KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑43/14
ŠKO-ENERGO s.r.o.
vs
Odvolací finanční ředitelství
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka)]
“Protezzjoni tal-klima — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Applikazzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet għall-allokazzjoni mingħajr ħlas — Produzzjoni tal-enerġija elettrika”
I – Introduzzjoni
1.
In-Nejvyšší správní soud, li hija l-Qorti Suprema Amministrattiva tar-Repubblika Ċeka, irreferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87 ( 2 ). Bħal fil-kawża Spanjola Iberdrola ( 3 ), hija kkonċernata l-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, f’din il-kawża ma hijiex involuta taxxa maħsuba apposta għall-qligħ eċċezzjonali miksub minħabba l-allokazzjoni mingħajr ħlas, iżda hija involuta l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-donazzjonijiet fuq din l-allokazzjoni.
2.
Għaldaqstant għandu jiġi ċċarat jekk din it-taxxa fuq id-donazzjonijiet hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas. Fil-każ li t-taxxa ma tkunx kompatibbli ma’ dan il-prinċipju, għandu jiġi diskuss ukoll jekk għandux jiġi ntaxxat mill-inqas ammont ta’ inqas minn 10 % tal-valur tal-kwoti kollha allokati fl-Istat Membru, peress li l-Istati Membri huma obbligati biss li jallokaw mingħajr ħlas 90 % tal-kwoti. F’dan il-kuntest, l-involviment tal-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni huwa ta’ importanza kruċjali.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3.
Għalkemm il-Qorti Suprema Amministrattiva tirreferi għad-Direttiva 2009/29 ( 4 ), li emendat id-Direttiva 2003/87, skont l-Artikolu 3 tal-ewwel direttiva msemmija din tal-aħħar kienet tapplika fil-verżjoni applikabbli preċedentement sal-31 ta’ Diċembru 2012. B’hekk, it-tassazzjoni kkontestata fil-kawża preżenti tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għas-snin 2011 u 2012 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-verżjoni preċedenti.
4.
L-għanijiet u s-suġġett tad-Direttiva 2003/87 huma stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità (minn issa ’l quddiem imsjħa l-‘iskema Komunitarja’) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”
5.
Il-kwoti ta’ emissjonijiet huma ddefiniti fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
a)
‘kwota ta’ emissjoni’ tfisser id-dritt ta’ emissjoni ta’ tunnellata metrika ta’ l-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju matul perjodu taż-żmien speċifikat […]”
6.
Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-allokazzjoni tal-kwoti:
“Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”
7.
L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jirregola s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pjanijiet ta’ allokazzjoni tal-Istati Membri:
“Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. […]”.
8.
L-ispejjeż tal-kwoti ta’ emissjonijiet huma rregolati mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87:
“Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwotai mingħajr ħlas. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 90 % tal-kwoti mingħajr ħlas.”
9.
L-allokazzjoni reali matul il-perijodu rilevanti kienet suġġetta għall-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87:
“Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008 […], kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”
10.
L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/87 jirregola l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri:
“Kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan ir-rapport irid jagħti attenzjoni partikolari lill-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ kwoti […] u l-kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-konformità mad-Direttiva u t-trattament fiskali ta’ kwoti, jekk ikun hemm […]”
B – Id-dritt Ċek
11.
Id-Direttiva 2003/87 ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni Ċeka permezz tal-Liġi Nru 695/2004 dwar ir-regoli għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li temenda ċerti atti. Din il-liġi tirregola, fost l-oħrajn, il-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-iskema għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.
12.
Permezz tal-Liġi Nru 402/2010, il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet ġiet emendata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011. Skont l-Artikolu 6(8) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet, l-akkwist mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet kien suġġett għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet:
“Is-suġġett tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa l-akkwist mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-snin 2011 u 2012 għall-produzzjoni tal-elettriku f’impjant li, fl-1 ta’ Jannar 2005 jew minn dakinhar, kien jipproduċi l-elettriku sabiex ibigħu lil terzi u li fih ma titwettaq l-ebda attività oħra koperta mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-produttur tal-elettriku minbarra l-ħruq ta’ karburanti (iktar ’il quddiem il-‘kwoti akkwistati mingħajr ħlas’).”
13.
L-Artikolu 7a tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet jirregola l-ammont taxxabbli għall-kwoti akkwistati mingħajr ħlas:
“(1) L-ammont taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fir-rigward ta’ kwoti akkwistati mingħajr ħlas huwa l-valur tas-suq medju ta’ kwota ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja kkonċernata, immultiplikat bl-għadd ta’ kwoti akkwistati mingħajr ħlas għall-produzzjoni tal-elettriku fis-sena kalendarja kkonċernata.
