KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑141/14
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Bulgarija
“Protezzjoni tan-natura — Direttiva 2009/147/KE — Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi — Żoni ta’ protezzjoni ‘Kaliakra’ u ‘Belite Skali’ — Direttiva 92/43/KEE — Protezzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċi selvaġġi — Żona ta’ protezzjoni ‘Kompleks Kaliakra’ — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Applikazzjoni ratione temporis tar-regoli tal-Unjoni — Deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll tfixkil tal-ispeċi — Enerġija mir-riħ — Turiżmu”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva “għasafar”
B – Id-Direttiva “habitats”
C – Id-Direttiva 2011/92
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tar-rikorrenti
A – Fuq iż-żoni kkonċernati
B – Fuq il-proċedura
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ċerti superfiċji bħala żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (parti A tat-talbiet tar-rikorrenti)
1. Fuq ir-rikonoxximent tas-superfiċji kontenzjuża bħala żona li għandha tiġi protetta
2. Fuq il-kriterji ġuridiċi
3. Fuq l-applikazzjoni għar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni
a) Fuq l-għasafar li jbejtu
b) Fuq l-għasafar migratorji
c) Fuq il-post fejn tqatta’ x-xitwa l-wiżża ta’ sidirha aħmar
4. Konklużjoni provviżorja
B – Fuq il-proġetti li jirrigwardaw superfiċji protetti jew li għandhom jiġu protetti (motivi B u C tar-rikors)
1. Fuq il-proġetti fis-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali” kif ukoll fuq il-proposta għas-SIK “Kompleks Kaliakra” (parti C tat-talbiet tar-rikorrenti)
a) Fuq l-interpretazzjoni tat-talba
b) Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” fir-rigward taż-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali”
i) Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”
ii) Fuq il-kriterju tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”
iii) Fuq id-deterjorament taż-ŻPS “Kaliakra”
c) Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-sit “Kompleks Kaliakra” propost
2. Fuq il-proġetti fuq is-superfiċji li inizjalment ma kinux protetti (parti B tat-talbiet tar-rikorrenti)
a) Kriterji ġuridiċi
b) Fuq il-proġetti
i) Fuq it-tliet proġetti li ma twettqux
ii) Fuq it-tliet proġetti li twettqu
c) Fuq id-deterjorament taż-żona
d) Konklużjoni provviżorja
3. Fuq il-konsegwenzi ta’ tali kundanna
C – Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (parti D tat-talbiet tar-rikorrenti)
1. Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2011/92
2. Fuq il-proġetti
a) Fuq id-deċiżjonijiet ineffettivi bħala suġġett ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
b) Fuq il-possibbiltà ta’ ksur tad-Direttiva 2011/92 minħabba proġetti mhux implementati
3. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv waqt l-eżami preliminari
4. Konklużjoni provviżorja
V – Spejjeż
VI – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1.
Il-protezzjoni tal-għasafar u l-użu tal-enerġija mir-riħ it-tnejn iservu għall-konservazzjoni tal-ambjent. Madankollu, ir-rikors tal-Kummissjoni juri li dawn jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ xulxin. Ir-rikors jikkonċerna diversi proġetti, fil-biċċa l-kbira installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, f’żona tal-Bulgarija, li fil-fehma ta’ ħafna ornitologi hija ta’ importanza kbira għall-konservazzjoni tal-għasafar. Minbarra l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali ( 2 ) ukoll ilu kkonċernat minn din is-sitwazzjoni ( 3 ).
2.
Il-Kummissjoni tilmenta li l-Bulgarija ma pproteġietx biżżejjed partijiet miż-żona skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/147/KE ( 4 ) u d-Direttiva 92/43/KEE ( 5 ), iżda li dawn intlaqtu ħażin minħabba diversi proġetti. Fl-implementazzjoni ta’ xi proġetti kien hemm ukoll ksur tad-Direttiva 2011/92/UE ( 6 ). Proġetti oħrajn kienu ta’ ħsara għal żoni kklassifikati ta’ protezzjoni tal-għasafar u għal żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva “habitats”.
3.
Dan ir-rikors huwa kkaratterizzat minn kumplessità fattwali sinjifikattiva u jqajjem prinċipalment kwistjonijiet ġuridiċi dwar l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew dwar il-protezzjoni tan-natura għal proġetti, li bdew qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija, iżda li twettqu kompletament biss wara l-adeżjoni tagħha u llum għadhom jaffettwaw żoni protetti jew li għandhom ikunu protetti.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva “għasafar ”
4.
L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw it-territorji l-iktar xierqa għall-protezzjoni tal-għasafar skont l-Anness 1 tad-Direttiva u għall-protezzjoni tal-għasafar migratorji bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”):
“(1) L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.
[…]
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.
(2) L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. [...]”
5.
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” tinkludi sistema ta’ protezzjoni għaż-ŻPS:
“Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.”
B – Id-Direttiva “habitats ”
6.
Anki d-Direttiva “habitats” tipprovdi għall-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni, l-hekk imsejħa siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”), li jservu għall-protezzjoni ta’ tipi partikolari ta’ habitats u ċerti tipi ta’ flora u fawna, iżda mhux direttament għall-protezzjoni tal-għasafar. Is-SIK, flimkien maż-ŻPS tad-Direttiva “għasafar”, jikkostitwixxu n-netwerk Natura 2000.
7.
Il-protezzjoni taż-żoni hija stabbilita fl-Artikolu 6(2) sa (4):
“(2) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jiqies skond l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.
(3) Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
(4) Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.
[...]”
8.
L-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” jittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet għaż-ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”:
“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva ‘għasafar’] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-[Direttiva ‘għasafar’], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”
C – Id-Direttiva 2011/92
9.
L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-għan tad-Direttiva 2011/92:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”
10.
L-Artikolu 4(1) sa (3), u l-Annessi I sa III tad-Direttiva 2011/92 jirregolaw f’iktar dettall liema proġetti għandhom ikunu suġġetti għall-istima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent:
“(1) […]
(2) Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
a)
eżami każ b’każ,
jew
b)
livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).
(3) Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”
11.
Il-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 jsemmi “[s]tallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ)”.
12.
Fl-aħħar nett, l-Anness III tad-Direttiva 2011/92 jinkludi l-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3) għall-proġetti elenkati fl-Anness II:
“1. Karatteristiċi tal-proġetti
Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari:
[…]
b)
il-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra;
[…]”
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tar-rikorrenti
A – Fuq iż-żoni kkonċernati
13.
It-territorju tal-peninsula ta’ “Kaliakra” huwa ta’ valur għoli mil-lat tal-protezzjoni tan-natura. B’hekk, is-soċjetà Bulgara għall-protezzjoni tal-għasafar, organizzazzjoni mhux governattiva speċjalizzata fil-protezzjoni tal-għasafar u li tirrappreżenta lil dan l-Istat Membru fi ħdan l-assoċjazzjoni internazzjonali ta’ organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-għasafar, Birdlife International, hija tal-fehma li hemm jinsab territorji partikolarment xieraq għall-protezzjoni tal-għasafar, li jkopri superfiċji ta’ madwar 16000 ettaru ( 7 ).
14.
Fit-18 ta’ Diċembru 2007, il-Bulgarija, b’konformità mad-Direttiva “għasafar”, ikklassifikat żona ta’ protezzjoni, iż-ŻPS “Kaliakra”, li madankollu kienet tinkludi biss madwar żewġ terzi tat-territorju taż-żona ta’ “Kaliakra” li ġiet identifikata mis-soċjetà għall-protezzjoni tal-għasafar.
15.
Lejn il-Punent taż-ŻPS “Kaliakra” u barra miż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar, il-Bulgarija fl-istess jum stabbilixxiet żona oħra għall-protezzjoni tal-għasafar, iż-ŻPS ta’ “Belite Skali”.
16.
Fit-18 ta’ Diċembru 2007 wkoll, il-Bulgarija ssuġġeriet lill-Kummissjoni tikklassifika żona ta’ protezzjoni skont id-Direttiva “habitats” taħt l-isem “Kompleks Kaliakra”, SIK li jinkludi kważi ż-żoni kollha taż-żewġ ŻPS imsemmija qabel. Fil-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni inkludiet dan is-sit fil-lista tas-SIK ( 8 ). Il-formularju standard tad-data li l-Bulgarija bagħtet lill-Kummissjoni dwar dan is-sit ( 9 ) jelenka 18-il tip ta’ habitat, fosthom 2300 ettaru tal-habitats prijoritarji tal-Pontic-Sarmatian Steppe (Natura 2000 Kodiċi 62C0).
B – Fuq il-proċedura
17.
Il-Kummissjoni ilha mill-2007 tirċievi lmenti dwar il-protezzjoni taż-żoni inkwistjoni u twettaq skambju ta’ korrispondenza mal-Bulgarija f’dan ir-rigward. Dawn il-kuntatti wasslu, fl-2008, wara żewġ stediniet separati biex jitressqu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 258 TFUE, għal stedina rikapitulattiva supplimentari biex jitressqu osservazzjonijiet fit-30 ta’ Settembru 2011, u għal opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2012.
18.
Il-Bulgarija wieġbet għal dawn permezz ta’ diversi ittri u informat lill-Kummissjoni, fost oħrajn, li, fit-8 ta’ Ottubru 2013, il-kunsill nazzjonali għall-bijodiversità ddeċieda li ż-ŻPS “Kaliakra” għandha tiġi estiża sal-fruntieri taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”. Fis-6 ta’ Novembru 2013, il-kunsill tal-ministri Bulgaru ħa deċiżjoni f’dan is-sens ( 10 ). Finalment, il-Bulgarija bagħtet lill-Kummissjoni formola standard ta’ informazzjoni aġġornata dwar iż-żona inkwistjoni ( 11 ).
19.
Peress li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta bir-risposti tal-Bulgarija, fl-24 ta’ Marzu 2014 ressqet ir-rikors preżenti u talbet li jiġi kkonstatat dan li ġej:
A)
peress li ma inkludietx it-territorji kollha taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra”, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali t-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ superfiċji għall-protezzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” u tal-ispeċi migratorji li ma humiex inklużi fl-Anness I u li jirritornaw b’mod regolari fiż-żona ġeografika marittima u terrestri fejn tapplika d-Direttiva “għasafar”. Għaldaqstant, b’dan il-mod, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”.
B)
billi approvat il-proġetti “AES Geo Energy” OOD, “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Disib” OOD, “Eko Energy” OOD u “Longman Investment” OOD fit-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta kien imissha ġiet hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑96/98 u C‑374/98.
