza, lil liema persuna huwa biegħ mill-ġdid il-merkanzija, jew minħabba li l-fornitur dirett ta’ dan l-akkwirent ma rċeviex il-merkanzija li huwa xtara iżda bagħtha direttament lill-imsemmi akkwirent.
2)
L-assenza ta’ kooperazzjoni tal-fornituri preċedenti ta’ persuna taxxabbli fil-katina kummerċjali mal-awtoritajiet fiskali u l-assenza ta’ trasbord tal-merkanzija kkonċernata ma jikkostitwixxux, minnhom innifishom, provi oġġettivi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt tagħha għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud kienet involuta fi frodi fiskali. Madankollu, dawn iż-żewġ ċirkustanzi huma provi oġġettivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha, sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija persuna taxxabbli kinitx taf jew kellhiex tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt tagħha għal tnaqqis kienet involuta fi frodi fiskali.
(1) ĠU C 175, 10.6.2014.
Full & Egal Universal Law Academy