(2) Il-valur tas-suq medju ta’ kwota ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-28 ta’ Frar tas-sena kalendarja kkonċernata għandu jitħabbar mill-Ministeru għall-Ambjent b’tali mod li jkun possibbli l-aċċess mill-bogħod.”
14.
Ir-rata tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet għal kwoti akkwistati mingħajr ħlas hija stabbilita fl-Artikolu 14a tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet.
“Ir-rata tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet għal kwoti akkwistati mingħajr ħlas tammonta għal 32 %.”
15.
L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet jeżenta minn din it-taxxa, fost l-oħrajn, l-akkwist mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet għal skopijiet ta’ koġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana.
16.
Il-Qorti Suprema Amministrattiva tinforma li l-emenda msemmija tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-donazzjonijiet ġiet adottata fuq il-bażi tal-motivi tal-Liġi sabiex tkopri n-nefqa għall-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. L-introduzzjoni tal-għajnuna wasslet għal żieda evidenti fl-użu tas-sorsi appoġġati u fl-istess ħin għal tnaqqis tan-nefqa kapitali għall-iżvilupp tagħhom, kif irriżulta b’mod partikolari fir-rigward tal-impjanti tal-enerġija solari. B’hekk kellu jintnefaq ammont kbir f’mezzi sabiex titħallas l-għajnuna mogħtija lill-operaturi ta’ impjanti tal-enerġija solari. Id-dħul mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet introdotta għal kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas sar wieħed mis-sorsi sabiex ikopri din l-għajnuna.
III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
17.
Ir-Repubblika Ċeka allokat drittijiet ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lil ŠKO-ENERGO, s.r.o. (iktar ’il quddiem “SKO”), għall-produzzjoni tal-elettriku fis-snin 2011 u 2012, iżda imponiet taxxa fuq id-donazzjonijiet fir-rigward ta’ din l-allokazzjoni li tammonta għal CZK 20 473 152 (din tikkorrispondi għal madwar EUR 740 000).
18.
SKO kkontestat din it-tassazzjoni. F’din il-proċedura, il-Qorti Suprema Amministrattiva qed tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:
L-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2003/87] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jissuġġettaw l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, matul il-perijodu rilevanti, għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet?
19.
SKO, id-Direttorat għall-Appell dwar il-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha minbarra d-Direttorat għall-Appell dwar il-Finanzi pparteċipaw ukoll fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
20.
Il-Qorti Suprema Amministrattiva tixtieq tkun taf jekk, fir-rigward tas-snin 2011 u 2012, l-issuġġettar tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet huwiex kompatibbli mal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Għandu jingħad ukoll li r-Repubblika Ċeka tintaxxa biss parti mill-allokazzjoni, jiġifieri l-kwoti li ġew allokati għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-ħruq ta’ karburanti, bl-eċċezzjoni tal-koġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana.
21.
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni applikabbli matul dan il-perijodu kien jipprevedi allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ mill-inqas 90 % tal-kwoti ta’ emissjonijiet.
22.
L-ewwel nett għandu jiġi diskuss jekk l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Sussegwentement, għandu jiġi indirizzat l-argument tar-Repubblika Ċeka fis-sens li t-tassazzjoni kienet tirrappreżenta inqas minn 10 % tal-valur tal-kwoti allokati u b’hekk ma tmurx kontra r-rekwiżit tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ 90 % tal-kwoti (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B).
A – Fuq il-kunċett ta ’ “mingħajr ħlas ”
23.
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-kunċett ta’ “mingħajr ħlas” previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 ma jipprekludix biss l-iffissar dirett ta’ prezz għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni, iżda wkoll il-ġbir sussegwenti ta’ taxxa fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-imsemmija kwoti ( 5 ).
24.
Ir-Repubblika Ċeka hija tal-fehma li t-taxxa, bħalma kienet is-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Iberdrola u Gas Natural, isservi biss sabiex tintaxxa l-qligħ eċċezzjonali, li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet tali tassazzjoni.
25.
Tali argument jista’ madankollu jiġi kkontestat minħabba li l-leġiżlazzjoni Spanjola eżaminata fis-sentenza msemmija tintaxxa b’mod verifikabbli l-qligħ eċċezzjonali li jirriżulta mill-użu ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas ( 6 ). B’hekk din taffettwa wkoll kumpanniji, bħalma huma impjanti idroelettriċi jew l-impjanti nukleari, li ċertament ma għandhomx bżonn kwoti, iżda minkejja dan jagħmlu qligħ eċċezzjonali minħabba li kumpanniji oħrajn jintegraw il-valur tal-kwoti fil-prezzijiet tagħhom ( 7 ).