C)
billi approvat proġetti fit-territorji taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra”, tas-sit ta’ importanza Komunitarja “Kompleks Kaliakra” u taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Belite Skali” (“Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD, “TSID – Atlas” EOOD, “Vertikal – Petkov & Cie” OOD, il-korsa tal-golf u ċ-ċentru termiku “Thracian Cliffs Golf and Spa Resort” OOD), ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑117/03 u C‑244/05, peress li ma ħaditx miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-istat tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom ġew ikklassifikati ż-żoni.
D)
minħabba li l-effett kumulattiv tal-proġetti approvati (“AES Geo Energy” OOD, “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Disib” OOD, “Eko Energy” OOD u “Longman Investment” OOD), fuq it-territorju li ma ġiex ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali fiż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, ma ġiex evalwat b’mod korrett, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) u mal-punt 1(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92/KE.
20.
Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.
21.
Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1)
tiċħad ir-rikors u
2)
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
22.
Fir-replika, il-Kummissjoni rtirat mit-talbiet tagħha l-parti C, sa fejn din kienet tkopri l-proġett “TSID – Atlas” EOOD, u l-parti D, sa fejn din kienet tkopri l-proġetti “AES Geo Energy” u “Disib” OOD.
23.
Wara l-proċedura bil-miktub, il-partijiet instemgħu fl-20 ta’ Mejju 2015.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
24.
Sussegwentement, ser neżamina qabelxejn il-parti A tat-talbiet tar-rikorrenti, li tikkonċerna l-ħtieġa li ċerti superfiċji jiġu kklassifikati bħala ŻPS, u mbagħad il-parti C, dwar ċerti proġetti ġewwa ż-ŻPS “Kalikra” u “Belite Skali”. Wara, ser neżamina l-parti B, dwar il-proġetti ġewwa ż-żoni eżaminati taħt il-parti A, u finalment il-parti D, dwar l-osservanza tad-Direttiva 2011/92.
A – Fuq il-klassifikazzjoni ta ’ ċerti superfiċji bħala żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (parti A tat-talbiet tar-rikorrenti)
25.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tilmenta dwar il-fatt li żoni li jkopru iktar minn 5000 ettaru, li jinsabu mal-fruntiera taż-ŻPS “Kaliakra”, ma ġewx ikklassifikati wkoll bħala żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar. Din hija ż-żona mmarkata bħala “Kaliakra IBA” bejn Kavarna, Bulgarevo, Sveti Nikola u Rakovski fuq il-mappa murija hawn taħt ( 12 ).
1. Fuq ir-rikonoxximent tas-superfiċji kontenzjuża bħala żona li għandha tiġi protetta
26.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Bulgarija rrikonoxxiet il-ħtieġa ta’ klassifikazzjoni.
27.
Fil-fatt, il-Bulgarija informat lill-Kummissjoni, qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, mill-inqas dwar l-ewwel passi fil-proċedura dwar it-tlestija taż-ŻPS “Kaliakra” ( 13 ). Barra minn hekk, jeżisti att legali ieħor tas-6 ta’ Frar 2014, li permezz tiegħu jidher li l-estensjoni taż-żona ta’ protezzjoni ġiet iddikjarata formalment u uffiċjalment ( 14 ).
28.
L-estensjoni taż-ŻPS hija bbażata inter alia fuq deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali Bulgaru għall-bijodiversità. Għaldaqstant, wieħed jista’ jassumi li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi espressjoni ta’ opinjoni xjentifika dwar il-fatt li ż-żona estiża teħtieġ li tiġi protetta.
29.
Tali azzjonijiet tal-Istati Membri għandhom valur probatorju partikolarment għoli anki fil-qasam tal-protezzjoni tat-territorju, peress li l-awtoritajiet tagħhom jafu s-sitwazzjoni lokali ħafna aħjar mill-Kummissjoni jew mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, huwa konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ) li dawn il-miżuri jitqiesu bħala rikonoxximent tal-ħtieġa tal-protezzjoni taż-żona inkwistjoni.
30.
Minkejja dan, il-Bulgarija targumenta li l-estensjoni taż-ŻPS kienet biss espressjoni tar-rieda tagħha li tikkoopera u ma kienet tirrappreżenta l-ebda rikonoxximent tal-opinjoni xjentifika tal-Kummissjoni. Din l-oppożizzjoni qawwija tipprojbixxi li l-klassifikazzjoni reali tal-estensjoni taż-żona titqies bħala rikonoxximent inkonfutabbli. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux dwar il-ħtieġa tal-estensjoni u l-Bulgarija tista’ fil-fatt tirtira l-klassifikazzjoni jekk l-argument tagħha dwar il-fatt li din iż-żona ma teħtieġx protezzjoni jintlaqa’ ( 16 ).
31.
Minkejja dan, il-klassifikazzjoni ta’ superfiċji taffettwa l-oneru tal-prova. Fil-fatt, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni trid tipprova li superfiċji partikolari għandha tiġi kklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni ( 17 ), iżda biex tagħmel dan tista’ tirreferi għall-klassifikazzjoni taż-żona li tkun seħħet iktar tard. Sabiex jirribatti din il-prova, l-Istat Membru jrid juri li żona kklassifikata ma tgħoddx (jew ma għadhiex tgħodd) mat-territorji l-iktar xierqa għall-konservazzjoni ta’ speċi ta’ għasafar selvaġġi fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ( 18 ). Fil-prattika dan ifisser li l-Bulgarija għandha, fuq bażi xjentifika, tiġġustifika dubji kunsiderevoli dwar din l-adegwatezza u għandha, b’mod partikolari, tikkontesta l-informazzjoni tagħha stess fil-formola standard ta’ informazzjoni dwar iż-żona inkwistjoni. Il-Kummissjoni tkun obbligata, jekk ikun il-każ, tirribatti dawn id-dubji.
32.
Fuq il-bażi ta’ tali kriterju, għandu jiġi eżaminat f’dan il-każ jekk is-superfiċji inkwistjoni għandhomx jiġu protetti bħala ŻPS.
2. Fuq il-kriterji ġuridiċi
33.
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ superfiċji għall-konservazzjoni tal-ispeċi protetti msemmija fl-Anness I. B’dan il-mod għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-direttiva. Skont l-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji li ma humiex elenkati fl-Anness I li jirritornaw b’mod regolari għal dak li jirrigwarda iż-żoni fejn iqattgħu x-xitwa u l-postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom ( 19 ).
34.
Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS dawk iż-żoni li, skont kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni ( 20 ). Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva “għasafar” ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla u fid-delimitazzjoni ta’ ŻPS ( 21 ). Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla taż-ŻPS, iżda dan huwa bbażat biss fuq l-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-territorji li huma l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċi ( 22 ).
35.
Fil-prattika, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” jiġi applikat billi jintużaw kriterji żviluppati mill-organizzazzjoni mhux governattiva “Birdlife International”, il-federazzjoni internazzjonali tal-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-għasafar, għall-identifikazzjoni tal-hekk imsejħa żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar ( 23 ). Dawn il-kriterji huma applikati mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-għasafar sabiex abbażi tal-għarfien tagħhom dwar il-preżenza tal-għasafar, iħejju listi ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar. B’hekk, iż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra” ( 24 ) tinkludi ż-ŻPS bl-istess isem kif ukoll iż-żoni li l-Kummissjoni qed tilmenta dwar in-nuqqas ta’ protezzjoni tagħhom f’din il-proċedura.
36.
La l-kriterji msemmija u lanqas il-listi mħejjija fuq il-bażi tagħhom mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-għasafar ma huma vinkolanti, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiethom bħala referenza sabiex tevalwa jekk l-Istat Membru kkonċernat ikklassifikax biżżejjed territorji bħala ŻPS f’termini ta’ numru u ta’ superfiċji ( 25 ). Minkejja dan, l-Istati Membri jistgħu jikkonfutaw din l-indikazzjoni billi jew jiżviluppaw kriterji ornitoloġiċi fuq bażi xjentifika li mill-inqas ikunu adegwati b’mod ugwali sabiex jimplementaw l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” ( 26 ), jew jopponu l-informazzjoni dwar il-preżenza tal-għasafar fiż-żona kkonċernata permezz ta’ għarfien aħjar ( 27 ).
37.
Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerti superfiċji parzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-klassifikazzjoni bħala ŻPS ma tistax tkun ir-riżultat ta’ eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ kull waħda mis-superfiċji inkwistjoni, iżda għandha ssir fuq il-bażi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti naturali taż-żona rispettiva, u żiedet tgħid li anki fir-rigward ta’ superfiċji parzjali, il-kriterji ornitoloġiċi, li fuqhom għandha tkun ibbażata esklużivament il-klassifikazzjoni, għandhom ikunu xjentifikament fondati ( 28 ).
3. Fuq l-applikazzjoni għar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni
38.
Il-Kummissjoni ssostni li l-għasafar li jbejtu fi ħdan iż-ŻPS oriġinarjament protetta jkunu preżenti wkoll fuq is-superfiċji kontenzjużi (kif spjegat fil-punt a), issostni fuq l-importanza tas-superfiċji kontenzjużi għall-migrazzjoni tal-għasafar (kif spjegat fil-punt b) u fuq il-bżonnijiet tal-wiżża ta’ sidirha aħmar (Branta ruficollis) matul ix-xitwa (kif spjegat fil-punt c).
a) Fuq l-għasafar li jbejtu
39.
Skont il-formola standard ta’ informazzjoni aġġornata dwar iż-ŻPS estiża “Kaliakra”, jista’ jiġi preżunt li dan huwa territorji omoġenju li jintuża bl-istess mod kullimkien mill-ispeċi protetti.
40.
Il-Bulgarija targumenta wkoll b’persważjoni li s-superfiċji inkwistjoni fuq l-art mhux bilfors jikkostitwixxu unità naturali mas-superfiċji li diġà kienu protetti mal-kosta. Dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati mill-irdum u habitats fl-isteppi. Għall-kuntrarju, is-superfiċji ta’ estensjoni kontenzjużi jinvolvu żoni intiżi għall-agrikoltura. Barra minn hekk, dawn huma sseparati mis-superfiċji kklassifikati permezz ta’ trejqa. Il-Bulgarija tenfasizza wkoll li l-artijiet agrikoli kontenzjużi għandhom l-istess karatteristiċi bħaż-żoni tal-madwar, li l-Kummissjoni ma hijiex qed titlob il-protezzjoni tagħhom.
41.
Il-Kummissjoni hija tassew korretta meta tgħid li anki superfiċji agrikoli jistgħu jappartjenu għaż-żoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS, iżda l-argument mhux ikkontestat tal-Bulgarija huwa plawżibbli, skont liema l-għasafar li jbejtu, li jinsabu l-iktar fil-habitats oriġinarjament protetti li jinsabu mal-kosta, ibejtu ħafna inqas fuq is-superfiċji agrikoli maġenbhom.
42.
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-superfiċji agrikoli jikkostitwixxu territorju importanti għall-kaċċa tas-seqer Levantin (Accipiter brevipes), tal-kuċċarda ta’ saqajha twal (Buteo rufinus) u tal-kokka imperjali (Bubo bubo), li huma elenkati bħala għasafar li jbejtu fil-formola standard ta’ informazzjoni u li jissemmew espliċitament fl-evalwazzjoni taż-ŻPS. F’dan ir-rigward madankollu, din hija preżenza limitata ħafna f’termini ta’ numri, li lanqas il-Birdlife ma ssemmiha bħala raġuni għall-identifikazzjoni taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra” ( 29 ). Għaldaqstant dan l-użu ma huwiex suffiċjenti sabiex is-superfiċji agrikoli jitqiesu bħala l-iktar xierqa għall-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi.
43.
Konsegwentement, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Kummissjoni, mill-preżenza tal-għasafar li jbejtu fiż-żona ta’ mal-kosta protetta oriġinarjament ma jistax jiġi dedott li anki ż-żoni agrikoli fuq l-art iridu jiġu protetti.
b) Fuq l-għasafar migratorji
44.
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija fil-formola standard ta’ informazzjoni, iż-ŻPS “Kaliakra”, inklużi s-superfiċji estiżi, hija, madankollu, ta’ importanza wkoll għall-migrazzjoni tal-għasafar. Bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, u mill-informazzjoni tal-Bulgarija fil-formola standard ta’ informazzjoni dwar iż-żona “Kaliakra” ( 30 ), din l-importanza partikolari tirriżulta mill-karatteristiċi ġeografiċi tagħha. Fil-fatt, fil-peninsula ta’ “Kaliakra”, il-mogħdija tal-kosta tinbidel bi kważi 90 grad minn direzzjoni lejn it-Tramuntana/in-Nofsinhar għal direzzjoni lejn il-Lvant/il-Punent. L-għasafar jorjentaw ruħhom mill-ġdid sabiex ikomplu jemigraw u jużaw dan il-punt ewlieni sabiex jistrieħu. Għal dan jiddependu fuq iż-żoni agrikoli taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar li ma humiex inklużi fiż-ŻPS “Kaliakra”.
45.
B’konformità mal-klassifikazzjoni ta’ din iż-żona bħala żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li din tikkostitwixxi b’mod partikolari “żona ta’ konġestjoni” (bottleneck) għall-migrazzjoni ta’ ċerti għasafar matul il-ħarifa.
46.
It-terminu “punt ta’ konġestjoni” jirreferi għall-kriterji użati minn Birdlife International. Il-kriterju C.5 jiddefinixxi żona ta’ konġestjoni bħala żona fejn b’mod regolari matul il-migrazzjoni fir-rebbiegħa jew il-ħarifa jgħaddu mill-inqas 5000 ċikonja (Ciconiidae) u/jew mill-inqas 3000 għasfur tal-priża (Accipitriformes u Falconiformes) u/jew 3000 għarnuq (Gruidae) ( 31 ).
47.
Biex issostni dan il-kriterju, il-Kummissjoni tibbaża b’mod partikolari fuq studju li twettaq fl-2006 b’mod speċjali għall-identifikazzjoni ta’ “żoni ta’ konġestjoni” fil-Bulgarija. Skont dan, f’din is-sena, mill-punt ta’ osservazzjoni ta’ Bulgarevo, jiġifieri fil-viċinanza ta’ “Kaliakra”, ġew osservati iktar minn 30000 għasfur li jigglajdja, l-iktar ċikonji u pellikani, iżda l-għasafar tal-priża kienu rari ( 32 ).
48.
Il-Bulgarija tikkontesta fil-konfront tal-Kummissjoni pubblikazzjoni ( 33 ) u studji ( 34 ), li skonthom f’“Kaliakra” ma huwa identifikabbli l-ebda “żona ta’ konġestjoni”. Pjuttost, l-għasafar ipassu fil-wisa’ fid-direzzjoni tan-Nofsinhar. Il-Kummissjoni topponi l-mod kif il-Bulgarija tinterpreta l-pubblikazzjoni, iżda ma tqajjimx dubji dwar ir-riżultati tal-osservazzjoni, li huma l-bażi għall-istudji tagħha u oħrajn.
49.
L-informazzjoni dwar l-osservazzjonijiet dwar din iż-żona, li huma l-bażi għall-istudju ppreżentat mill-Bulgarija, hija ta’ interess partikolari. Skont din l-informazzjoni, fiż-żona rari jiġu osservati gruppi kbar ta’ għasafar li jpassu ( 35 ). B’hekk, bejn l-2005 u l-2011 ġew osservati iktar minn 20000 ċikonja bajda fis-snin 2006 u 2010 biss ( 36 ). Fl-erba’ snin l-oħra ( 37 ), intlemħu biss bejn 89 u 3000 ċikonja bajda. Fil-fehma tal-Bulgarija, dan huwa minħabba li r-rotta migratorja hija affettwata mill-kundizzjonijiet tar-riħ ( 38 ). Fis-sentejn bi preżenza għolja, riħ mill-Punent relattivament iktar qawwi ġarr l-għasafar mal-kosta.
50.
Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati, dak li jkun jista’ jiddubita jekk dawn il-konċentrazzjonijiet jirriżultawx b’mod suffiċjentement regolari sabiex jitqies li teżisti “żona ta’ konġestjoni”. Minkejja dan, mill-argumenti tal-Bulgarija jirriżulta mill-inqas li dawn il-konċentrazzjonijiet ma humiex purament ta’ natura każwali jew ma jirrappreżentawx eċċezzjonijiet estremi. Għall-kuntrarju, dawn iseħħu madwar kull tliet snin meta jipprevalu kundizzjonijiet tar-riħ xierqa. Issa, minħabba r-raġunijiet ġeografiċi mogħtija fil-formola standard ta’ informazzjoni, meta jirriżultaw dawn il-konċentrazzjonijiet, is-superfiċji agrikoli inkwistjoni jikkostitwixxu preċiżament habitats neċessarji għall-għasafar sabiex jistrieħu u sabiex isibu l-ikel.
51.
Konsegwentement, l-informazzjoni dwar l-osservazzjonijiet ppreżentati mill-Bulgarija tikkonferma l-evalwazzjoni ddokumentata fil-formola standard ta’ informazzjoni, li tgħid li ż-ŻPS “Kaliakra”, inklużi s-superfiċji ta’ estensjoni tagħha, tappartjeni għall-iktar żoni xierqa għall-konservazzjoni tal-għasafar matul il-migrazzjoni. Minn din il-perspettiva, il-parti A tat-talbiet tar-rikorrenti hija għalhekk ġġustifikata.
c) Fuq il-post fejn tqatta’ x-xitwa l-wiżża ta’ sidirha aħmar
52.
It-tielet raġuni tal-Kummissjoni sabiex iż-żoni estiżi jiġu inkorporati fiż-ŻPS “Kaliakra” hija l-importanza tagħhom għall-wiżża ta’ sidirha aħmar.
53.
Il-partijiet jaqblu li kważi l-popolazzjoni dinjija kollha (madwar 30000 u 50000 għasfur ( 39 )) tal-wiżża ta’ sidirha aħmar, globalment meqjusa bħala fil-perikolu, tqatta’ x-xitwa fil-kosta tal-Punent tal-Baħar l-Iswed, jiġifieri l-iktar fil-Bulgarija u r-Rumanija ( 40 ). F’dan ir-rigward, huma ta’ importanza partikolari żewġ lagi Bulgari fit-Tramuntana ta’ “Kaliakra”, li l-Bulgarija kklassifikathom bħala żoni ta’ protezzjoni. Dawn il-lagi kif ukoll żoni tal-baħar qabel il-kosta – b’partijiet minnhom qabel jew fiż-ŻPS ta’ “Kaliakra” – jintużaw mill-wiżż ta’ sidirhom aħmar bħala postijiet fejn jorqdu, ta’ spiss flimkien ma’ speċi oħra ta’ wiżż ( 41 ).
54.
Fil-formola standard ta’ informazzjoni, il-Bulgarija qalet biss li għadd żgħir ta’ wiżż ta’ sidirhom aħmar iqattgħu ix-xitwa fir-reġjun. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni tas-superfiċji estiża taż-ŻPS “Kaliakra” ma tagħti l-ebda prova li din tikkostitwixxi ż-żona l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-wiżż ta’ sidirhom aħmar.
55.
B’kuntrast ma’ dan, is-superfiċji estiżi taż-ŻPS “Kaliakra” fil-fehma tal-Kummissjoni huma ta’ importanza enormi bħala habitats fejn isibu jieklu l-wiżż ta’ sidirhom aħmar.
56.
Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma ssemmix il-kriterju li huwa relatat ma’ dan l-argument, iżda jista’ jiġi preżunt li dan huwa l-kriterju C.1, li Birdlife ssemmi b’rabta mal-wiżż ta’ sidirhom aħmar fl-IBA “Kaliakra” ( 42 ). Dan il-kriterju jippresupponi li ż-żona regolarment tospita għadd sinjifikattiv ta’ speċi mhedda globalment jew ta’ speċi oħrajn li fir-rigward tagħhom jeżisti interess globali ta’ konservazzjoni ( 43 ).
57.
Milli jidher, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-assoċjazzjoni Bulgara għall-protezzjoni tal-għasafar ( 44 ), li madankollu l-Bulgarija qajmet dubji dwarha.
58.
Iż-żewġ pożizzjonijiet jirreferu għal studju, li evalwa l-informazzjoni tal-osservazzjonijiet imwettqa mill-1995 sa 2000 ( 45 ). Il-Bulgarija hija korretta meta tgħid li skont dan l-istudju, il-wiżż ta’ sidirhom aħmar ma jużawx is-superfiċji estiżi taż-ŻPS “Kaliakra” kull sena bħala post fejn jieqfu jieklu ( 46 ).
59.
Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza korrettament li skont dan l-istudju, mill-inqas matul sentejn mill-ħames snin tal-perijodu ta’ osservazzjoni, diversi eluf ta’ wiżż ta’ sidirhom aħmar fittxew l-ikel fuq dawn is-superfiċji ( 47 ).
60.
Il-fatt li, skont osservazzjonijiet reċenti, is-superfiċji rari jintużaw ( 48 ) ma jmurx kontra dawn ir-riżultati, peress li dawn l-osservazzjonijiet bdew biss wara l-istabbiliment ta’ għadd kbir ta’ installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ fuq dawn is-superfiċji. B’mod partikolari, ma għandux jiġi eskluż li dawn is-superfiċji tilfu l-attrattività tagħhom għall-wiżż minħabba l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ ( 49 ).
61.