26.
It-taxxa fuq id-donazzjonijiet imposta fuq kwoti allokati mingħajr ħlas għall-kuntrarju ma tikkonċernax l-użu tal-kwoti, iżda tikkonċerna biss il-fatt tal‑allokazzjoni tagħhom mingħajr ħlas. B’hekk din hija taxxa li hija imposta a posteriori fuq l-allokazzjoni. Għaldaqstant, din ma hijiex kompatibbli mal-fatt li l-allokazzjoni ssir mingħajr ħlas.
27.
Kuntrarjament għal dak li jsostni d-Direttorat għall-Appell dwar il-Finanzi, dan ir-riżultat b’hekk ma huwiex ikkontestat mill-fatt li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet ma hijiex armonizzata fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 8 ), peress li skont l-Artikolu 4(3) UE għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni.
28.
It-taxxa fuq id-donazzjonijiet lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 193 TFUE. Skont dan, ir-regoli ambjentali tal-Unjoni ma għandhomx jimpedixxu lill-Istati Membri individwali milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi iktar iebsa. Tali miżura għandu jkollha l-istess għan ta’ protezzjoni tal-ambjent bħad-direttiva inkwistjoni ( 9 ), jew għandha tkun kompatibbli magħha ( 10 ). Madankollu, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet tikkontradixxi l-allokazzjoni mingħajr ħlas prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87.
29.
Fil-każ preżenti huwa irrilevanti wkoll sa liema punt ikunu jistgħu jiġu imposti taxxi ġenerali fuq il-kwoti ta’ emissjonijiet, peress li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet Ċeka fuq l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti ma hijiex waħda ġenerali, iżda hija intiża b’mod speċifiku ħafna għat-tassazzjoni tal-allokazzjoni tal-kwoti għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-ħruq ta’ karburanti, bl-eċċezzjoni tal-koġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana. Kwoti li jiġu allokati għal attivitajiet oħra, pereżempju għall-produzzjoni tal-azzar, ma humiex suġġetti għal din it-taxxa.
30.
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-issuġġettar ta’ allokazzjoni għal taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa inkompatibbli mal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87.
B – Fuq l-allokazzjoni mingħajr ħlas permessa
31.
Ir-Repubblika Ċeka madankollu tfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 jippermettilha li talloka 10 % mill-kwoti ta’ emissjonijiet bi ħlas. It-taxxa b’hekk hija ammissibbli minħabba li t-taxxa imposta tammonta biss għal 6.23 % tal-valur tal-kwoti kollha allokati minnha.
32.
Għalkemm dan l-argument ma ġiex indirizzat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddiskutih, sabiex tagħti risposta utli lill-Qorti Suprema Amministrattiva ( 11 ).
33.
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn dan l-argument iqajjem kwistjonijiet diffiċli.
34.
Ir-Repubblika Ċeka ma llimitatx ruħha li tintaxxa l-allokazzjoni ta’ 10 % tal-kwoti. Skont l-informazzjoni li pprovdiet, kienu affettwati kważi 20 % tal-kwoti allokati. Ma huwiex evidenti li tali estensjoni tal-oneru fiskali kienet kompatibbli mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 sempliċiment minħabba li l-ammont miksub baqa’ taħt l-10 % tal-valur totali. Għall-kuntrarju, SKO u l-Kummissjoni indikaw b’mod korrett li għall-finijiet tad-Direttiva ma huwiex sinjifikattiv il-valur tal-kwoti, iżda l-kwantità tagħhom. Dan japplika b’mod partikolari għall-ammont ta’ gassijiet serra li jkun ser jiġi rilaxxat.
35.
Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk dan l-oneru għandux jiġi impost biss fuq settur partikolari, jiġifieri dak tal-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-ħruq tal-karburanti, bl-eċċezzjoni tal-koġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana ( 12 ).
36.
Madankollu dawn il-kwistjonijiet jistgħu jitħallew miftuħa, peress li r-Repubblika Ċeka, fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni approvat mill-Kummissjoni, kienet stabbiliet li fil-prinċipju l-kwoti ta’ emissjonijiet kollha kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas. L-irkant kien previst biss għall-kwoti mhux allokati mir-riżerva għal atturi ġodda fis-suq ( 13 ).
37.
Huwa minnu li, għalkemm huma possibbli emendi sussegwenti għall-pjanijiet ta’ allokazzjoni, l-applikazzjoni tagħhom skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 teħtieġ madankollu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ( 14 ). Fis-seduta, ir-Repubblika Ċeka madankollu ammettiet li t-taxxa fuq id-donazzjonijiet fuq l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti lanqas ma kienet ġiet inkluża sussegwentement fil-pjan ta’ allokazzjoni.