Fil-qosor, minn dan jirriżulta li s-superfiċji estiżi taż-ŻPS “Kaliakra” kienu post importanti fejn isibu jieklu l-wiżż ta’ sidirhom aħmar qabel l-istabbiliment tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, għalkemm xorta mhux b’mod kostanti. Barra minn hekk, l-istudji ppreżentati juru li dawn l-ispeċi huma flessibbli fl-għażla tal-postijiet fejn jieqfu jieklu.
62.
Dan ma jwassalx sabiex is-superfiċji estiżi jiġu esklużi minn fost iż-żoni l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-wiżż ta’ sidirhom aħmar. Dan għaliex fid-dawl tat-theddida globali għal din l-ispeċi u r-responsabbiltà partikolari tal-Unjoni Ewropea għat-territorji fejn dawn iqattgħu ix-xitwa, ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni ta’ territorji bħal dawn ma jistgħux jiġu estiżi żżejjed ( 50 ). Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jiġu protetti għadd suffiċjenti ta’ postijiet fejn jieqfu jieklu l-għasafar, sabiex il-wiżż ta’ sidirhom aħmar ma jiġux ipperikolati matul ix-xitwa.
63.
Konsegwentement, din it-talba hija wkoll iġġustifikata minħabba l-protezzjoni meħtieġa tal-wiżż ta’ sidirhom aħmar.
4. Konklużjoni provviżorja
64.
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” sa fejn hija ma pproteġietx kompletament bħala ŻPS, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, il-partijiet li inizjalment ma kinux protetti taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li jinsabu lejn it-Tramuntana taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra” ikklassifikata oriġinarjament.
B – Fuq il-proġetti li jirrigwardaw superfiċji protetti jew li għandhom jiġu protetti (motivi B u C tar-rikors)
65.
Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li l-Bulgarija approvat għadd ta’ proġetti fi ħdan iż-żoni ta’ protezzjoni kklassifikati jew li għandhom jiġu kklassifikati, b’mod partikolari stallazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, iżda wkoll proġetti turistiċi, bħal korsijiet tal-golf u lukandi. Il-mappa t’hawn taħt ( 51 ) tagħti ħarsa ġenerali ta’ dawn:
66.
Qabelxejn, ser neżamina l-proġetti fi ħdan iż-ŻPS, peress li f’dan il-kuntest jistgħu jintwerew iktar faċilment il-kriterji legali li għandu jsir riferiment għalihom iktar tard b’rabta mal-proġetti fiż-żoni li inizjalment kienu għadhom ma ġewx ikklassifikati. Finalment nixtieq li r-riżultat ta’ dan l-eżami jitqies fil-perspettiva tiegħu, billi nindirizza fil-qosor il-konsegwenzi legali ta’ tali kundanna f’dawn iż-żewġ punti.
1. Fuq il-proġetti fis-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali” kif ukoll fuq il-proposta għas-SIK “Kompleks Kaliakra” (parti C tat-talbiet tar-rikorrenti)
67.
Taħt il-parti C, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li, bl-approvazzjoni tal-proġetti “Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD, “Vertikal – Petkov & Cie” OOD kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD fit-territorju taż-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali”, kif ukoll fis-SIK “Kompleks Kaliakra” propost, il-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16) u Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579), peress li ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-istat tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom ġew ikklassifikati ż-żoni.
a) Fuq l-interpretazzjoni tat-talba
68.
Mal-ewwel daqqa t’għajn ma huwiex ċar kif għandha tinftiehem it-talba. B’hekk anki l-ammissibbiltà tagħha tinsab f’dubju. Skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-rikors iridu jkunu fformulati b’mod partikolarment ċar, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment ( 52 ).
69.
Teżisti l-ewwel inkonsistenza bejn ir-regola msemmija, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” u ż-żewġ sentenzi ċċitati. F’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2). Hija kkorroborat biss li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 4(5) huma applikabbli biss għal siti li huma inklużi fil-lista ta’ siti magħżula bħala SIK ( 53 ).
70.
Din il-formulazzjoni kontradittorja tat-talba madankollu hija spjegata mill-fatt li l-Kummissjoni f’din it-talba qed tiġbor fil-qosor il-ksur ta’ żewġ obbligi differenti. Minn naħa, hija tilmenta dwar l-effett ħażin fuq żewġ siti kklassifikati bħala ŻPS, u min-naħa l-oħra dwar l-effett ħażin fuq is-SIK “Kompleks Kaliakra” propost. Iżda l-interventi fis-siti kklassifikati bħala ŻPS għandhom jiġu evalwati skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, filwaqt li l-obbligi provviżorji ta’ protezzjoni għas-sit proposti jirriżultaw miż-żewġ sentenzi ċċitati.
71.
B’hekk, it-talba għandha tinftiehem b’tali mod li l-Kummissjoni qed tilmenta dwar ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” fir-rigward taż-żewġ ŻPS u addizzjonalment dwar ksur tal-obbligi provviżorji ta’ protezzjoni skont il-kriterji tas-sentenzi ċċitati fir-rigward tas-sit propost.
72.
Iżda anki b’din il-kjarifika, l-għan tat-talba jeħtieġ li jiġi ppreċiżat iktar. Peress li l-Kummissjoni qed toġġezzjona għall-approvazzjoni tal-proġetti, din l-oġġezzjoni tista’ titqies bħala manifestament infondata. Dan minħabba li d-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea ( 54 ), japplika biss għall-Bulgarija mill-mument tal-adeżjoni tagħha. Iżda l-permessi li qed toġġezzjona għalihom il-Kummissjoni fit-talba ngħataw qabel dan iż-żmien. Konsegwentement, il-Bulgarija ma setgħetx tikser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jew l-obbligi provviżorji ta’ protezzjoni bil-ħruġ tal-permessi.
73.
Madankollu, diġà fil-bidu tat-talba, il-Kummissjoni tippreċiża li hija tqis li twettaq ksur fis-sens li l-Bulgarija ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom ġew ikklassifikati ż-żoni. Konsegwentement, ma humiex ikkonċernati l-permessi bħala tali, li barra minn hekk kellhom qabelxejn ikunu s-suġġett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, iżda l-fatt li iktar tard il-ħsara fuq is-siti minħabba l-proġetti ma ġietx effettivament evitata, liema aspett jaqa’ taħt l-Artikolu 6(2) u l-obbligi provviżorji ta’ protezzjoni. L-argumenti l-oħra jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-parti C tat-talbiet tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma hijiex qed toġġezzjona għad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni li ttieħdu qabel l-adeżjoni, iżda għall-implementazzjoni ta’ proġetti mill-adeżjoni, u b’mod partikolari, minn meta ġew ikklassifikati ż-żewġ ŻPS u mill-proposta għas-sit “Kompleks Kaliakra”.
74.
Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-parti C tat-talbiet tar-rikorrenti huwa ta’ dispjaċir kbir, iżda mhux daqshekk serju sabiex tiġi meqjusa bħala inammissibbli jew manifestament infondata. Għall-kuntrarju, huwa possibbli li jinftiehem tajjeb permezz tal-interpretazzjoni u li jiġi eżaminat fuq il-mertu. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mill-Bulgarija juru li d-difiża tagħha ma ġietx affettwata minħabba n-nuqqas tat-talba.
b) Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” fir-rigward taż-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali”
75.
B’hekk l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk il-Bulgarija wettqitx ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” fir-rigward tas-siti “Kaliakra” u “Belite Skali” li ġew ikklassifikati bħala ŻPS fit-18 ta’ Diċembru 2007 meta approvat l-implementazzjoni tal-proġetti “Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD, “Vertikal– Petkov & Cie” OOD kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD.
i) Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”
76.
Il-Bulgarija hija tal-fehma li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” ma hija bl-ebda mod applikabbli għal proġetti li ġew approvati qabel l-adeżjoni, iżda lanqas ma tapplika b’rabta mal-implementazzjoni tagħhom.
77.
F’dan ir-rigward, il-Bulgarija tibbaża ruħha fuq is-sentenza “Lauteracher Ried”, li fir-rigward tagħha dik li kienet it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali ( 55 ), li l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva “habitats” ma japplikawx għal proġetti li l-proċeduri ta’ approvazzjoni tagħhom inbdew qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Komunità Ewropea ( 56 ). Konsegwentement, id-Direttiva “habitats”a fortiori ma tistax tiġi applikata fir-rigward ta’ proġetti li ġew approvati qabel l-adeżjoni.
78.
Madankollu, sadanittant l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tbegħdet ġustament ( 57 ) mill-ġurisprudenza msemmija dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva “habitats”, minħabba li qabel l-approvazzjoni ta’ proġett ma kienet għadha teżisti l-ebda sitwazzjoni kompleta ( 58 ) li għaliha kien japplika l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
79.
Din id-deċiżjoni tal-aħħar ma tikkonċerna l-ebda proġett li kien diġà ġie approvat qabel l-adeżjoni, iżda f’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li mill-bidu tal-applikabbiltà tad-Direttiva “habitats”, l-Artikolu 6(2) japplika għal proġetti li għalihom tkun ingħatat l-approvazzjoni operazzjonali qabel ma saret applikabbli s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva “habitats” għaż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata ( 59 ). Dan għandu japplika wkoll għal proġetti li ġew approvati qabel l-adeżjoni.
80.
Huwa minnu li dawn il-proġetti ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” li jirrigwardaw il-proċedura tal-eżami ex ante tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-sit ikkonċernat, iżda l-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 6(2), għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw li l-implementazzjoni tal-proġetti tiddeterjora l-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali jew tfixkel l-ispeċi, li fir-rigward tagħhom ġew ikklassifikati dawn is-siti, sa fejn tali interferenzi jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 60 ).
81.
Għaldaqstant, l-implementazzjoni ta’ proġetti li ġew approvati qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija u qabel il-bidu tal-applikabbiltà tad-Direttiva “habitats” u tad-Direttiva “għasafar” taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.
82.
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fir-rigward taż-ŻPS, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” flimkien mal-Artikolu 7 japplikaw biss mill-mument tal-klassifikazzjoni taż-ŻPS. Qabel din id-data, dawn is-siti kienu suġġetti għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” ( 61 ), li kienet iktar stretta mil-lat tal-ġustifikazzjoni tal-interventi, liema fatt madankollu ma semmiex mill-Kummissjoni fil-parti C tat-talbiet tagħha.
ii) Fuq il-kriterju tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”
83.
B’hekk, attività tkun konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” biss meta jkun iggarantit li din ma tkun ser tikkawża l-ebda tfixkil li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ din id-direttiva, speċjalment l-għanijiet ta’ konservazzjoni ( 62 ). Fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(2) huwa għalhekk ġġustifikat biss jekk il-Kummissjoni tispjega b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Istat Membru ma ħa l-ebda miżura sabiex jevita li l-ġestjoni tal-proġetti – bil-kundizzjoni li din issir wara li ż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata tkun ġiet ikklassifikata bħala tali – tikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi kkonċernati u tfixkil ta’ dawn l-ispeċi, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija ( 63 ).
84.
Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi rabta każwali bejn il-ġestjoni ta’ proġett u tfixkil sinjifikattiv ikkawżat lill-ispeċi kkonċernati sabiex tipprova ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li tipprova l-probabbiltà jew ir-riskju li l-ġestjoni tikkawża tfixkil sinjifikattiv għal dawn l-ispeċi ( 64 ).
85.
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kriterju tal-probabbiltà jew tar-riskju biss sabiex teżamina tfixkil sinjifikattiv ta’ speċi, iżda ma hemm l-ebda raġuni għalfejn ma għandux jintuża wkoll fl-eżami ta’ tipi oħra ta’ ħsara fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, b’mod partikolari d-deterjorament tal-habitats.
86.
B’mod partikolari, dan il-kriterju jiddikjara li anki l-eżami ex ante ta’ proġett skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” għandu jitwettaq meta jkun jeżisti tali riskju ( 65 ). F’dan il-każ, approvazzjoni tkun biss possibbli jekk l-eżami juri li s-sit ma huwiex ser jintlaqat ħażin bħala tali jew jekk il-proġett jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 6(4). Peress li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 6 għandhom jiggarantixxu l-istess livell ta’ protezzjoni ( 66 ), l-istess kriterju għandu japplika wkoll sabiex jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 6(2).
87.
Minkejja dan, prova fir-rigward ta’ dan il-kriterju mhux neċessarjament turi b’mod deċiżiv li miżura, bħall-ġestjoni ta’ proġett, hija inammissibbli. Għall-kuntrarju, tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ eżami xieraq tal-effett fuq iż-żona jew il-miżura tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” ( 67 ).
iii) Fuq id-deterjorament taż-ŻPS “Kaliakra”
88.
Il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta erba’ proġetti fuq is-sit oriġinali taż-ŻPS “Kaliakra” u taż-ŻPS “Belite Skali”. Dawn il-proġetti ġew approvati qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni, iżda x-xogħlijiet tal-bini tlestew biss wara l-klassifikazzjoni tas-sit bħala ŻPS. Huma kkonċernati tliet proġetti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u proġett turistiku.
89.
Il-proġett “Kaliakra Wind Power” AD għall-bini ta’ 35 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ ingħata permess fl-2006 u beda jopera fil-5 ta’ Ġunju 2008. Il-proġett “EVN Enertrag Kavarna” OOD kien jinvolvi l-bini ta’ 32 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ u nħariġlu permess fis-26 ta’ Lulju 2006. Sussegwentement il-permess ġie llimitat għal 20 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ, li minnhom skont l-informazzjoni mogħtija mill-Bulgarija ġew mibnija biss tmienja, li ilhom joperaw mit-8 ta’ Ġunju 2012. Tliet installazzjonijiet oħra ġew approvati fil-kuntest tal-proġett “Vertikal – Petkov & Cie” OOD fl-2005. Rikors li ġie ppreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet intemm permezz ta’ ħlas fis-26 ta’ Lulju 2007. Żewġ installazzjonijiet bdew joperaw fl-24 ta’ April 2008 u fl-14 ta’ Frar 2011. It-tielet installazzjoni ma hijiex ser tinbena.
90.
Il-proġett turistiku “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD fiż-ŻPS “Belite Skali” kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ korsa tal-golf u ċentru termiku. L-ewwel permess tal-bini nħareġ fit-22 ta’ Diċembru 2005, u l-permess għall-operat inħareġ fis-6 ta’ April 2010.
91.
Peress li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” ma japplikax, skont l-Artikolu 7, qabel il-klassifikazzjoni taż-ŻPS, eżami tal-effetti tal-bini ta’ dawn l-installazzjonijiet skont din ir-regola jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni dwar liema xogħlijiet neċessarji għal dan il-għan twettqu wara din id-data. Madankollu din l-informazzjoni hija nieqsa. Skont l-informazzjoni mhux ikkontestata tal-Bulgarija, huwa magħruf biss li x-xogħlijiet ta’ preparazzjoni tal-art neċessarji għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti saru fil-fatt qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni. Konsegwentement, il-bini tal-installazzjonijiet inkwistjoni ma jistax jiġi eżaminat f’din il-proċedura.
92.
Minkejja dan, huwa stabbilit li dawn l-installazzjonijiet bdew joperaw biss wara l-klassifikazzjoni taż-ŻPS. B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk l-operat ġewwa ż-żewġ ŻPS huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.
93.
Fir-rigward tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, il-Kummissjoni tenfasizza r-riskju li jinqatlu l-għasafar meta jaħbtu fit-turbini (ħbit ikkawżat mill-għasafar), iżda l-Bulgarija tirribatti dan l-argument permezz tar-riżultati tal-monitoraġġ ornitoloġiku mwettqa mill-operaturi. Skont dawn, matul l-ewwel sena tal-operat tal-park eoliku ta’ “Kaliakra Wind Power” OOD, instabu biss tliet għasafar mejtin, li huma l-pellikan abjad (Pelecanus onocrotalus) u żewġ durrajsiet (Miliaria jew Emberiza calandra). Għalkemm iż-żewġ speċi huma msemmija fil-formola standard ta’ informazzjoni taż-ŻPS “Kaliakra”, fid-dawl tal-popolazzjonijiet kbar ta’ 2000 sa 3000 pellikani bojod u 500 sa 1200 durrajsa, dan it-telf jidher kunsiderevolment inqas sinjifikattiv mill-varjazzjoni naturali fil-popolazzjonijiet.
94.
Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u l-faċilitajiet ta’ “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD ifixklu l-ispeċi tal-għasafar inkwistjoni u jiddeterjoraw il-habitats tagħhom. Hija tikkwantifika t-telf anki fuq il-bażi ta’ komunikazzjoni ta’ organizzazzjoni Bulgara għall-protezzjoni tal-għasafar.
95.
Il-Bulgarija toġġezzjona għall-kwantifikazzjoni b’mod korrett, fis-sens li l-komunikazzjoni ma tiċċarax kif irriżultaw dawn iċ-ċifri. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi ġġustifikat ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” abbażi tal-volum hekk ikkwantifikat tat-telf allegat ta’ superfiċji.
96.
Minkejja dan, huwa evidenti li l-operat tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ, tal-bini tal-lukanda u ta’ korsa tal-golf tiġġustifika l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ deterjorament tal-habitats tal-ispeċi ta’ għasafar protetti fiż-ŻPS kif ukoll it-tfixkil sinjifikattiv tagħhom.
97.
B’hekk, il-park eoliku stabbilit minn “Kaliakra Wind Power” AD jinkludi 35 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ, li joperaw f’densità għolja fuq art ta’ tlieta sa erba’ kilometri kwadri fil-qalba taż-ŻPS “Kaliakra”. Huwa tassew probabbli li s-superfiċji bejn it-turbini tar-riħ u fil-viċinanza immedjata tal-park eoliku ma għadhomx attraenti għall-ispeċi tal-għasafar kollha protetti daqs kemm kienu qabel il-bini tal-park eoliku. Dan japplika wkoll fi grad inqas għaż-żewġ proġetti żgħar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ. Konsegwentement, il-Bulgarija pprojbixxiet espressament il-bini ta’ installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ addizzjonali fiż-ŻPS “Kaliakra” ( 68 ).
98.
Huwa wkoll eskluż li s-superfiċji taż-ŻPS “Belite Skali”, li ntużaw mill-faċilitajiet ta’ “Thracian Cliffs Golf & Spa” OOD huma tal-istess benefiċċju għall-ispeċi ta’ għasafar protetti bħal qabel l-implementazzjoni ta’ dan il-proġett. Il-ġestjoni ta’ korsa tal-golf u ta’ faċilitajiet rikreattivi tbiddel il-karatteristiċi tal-habitats ikkonċernati, u anki jekk l-ispeċi tal-għasafar ikkonċernati xorta jistgħu jibqgħu jużawhom sabiex ibidu, jistrieħu jew biex jieqfu jieklu, dawn jitgerrxu bil-preżenza tat-turisti ( 69 ).
99.
Skont l-argument tal-Kummissjoni dwar it-telf allegat tas-superfiċji, dan għandu jiġi preżunt fost l-oħrajn għall-ispeċi li ġejjin u li huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, li jissemmew ukoll fil-formola standard ta’ informazzjoni taż-żewġ ŻPS: il-kudi tal-Lvant (Oenanthe pleschanka), il-kanadra (Melanocorypha calandra), il-bilbla (Calandrella brachydactyla), l-okkjun (Burhinus oedicnemus), il-bies saqajh twal (Buteo rufinus), is-seqer Levantin (Accipiter brevipes) u l-farruġ (Coracias garrulus).
100.
B’hekk, il-Bulgarija hija obbligata tirribatti din l-indikazzjoni ta’ probabbiltà jew riskju ta’ deterjorament tal-habitats tal-ispeċi tal-għasafar protetti kif ukoll ta’ tfixkil tagħhom. Madankollu, il-Bulgarija ma esprimietx ruħha dwar it-tfixkil tal-ispeċi kkonċernati u dwar id-deterjorament tal-habitats tagħhom.
101.
Għaldaqstant għandu jiġi preżunt li l-ġestjoni tal-proġetti msemmija tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.
102.
Konsegwentement, il-Bulgarija wettqet ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” peress li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tevita li l-operat tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ ta’ “Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD u “Vertikal – Petkov & Cie” OOD kif ukoll tal-faċilitajiet ta’ “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD fit-territorju taż-ŻPS “Kaliakra” u “Belite Skali” jikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi tal-għasafar protetti u jfixkel lil dawn l-ispeċi.
c) Fuq il-protezzjoni provviżorja tas-sit “Kompleks Kaliakra” propost
103.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilmenta dwar il-fatt li l-Bulgarija ma pproteġietx b’mod suffiċjenti s-SIK “Kompleks Kaliakra” propost mill-ħsara li tirriżulta tal-proġetti “Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD, “Vertikal – Petkov & Cie” OOD kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD. F’dan ir-rigward, hija topponi għall-qerda tal-habitat prijoritarju tal-“Pontic-Sarmatian Steppe” (Kodiċi Natura 2000 62C0).
104.
Skont id-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali u/jew speċi ta’ prijorità u li ġew identifikati sabiex jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, jieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex iżommu l-karatteristiċi tal-imsemmija siti. L-Istati Membri għalhekk ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jistgħu jikkompromettu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti kkonċernati. Dan jiġri b’mod partikolari fil-każ fejn intervent jirriskja jew li jnaqqas b’mod sinjifikattiv is-superfiċji ta’ sit, jew li jwassal għall-qerda ta’ speċi prijoritarji preżenti fis-sit, jew, fl-aħħar nett, li jwassal għall-qerda tas-sit jew tal-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu ( 70 ).