38.
Ir-Repubblika Ċeka hija tal-fehma li kwistjonijiet fiskali ma jeħtieġu l-ebda regola fil-pjan ta’ allokazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq l-obbligi ta’ rappurtar skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/87, li jinkludu b’mod partikolari kwistjonijiet b’rabta mat-trattament fiskali tal-kwoti.
39.
Tali argument jista’ madankollu jiġi kkontestat mill-fatt li jista’ jkun biżżejjed li jsir rappurtar dwar l-effetti ta’ miżuri fiskali ġenerali, b’mod partikolari ta’ taxxi li jikkonċernaw l-użu tal-kwoti. Meta, għall-kuntrarju, it-taxxi jkunu jikkonċernaw speċifikament l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċerti kwoti, dawn jaffettwaw il-metodu tal-allokazzjoni, li għandu jiġi stabbilit fil-pjan ta’ allokazzjoni b’konformità mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87.
40.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tivverifika, b’konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, jekk pjan ta’ allokazzjoni ta’ Stat Membru huwiex kompatibbli mal-Artikolu 10 ( 15 ). Sabiex tkun tista’ twettaq din il-verifika, il-miżuri li jkunu inkompatibbli mal-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas għandhom jiġu integrati fil-pjan ta’ allokazzjoni, jew mill-bidu jew mill-inqas permezz ta’ emendi sussegwenti.
41.
Il-kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni tal-allokazzjoni kellhom ikunu jistgħu jiġu diskussi wkoll b’mod estensiv fid-djalogu mal-Kummissjoni kif ukoll fil-kuntest tal-parteċipazzjoni mill-pubbliku prevista skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87.
42.
Possibbilment setgħet ukoll instabet regola li, bħal fil-każ tas-sistema Spanjola li kienet is-suġġett tas-sentenza Iberdrola ( 16 ), kienet tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Sussidjarjament, f’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li ma tqajmitx il-kwistjoni dwar l-istabbiliment tal-miżuri Spanjoli fil-pjan ta’ allokazzjoni, peress li dawn, b’differenza mid-dispożizzjonijiet Ċeki fil-każ preżenti, ma applikawx direttament għall-allokazzjoni tal-kwoti, iżda kkonċernaw biss l-użu tagħhom ( 17 ).
43.
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-issuġġettar tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa inkompatibbli mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jekk tali tassazzjoni ma tkunx prevista fil-pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet.
V – Konklużjoni
44.
Għaldaqstant, nipproponi li d-domandi preliminari magħmula jingħataw din ir-risposta:
1.
L-issuġġettar ta’ allokazzjoni għal taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni kif tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 219/2009.
2.
L-issuġġettar tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal taxxa fuq id-donazzjonijiet huwa inkompatibbli mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, jekk din it-tassazzjoni ma tkunx prevista fil-pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631) fil-verżjoni kif tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 219/2009 (ĠU L 87, p. 109).
( 3 ) Sentenza Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660).
( 4 ) Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63).
( 5 ) Sentenza Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 31).
( 6 ) Ara s-sentenza Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punti 28, 29 u 32 sa 38).
( 7 ) Sentenza Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 36).
( 8 ) Ara, dwar it-tassazzjoni ta’ benefiċċju previst fid-dritt tal-Unjoni, is-sentenza Porto Antico di Genova C‑427/05, EU:C:2007:630, punt 10) kif ukoll, b’mod fundamentali, is-sentenzi Wielockx (C‑80/94, EU:C:1995:271, punt 16), X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 16) u Blanco (C‑344/13 u C‑367/13, EU:C:2014:2311, punt 24).
( 9 ) Sentenza Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, EU:C:2005:222, punt 41).
( 10 ) Sentenza Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, EU:C:2005:222, punt 52).
( 11 ) Sentenzi Teckal (C-107/98, EU:C:1999:562, punt 39), Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 24) kif ukoll Bonnier Audio et (C-461/10, EU:C:2012:219, punt 47).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:191, b’mod partikolari l-punti 96 u 97).
( 13 ) Národní alokační pl án České republiky 2008 až 2012, p. 6 (punt 3), 13 u 29 .
( 14 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C-267/11 P, EU:C:2013:624, punt 56).
( 15 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punti 47 u 81) kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 49).
( 16 ) Kawżi C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660.
( 17 ) Sentenza Iberdrola u Gas Natural (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punti 28, 29 u 38).
Full & Egal Universal Law Academy