105.
Dan l-obbligu ta’ konservazzjoni jinkiser jekk il-Bulgarija tippermetti l-qerda kunsiderevoli ta’ tip ta’ habitat ta’ prijorità ġewwa sit propost.
106.
Bħall-obbligi l-oħra kollha taħt id-dritt tal-Unjoni, dan japplika immedjatament mal-adeżjoni tal-Bulgarija. Madankollu, il-Bulgarija tissottometti b’mod mhux ikkontestat li x-xogħlijiet ta’ preparazzjoni tal-art għall-proġetti msemmija, li qerdu t-tipi ta’ habitats, kienu diġà nbdew qabel l-adeżjoni. B’hekk, tali deterjorament fuq it-tip ta’ habitat ma jistax jikser id-dritt tal-Unjoni.
107.
Issa, jekk it-tip ta’ habitat fuq is-superfiċji kkonċernati diġà jkun inqered, il-ġestjoni sussegwenti tal-proġetti ma tistax taggrava s-sitwazzjoni.
108.
Għaldaqstant, il-parti C tat-talbiet tar-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata fuq dan il-punt u r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud f’dan ir-rigward.
2. Fuq il-proġetti fuq is-superfiċji li inizjalment ma kinux protetti (parti B tat-talbiet tar-rikorrenti)
109.
Fil-parti B tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li peress li approvat il-proġetti “AES Geo Energy” OOD, “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Disib” OOD, “Eco Energy” OOD u “Longman Investment” OOD fit-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta kien imissha ġiet hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑96/98 u C‑374/98.
110.
Din it-talba hija fformulata b’mod simili għal dik fil-punt C, iżda ma hijiex ivvizzjata mill-istess nuqqasijiet, peress li tikkonċerna sitwazzjoni fattwali u legali oħra.
111.
Madankollu, jirriżulta element ta’ ambigwità mill-fatt li l-Kummissjoni tibbaża din it-talba fuq id-Direttiva 2009/147 li rrevokat il-verżjoni preċedentement fis-seħħ tad-Direttiva “għasafar”. B’hekk, jista’ jiġi preżunt li din tkopri istanzi ta’ ksur li seħħew wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/147 fil-15 ta’ Frar 2010.
112.
Madankollu, skont l-ewwel premessa tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tikkodifika d-Direttiva “habitats” u ma temendax l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) fir-rigward tal-verżjonijiet preċedentement fis-seħħ. Barra minn hekk, fl-Artikolu 18(1) huwa ddikjarat li l-verżjoni preċedentement fis-seħħ tad-Direttiva “habitats” hija mħassra “bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri”. Konsegwentement, f’dan il-każ ikun eċċessivament formali li, fil-każ ta’ obbligu identiku fil-kontenut li għadu jeżisti u ta’ sitwazzjoni persistenti, jiġu indirizzati biss ċirkustanzi mill-adozzjoni tad-direttiva li tikkodifika ( 71 ).
a) Kriterji ġuridiċi
113.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti taħt IV.A, għandu jiġi preżunt li l-proġetti jinsabu fuq superfiċji li l-Bulgarija kellha tikklassifika bħala ŻPS. Minkejja dan, il-klassifikazzjoni saret biss wara d-data rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fil-proċedura preżenti, jiġifieri dik tal-iskadenza, it-22 ta’ Awwissu 2012, tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 72 ).
114.
Skont ġurisprudenza stabbilita, iż-żoni li għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS, għalkemm kellhom ikunu hekk ikklassifikati, komplew jaqgħu taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” ( 73 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu evitati, fiż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sa fejn dawn ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi meta jitqiesu l-għanijiet tal-istess artikolu.
115.
Sabiex jiġi pprovat ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, jeħtieġ li jintuża l-kriterju żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, peress li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi b’mod wiesa’ mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” ( 74 ). Skont dan il-kriterju, għandu jiġi kkonstatat ksur meta l-Kummissjoni tipprova li teżisti l-probabbiltà jew ir-riskju li proġett jiddeterjora l-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti jew jikkawża tfixkil sinjifikattiv għal dawn l-ispeċi ( 75 ). Fil-prattika l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonstatat ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” fuq il-bażi tal-probabbiltà jew tar-riskju ta’ deterjorament ( 76 ), iżda mingħajr ma ddikjarat il-kriterju msemmi espressament.
b) Fuq il-proġetti
116.
B’din it-talba l-Kummissjoni qed toġġezzjona għal sitt proġetti.
i) Fuq it-tliet proġetti li ma twettqux
117.
Fir-rigward ta’ tliet proġetti, li huma „Windtech2 OOD, “Brestiom” OOD u “Eco Energy” OOD, ġie deċiż biss, skont l-argument tal-Bulgarija li ma huwiex ikkontestat f’dan ir-rigward, li ma kinitx meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Permessi ulterjuri ma ngħatawx u l-installazzjonijiet lanqas ma nbnew. Sadanittant id-deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma baqgħux effettivi.
118.
Madankollu, minn dawn id-deċiżjonijiet dak li jkun diġà jista’ jiddeduċi li kien għad hemm riskju miżjud jew perikolu ikbar ta’ tfixkil jew effetti ħżiena fuq is-sit, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 77 ). Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet fil-fatt iżżid il-probabbiltà li t-tfixkil jew id-deterjorament jiġu identifikati u evitati.
119.
Minkejja dan, mil-lat purament proċedurali, tali riskju għas-sit ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”. Dan minħabba li mingħajr passi proċedurali ulterjuri l-periklu jibqa’ ipotetiku.
120.
Barra minn hekk, għalkemm it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkun tassew mixtieqa, din ma hijiex mitluba espressament mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” – b’mod kuntrarju għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”. Għaldaqstant, huwa suffiċjenti li d-deċiżjoni dwar il-ħtieġa għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tiġi kkontestata bħala ksur potenzjali tad-Direttiva 2011/92.
ii) Fuq it-tliet proġetti li twettqu
121.
Fir-rigward tat-tliet proġetti li fadal, l-awtoritajiet Bulgari ħarġu l-permessi addizzjonali meħtieġa u konsegwentement inbnew l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ.
122.
Il-proġett “AES Geo Energy” OOD, wara li saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, inħariġlu permess tal-bini fl-2008 sabiex jitwaqqfu 52 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ, li bdew joperaw fil-15 ta’ Novembru 2011.
123.
Fir-rigward tal-proġett “Disib” OOD, fl-4 ta’ Jannar 2007 ġie deċiż li ma kienet meħtieġa l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Konsegwentement l-installazzjoni tal-enerġija mir-riħ ġiet approvata, u ilha topera mit-22 ta’ Mejju 2008.
124.
Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-proġett “Longman Investment” OOD hija simili. Wara li fil-11 ta’ Diċembru 2007 ġie deċiż li ma kienet meħtieġa l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ġiet approvata installazzjoni tal-enerġija mir-riħ li ilha topera mis-16 ta’ Ġunju 2008.
c) Fuq id-deterjorament taż-żona
125.
L-istabbiliment u l-operat tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ fuq is-superfiċji li ġew protetti wara l-estensjoni taż-ŻPS “Kaliakra” għandhom jiġu evalwati fuq il-mertu bħallikieku kienu fi ħdan iż-ŻPS inizjali.
126.
Bħal fi ħdan iż-ŻPS inizjali, fil-fatt teżisti probabbiltà jew riskju suffiċjenti li ż-żoni ma jibqgħux jattiraw l-ispeċi tal-għasafar protetti bħal qabel minħabba l-bini u l-operat ta’ total ta’ 54 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ ( 78 ).
127.
Il-fatt li skont ir-riżultati tal-osservazzjonijiet mwettqa mill-park eoliku “AES Geo Energy” OOD, li ġew invokati mill-Bulgarija, iż-żoni xorta ntużaw mill-wiżż ta’ sidirhom aħmar u li f’kundizzjonijiet tar-riħ tajbin ikun hemm konċentrazzjoni ta’ għasafar li jemigraw f’“Kaliakra” ukoll ma jqiegħedx fid-dubju din il-probabbiltà jew riskju. Dan peress li l-obbligi ta’ protezzjoni diġà kienu jeżistu qabel ma ġie kkonstatat tnaqqis fin-numru ta’ għasafar, jew qabel ma ġie speċifikat ir-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi protetta ( 79 )
128.
Barra minn hekk, din id-data mill-inqas tagħti indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ attrazzjoni. Dan peress li l-użu tas-superfiċji mill-wiżża ta’ sidirha aħmar huwa inqas mill-ogħla valuri rreġistrati matul il-perijodu ta’ qabel il-bini tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ. Barra minn hekk, ma huwiex iddokumentat li l-għasafar migratorji jistrieħu hemmhekk f’numri kbar - lanqas matul il-konċentrazzjonijiet okkażjonali mal-kosta.
d) Konklużjoni provviżorja
129.
Konsegwentement, peress li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tevita li l-ġestjoni tal-proġetti tal-enerġija mir-riħ “AES Geo Energy” OOD, “Disib” OOD u “Longman Investment” OOD fit-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li ma ġiex ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta kien imissu ġie hekk ikklassifikat, tikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi li għandhom jiġu protetti kif ukoll tfixkil ta’ dawn l-ispeċi, il-Bulgarija wettqet ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”.
3. Fuq il-konsegwenzi ta’ tali kundanna
130.
Għandu jiġi nnotat ukoll li fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli ma jistax jiġi deċiż b’mod definittiv jekk it-tkomplija tal-ġestjoni tal-proġetti eżaminati għandhiex tiġi pprojbita. B’mod partikolari ma għandux jiġi eskluż li, minn eżami iktar iddettaljat, jirriżulta li l-proġetti ma jaffetwawx ħażin liż-żona bħala tali, jew li dawn jistgħu jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” ( 80 ).
131.
L-ewwel pass għall-implementazzjoni ta’ kundanna eventwali fuq dawn il-punti u li, fl-istess ħin, ikun jikkostitwixxi l-ewwel miżura xierqa sabiex jiġi evitat deterjorament fiż-ŻPS ikkonċernati tkun għalhekk evalwazzjoni xjentifika tal-effetti tal-proġetti. Jekk wara dan l-eżami xorta ma jkunux jistgħu jiġu esklużi d-dubji kollha raġonevoli minn perspettiva xjentifika dwar il-fatt li ma hemm l-ebda effett ħażin fuq iż-żona bħala tali ( 81 ), jista’ jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”.
132.
Fir-rigward tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ( 82 ). B’kuntrast ma’ dan, ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” jista’, bħala prinċipju, jiġi ġġustifikat biss fi ħdan limiti ħafna iktar stretti ( 83 ). Madankollu, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” jippermetti, bħala prinċipju, li jiġi ġġustifikat l-operat futur tat-turbini tar-riħ, peress li s-superfiċji kkonċernati sadanittant saru wkoll parti miż-ŻPS “Kaliakra”, b’tali mod li issa japplika wkoll l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats”.
133.
Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000, meta minkejja li jkun hemm evalwazzjoni tal-effetti negattiva għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, inklużi dawk soċjali jew ekonomiċi.
134.
Minbarra l-interess fl-użu tal-enerġija mir-riħ jew taż-żamma tal-impjiegi, meta jiġi identifikat l-interess pubbliku f’dan ir-rigward għandhom fuq kollox jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm dawn il-proġetti jkunu bbażati fuq permessi li nħarġu qabel kienu applikabbli d-Direttiva “għasafar” u d-Direttiva “habitats”. Meta jkunu ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex inaqqsu l-effetti negattivi, iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għandhom jipprevalu fuq l-interess tal-protezzjoni tal-patrimonju naturali kkonċernat.
135.
Minkejja dan, il-kundizzjonijiet għal tali ġustifikazzjoni ma humiex issodisfatti, peress li l-Bulgarija għadha ma identifikatx is-severità tal-effetti negattivi tal-operat fuq iż-żona. Għaldaqstant, la huwa possibbli li l-interess tat-tkomplija tal-operat jiġi bbilanċjat mad-deterjorament fuq iż-żona, u lanqas ma tista’ tiġi evalwata kwalunkwe alternattiva, bħaċ-ċaqliq tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ f’siti oħra jew il-limitazzjoni tal-operat, speċjalment matul perijodi sensittivi. Barra minn hekk, għadu ma huwiex ċar liema miżuri huma importanti biex tiġi protetta l-koerenza tan-netwerk Natura 2000 ( 84 ).
136.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi, l-ewwel għandu jiġi mistħarreġ l-effett ta’ tfixkil ikkawżat mill-ġestjoni tal-proġetti u mbagħad possibbilment tista’ tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni tagħhom.
C – Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (parti D tat-talbiet tar-rikorrenti)
137.
Finalment, il-Kummissjoni toġġezzjona, fil-parti D tat-talbiet tagħha, għall-fatt li l-effett kumulattiv tal-proġetti “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Eco Energy” OOD u “Longman investment” OOD fiż-żoni li inizjalment ma kinux protetti taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, ma ġiex evalwat b’mod korrett. B’hekk il-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) u l-punt 1(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92.
138.
Fil-verżjoni oriġinali tagħha, din it-talba kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni preliminari ta’ ħames proġetti, fir-rigward ta’ jekk hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u l-evalwazzjoni attwali tal-effetti fuq l-ambjent tas-sitt proġett. Iżda wara li l-Kummissjoni llimitat it-talba tagħha fir-replika, din issa tikkonċerna biss l-evalwazzjoni preliminari ta’ erba’ proġetti.
1. Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2011/92
139.
Il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva 2011/92 fil-verżjoni tagħha tal-2011. L-awtoritajiet Bulgari madankollu kienu diġà ħadu d-deċiżjonijiet ikkontestati fl-2007. Minkejja dan, il-verżjoni tal-2011 tista’ tapplika minħabba li din tikkorrispondi fil-punti rilevanti kollha mal-verżjoni li kienet applikabbli fl-2007 ( 85 ).
2. Fuq il-proġetti
140.
Il-proġetti kollha kkontestati jikkonċernaw il-parti taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra” li inizjalment ma kinitx ikklassifikata bħala ŻPS. F’kull każ ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, minħabba li l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din ma kinitx meħtieġa.
141.
Dawn il-proċeduri ta’ evalwazzjoni preliminari tnedew fit-tieni nofs tal-2007 u ġew konklużi permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Settembru 2007 (“Eco Energy” OOD għall-bini ta’ installazzjoni tal-enerġija mir-riħ), tal-11 ta’ Diċembru 2007 (“Longman Investment” OOD għall-bini ta’ installazzjoni tal-enerġija mir-riħ) u tat-28 ta’ Diċembru 2007 (“Windtech” OOD għall-bini ta’ erba’ installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u “Brestiom” OOD għall-bini ta’ sitt installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ).
142.
Il-proġett “Longman Investment” OOD biss tlesta u ilu jopera mis-16 ta’ Ġunju 2008.
143.
Fir-rigward tat-tliet proġetti l-oħra, ma nħarġux permessi tal-bini u skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, id-deċiżjonijiet imsemmija ma humiex iktar effettivi minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni.
144.
B’hekk, għandu jiġi stabbilit qabelxejn jekk ksur potenzjali jkunx suġġett ta’ din il-proċedura ta’ ksur (ara l-punt a hawn taħt), jew jekk fir-rigward tal-proġetti li ma ġewx implementati jistax ikun hemm tassew ksur tad-Direttiva 2011/92 (ara l-punt b hawn taħt). Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-effett kumulattiv tal-proġetti ġiex evalwat suffiċjentement.
a) Fuq id-deċiżjonijiet ineffettivi bħala suġġett ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
145.
Mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jiġi preżunt li din il-kawża tressqet fir-rigward tad-deċiżjonijiet li issa huma invalidi. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija rilevanti s-sitwazzjoni li kienet teżisti meta skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata supplimentari tat-22 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri t-22 ta’ Awwissu 2012 ( 86 ).
146.
F’din id-data, id-deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienu għadhom effettivi. Dan minħabba li, sa fejn jista’ jiġi kkonstatat, l-ineffettività hija bbażata fuq il-fatt li fl-2012 ġie stabbilit terminu ta’ ħames snin għall-implementazzjoni tal-proġetti. B’hekk għandu jiġi preżunt li d-deċiżjonijiet imsemmija saru invalidi eżattament ħames snin wara li ngħataw, jiġifieri fl-24 ta’ Settembru 2012 jew fit-28 ta’ Diċembru 2012.
b) Fuq il-possibbiltà ta’ ksur tad-Direttiva 2011/92 minħabba proġetti mhux implementati
147.
Id-dubji dwar ksur tad-Direttiva 2011/92 minħabba proġetti mhux implementati jistgħu jkunu relatati mal-fatt li l-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 2(1), għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex, qabel l-approvazzjoni, proġetti li, minħabba inter alia n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, ikunu jinvolvu effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, jiġu suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni u għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.
148.
Id-deċiżjoni li skontha evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex meħtieġa ma hijiex madankollu ekwivalenti, sa fejn jista’ jiġi kkonstatat, għal approvazzjoni ta’ proġett. Skont l-informazzjoni mhux ikkontestata pprovduta mill-Bulgarija, ikun għadu meħtieġ permess tal-bini li, għad-differenza tal-proġett implementat “Longman Investment” OOD, qatt ma ngħata għat-tliet proġetti l-oħra. Konsegwentement, il-Bulgarija ma tistax tiġi akkużata li approvat dawn il-proġetti mingħajr l-evalwazzjoni meħtieġa.
149.
Minkejja dan, id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tittieħed skont il-kriterji tad-Direttiva 2011/92, b’mod partikolari skont l-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll l-Anness III. Huwa possibbli xorta waħda li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkisru anki jekk proġett qatt ma nħarġulu l-permessi kollha meħtieġa. Fir-rigward tal-proġett “Longman Investment” OOD, huwa possibbli wkoll ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92.
3. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv waqt l-eżami preliminari
150.
Fir-rigward tal-eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew inkella fuq il-bażi ta’ limiti jew ta’ kriterji ffissati minnhom, jekk il-proġetti li huma koperti mill-Anness II tad-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.
151.
Dawn il-proġetti jinkludu l-installazzjonijiet elenkati fil-punt 3(i) ta’ dan l-anness dwar l-użu tal-enerġija mir-riħ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija (parks eoliċi).
152.
Fir-rigward tal-iffissar ta’ dawn il-limiti jew kriterji, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2011/92 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom ( 87 ).
153.
B’hekk, l-għan tal-kriterji u tal-livelli msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2011/92 huwa li jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi konkreti ta’ proġett sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-proġett huwiex suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent ( 88 ).
154.
Minn dan isegwi li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, meta ssirilhom applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 2011/92, għandhom iwettqu eżami partikolari tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 89 ).
155.
F’dan ir-rigward, mill-punt 1 ta’ dan l-Anness III jirriżulta li għandhom jiġu evalwati l-karatteristiċi ta’ proġett, b’mod partikolari, fir-rigward tal-effetti kumulattivi ma’ proġetti oħra. Fil-fatt, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kumulattivi ta’ proġett ma’ proġetti oħra jista’ fil-prattika jwassal għall-konsegwenza li dan il-proġett ma jkunx suġġett għall-obbligu tal-evalwazzjoni meta, ikkunsidrat flimkien ma’ proġetti oħra, dan jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 90 ).
156.
Dan ir-rekwiżit għandu jinqara fid-dawl tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92, li jipprevedi li l-effetti sinjifikattivi li jista’ jkollu proġett għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kriterji elenkati fil-punti 1 u 2 tal-istess anness, b’mod partikolari fir-rigward tal-probabbiltà, tal-firxa, tas-severità, tat-tul u tar-riversibbiltà tal-effetti ta’ dan il-proġett ( 91 ).
157.
Minn dan isegwi li, meta tkun qiegħda tevalwa jekk proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, awtorità nazzjonali għandha teżamina l-effett li dan jista’ jkollu flimkien ma’ proġetti oħra. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni, dan l-obbligu ma huwiex limitat biss għall-proġetti tal-istess natura. Din l-evalwazzjoni preliminari għandha tistħarreġ ukoll jekk l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jistgħux, minħabba l-effetti ta’ proġetti oħra, ikunu iktar sinjifikattivi milli fl-assenza ta’ tali proġetti ( 92 ).
158.
Fil-kawża preżenti, fuq is-superfiċji taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra” li kienu għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS, diġà kienu ppjanati mill-inqas il-park eoliku ta’ “AES GEO Energy” OOD bi 52 installazzjoni tal-enerġija mir-riħ u tliet installazzjonijiet oħra ta’ “Disib” OOD. L-effetti kumulattivi ma’ dawn il-proġetti ma setgħux jiġu awtomatikament esklużi għall-ebda wieħed mill-erba’ proġetti kkontestati fl-aħħar tal-2007.
159.
Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar iż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra” tat indikazzjoni li s-superfiċji kkonċernati huma ta’ importanza kbira għall-migrazzjoni tal-għasafar u għall-mistrieħ fix-xitwa tal-wiżża ta’ sidirha aħmar.
160.
Konsegwentement, kien essenzjali li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi tal-proġetti differenti tal-enerġija mir-riħ meta ġiet evalwata l-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
161.
Il-Bulgarija tagħmel riferiment għall-fatt li fid-deċiżjonijiet ġie kkonstatat espressament li ma kinux mistennija effetti kumulattivi. Is-sempliċi allegazzjoni li ma kienx hemm effett kumulattiv madankollu ma tipprovax li dawn ġew eżaminati biżżejjed. Il-Bulgarija ma tatx prova ta’ dan l-eżami.
4. Konklużjoni provviżorja
162.
Konsegwentement, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq tal-effett kumulattiv tal-proġetti “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Eco Energy” OOD u “Longman Investment” OOD ma’ proġetti oħra meta eżaminat il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-Bulgarija wettqet ksur tal-Artikolu 4(2) u (3) u tal-punt 1(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92, u billi minkejja dan approvat u implementat il-proġett “Longman Investment” OOD, hija wettqet ukoll ksur tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
V – Spejjeż
163.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ż-żewġ partijiet talbu li l-parti l-oħra tbati l-ispejjeż u peress li l-Bulgarija tilfet f’ħafna mit-talbiet tagħha, nipproponi li dan l-Istat Membru jbati tliet kwarti mill-ispejjeż.
VI – Konklużjoni
164.
Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1)
Ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, sa fejn hija ma pproteġietx kompletament bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fl-opinjoni motivata tagħha, il-partijiet li inizjalment ma kinux protetti taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li jinsabu lejn it-Tramuntana taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra” ikklassifikata oriġinarjament.
2)
Ir-Repubblika tal-Bulgarija wettqet ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147 billi ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tevita li l-ġestjoni tal-proġetti tal-enerġija mir-riħ “AES Geo Energy” OOD, “Disib” OOD u “Longman Investment” OOD fit-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li ma ġiex ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta kien imissu ġie hekk ikklassifikat, tikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi li għandhom jiġu protetti kif ukoll tfixkil ta’ dawn l-ispeċi.
3)
Ir-Repubblika tal-Bulgarija wettqet ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, peress li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tevita li l-operat tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ ta’ “Kaliakra Wind Power” AD, “EVN Enertrag Kavarna” OOD u “Vertikal – Petkov & Cie” OOD kif ukoll tal-faċilitajiet ta’ “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” OOD fit-territorju taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra” u “Belite Skali” jikkawża deterjorament tal-habitats tal-ispeċi tal-għasafar protetti u jfixkel lil dawn l-ispeċi.
4)
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq tal-effett kumulattiv tal-proġetti “Windtech” OOD, “Brestiom” OOD, “Eco Energy” OOD u “Longman Investment” OOD ma’ proġetti oħra meta eżaminat il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, wettqet ksur tal-Artikolu 4(2) u (3) u tal-punt 1(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, u billi minkejja dan approvat u implementat il-proġett “Longman Investment” OOD, hija wettqet ksur tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.
5)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
6)
Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tal-Bulgarija u kwart tal-ispejjeż tagħha stess.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 1981, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 14, p. 280). Il-Konvenzjoni hija ppubblikata fil-ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282.
( 3 ) Ara, pereżempju, ir-Recommendation No 130 (2007) of the Standing Committee on the windfarms planned near Balchik and Kaliakra, and other wind farm developments on the Via Pontica route (Bulgaria), tad-29 ta’ Novembru 2007 u finalment ir-rapport tal-Bulgarija tat-30 ta’ Marzu 2015 (T-PVS/Files[2015]22E).
( 4 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352 M, 31.12.2008, p. 883, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”).
( 6 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1).
( 7 ) Disponibbli fl-indirizz: .
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/92/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2008, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, lista inizjali tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Baħar l-Iswed (ĠU L 43, p. 59).
( 9 ) Disponibbli l-indirizz: .
( 10 ) Anness A.27 tar-rikors, p. 671.
( 11 ) Anness A.28 tar-rikors, p. 676 et seq.
( 12 ) Anness A.31 tar-rikors, p. 731.
( 13 ) Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.
( 14 ) Gazzetta tal-Gvern Nru 15 tal-21 ta’ Frar 2014, p. 59 et seq.
( 15 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑202/01, EU:C:2002:713, punt 19 et seq), Il-Kummissjoni vs Il-Finalandja (C‑240/00, EU:C:2003:126, punt 28 et seq), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑378/01, EU:C:2003:176, punt 16), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 51 et seq) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, Leida, EU:C:2007:813, punti 31 u 32).
( 16 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑191/05, EU:C:2006:472, punt 13).
( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 32).
( 18 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑191/05, EU:C:2006:472, punt 14).
( 19 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 31).
( 20 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 37).
( 21 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 39).
( 22 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 33).
( 23 ) Disponibbli fl-indirizz: .
( 24 ) Disponibbli fl-indirizz: .
( 25 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑3/96, EU:C:1998:238, punti 68 sa 70), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 26) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 52).
( 26 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punti 29 sa 34).
( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 61).
( 28 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 142).
( 29 ) Disponibbli fl-indirizz: , ikkonsultat fl-4 ta’ Ġunju 2015.
( 30 ) Anness A.28 tar-rikors, p. 686.
( 31 ) Disponibbli fl-indirizz ikkonsultat fl-4 ta’ Ġunju 2015.
( 32 ) Anness A.38 tar-rikors, p. 794
( 33 ) Willem van den Bossche et, Еаstern European White Stork Populations: Migration Studies and Elaboration of Conservation Measures, BfN scripts 66, 2002 (Anness B.7 tar-risposta, p. 521 et seq).
( 34 ) Gash, Review of the Ornithologica1 Importance of the “Kaliakra” IBA/SРА and Saint Nikola Wind Farm, 2012 (Anness B.6 tar-risposta, p. 447 et seq).
( 35 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, Tabella 2, p. 467.
( 36 ) Skont statistika reċenti, anki s-sena 2013 għandha tiġi enfasizzata, li matulha ġew osservati ’l fuq minn 11000 ċikonja u madwar 10000 għasfur tal-priża (Zehtindjiev, Bird migration monitoring in the Saint Nikola Wind Farm territory, “Kaliakra” region in autumn 2014, and an analysis of potential impact after five years of operation, p. 16 et seq, /site/images/Report%20autumn%20monitoring%202014.pdf, ikkonsultat fis-6 ta’ Mejju 2015).
( 37 ) Għall-2007 ma hemm l-ebda ċifra.
( 38 ) Dan l-argument jinsab mill-inqas f’wieħed mill-istudji ppreżentati mill-Kummissjoni, ara l-Anness A.36 għar-rikors, p. 745.
( 39 ) Ara l-Anness B.4 tar-replika, p. 73.
( 40 ) Ara l-Anness B.4 tar-replika, p. 77.
( 41 ) Ara l-Annness A.45 tar-rikors, p. 874 et seq, u l-Anness B.6 tar-risposta, p. 203.
( 42 ) Disponibbli fl-indirizz:, ikkonsultat fl-4 ta’ Ġunju 2015.
( 43 ) Disponibbli fl-indirizz: , ikkonsultat fl-4 ta’ Ġunju 2015.
( 44 ) Anness A.45 tar-rikors, p. 877 et seq.
( 45 ) Anness B.9 tar-risposta, p. 789 et seq.
( 46 ) Anness B.6 tar-risposta, p. 510 et seq; ara wkoll p. 476 et seq.
( 47 ) Ara l-informazzjoni dwar is-snin 1995/96 (Anness B.9 tar-risposta, p. 872) u 1997/98 (Anness B.9 tar-risposta, p. 868).
( 48 ) Anness B.7 tar-replika, p. 226 et seq.
( 49 ) Ara l-punti 96 u 97 iktar ’l isfel.
( 50 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 32).
( 51 ) Anness A.41 tar-rikors, p. 825.
( 52 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑195/04, EU:C:2007:248, punt 22) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑209/13, EU:C:2014:283, punt 30).
( 53 ) Sentenzi Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16, punti 24 u 25) u Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579, punti 35 u 36).
( 54 ) ĠU 2005 L 157, p. 203.
( 55 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 57).
( 56 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 62).
( 57 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2005:653, punti 55 sa 64).
( 58 ) Sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 103).
( 59 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 124).
( 60 ) Sentenzi Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 48 u 49) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, l-ors kannella Spanjol, EU:C:2011:768, punt 125) kif ukoll, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑491/08, “Is Arenas”, EU:C:2010:330, b’mod partikolari l-punt 38).
( 61 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670, punti 47 u 57), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 18) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punti 27 et seq).
( 62 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 32) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126).
( 63 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 128).
( 64 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142).
( 65 ) Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 43), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, EU:C:2007:578, punt 33) u Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 41).
( 66 ) Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 36), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142).
( 67 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, l-ors kannella Spanjol, EU:C:2011:768, punti 156 u 192).
( 68 ) Punt 8.6 tal-att legali msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
( 69 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/02, EU:C:2004:61, punt 24) u Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑491/08, EU:C:2010:330, punti 32 sa 34).
( 70 ) Sentenzi Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579, punti 46 u 47), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 163) u Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 44).
( 71 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, EU:C:2009:543, punt 8), is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑492/08, EU:C:2010:348, punt 32) u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 38) kif ukoll is-sentenza Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 26 sa 28).
( 72 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 32).
( 73 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670, punti 47 u 57), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 18) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punti 27 et seq).
( 74 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑117/00, EU:C:2002:366, punt 26), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 26) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑517/11, EU:C:2013:66) 34).
( 75 ) Spjegati iktar fid-detall fil-punti 83 sa 87.
( 76 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punti 33, 34 u 36).
( 77 ) Għal iktar dettall ara l-punti 145 u 146 iktar ’l quddiem.
( 78 ) Ara l-punti 96 u 97 iktar ’il fuq.
( 79 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, Santoña-Sümpfe, EU:C:1993:331, punt 15 u C‑186/06, Leida,EU:C:2007:813, punt 36).
( 80 ) Ara l-punt 87 iktar ’il fuq.
( 81 ) Ara s-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 156) u Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 113).
( 82 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 156 u 192).
( 83 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑57/89, EU:C:1991:89, punti 21 et seq), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, EU:C:1993:331, punt 19), Royal Society for the Protection of Birds (C‑44/95, EU:C:1996:297, punt 37) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 37).
( 84 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 157).
( 85 ) Ara s-sentenza Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 26 sa 28).
( 86 ) Ara, inter alia, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 59).
( 87 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29) kif ukoll Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 40).
( 88 ) Sentenzi Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 30) u Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 41).
( 89 ) Sentenzi Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 42) kif ukoll, f’dan is-sens, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).
( 90 ) Sentenzi Marktgemeinde Straßwalchen et. (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 43) kif ukoll, f’dan is-sens, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 36).
( 91 ) Sentenza Marktgemeinde Straßwalchen et (C 531/13, EU:C:2015:79, punt 44).
( 92 ) Sentenza Marktgemeinde Straßwalchen et (C 531/13, EU:C:2015:79, punt 45).
Full & Egal Universal Law Academy