KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Mengozzi
ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑155/14 P
Evonik Degussa GmbH
AlzChem AG, li kienet AlzChem Trostberg GmbH, li kienet AlzChem Hart GmbH
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Akkordji — Swieq tat-trab u tal-granuli tal-karbur tal-kalċju kif ukoll granuli tal-manjesju f’parti kbira taż-ŻEE — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim ta’ swieq u skambju ta’ informazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti — Konfutazzjoni — Aġir ta’ sussidjarja kuntrarju għall-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha”
1.
Din il-kawża tikkonċerna appell imressaq minn Evonik Degussa GmbH (iktar ’il quddiem “Degussa”) u AlzChem AG ( 2 ) (iktar ’il quddiem “AlzChem”, flimkien, l-“appellanti”) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-391/09, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni ( 3 ).
2.
Din il-kawża għal darb’oħra tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tistudja l-kwistjoni tal-imputazzjoni lil kumpannija parent tal-aġir antikompetittiv imwettaq mis-sussidjarja tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija b’mod partikolari mitluba sabiex tikkjarifika wkoll il-kriterji għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċitar effettiv ta’ influwenza determinanti (iktar ’il-quddiem il-“preżunzjoni kapitalista”), żviluppata fil-ġurisprudenza għall-imputazzjoni lil kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa minn sussidjarja meta l-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tagħha jappartjeni lilha.
3.
Il-kwistjoni fundamentali f’din il-kawża hija jekk il-preżunzjoni kapitalista hijiex ikkonfutata fil-każ fejn tiġi prodotta prova li sussidjarja miżmuma 100 % u li kienet waslet fil-punt li tiġi ttrasferita, tkun ipparteċipat fi akkordju li jikkontradixxi b’mod flagranti l-istruzzjonijiet espressi u preċiżi mogħtija mill-kumpanniji parent tagħha sabiex ma tiħux sehem f’tali attivitajiet antikompetittivi. Minħabba l-preċiżjonijiet rigward il-kriterji għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista, f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkjarifika wkoll il-metodoloġija li għandha tiġi applikata fl-analiżi tal-elementi u l-argumenti mressqa għall-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni.
I – L-isfond tat-tilwima
4.
Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 5791 tat-22 ta’ Lulju 2009 ( 4 ) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni inkwistjoni”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-fornituri ewlenin tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju maħsuba għall-oqsma tal-azzar u tal-gass kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3) minħabba li mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu ( 5 ). Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni wara talba għal immunità ppreżentata minn Akzo Nobel NV skont il-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw kartell (iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-klemenza” ( 6 )). Abbażi tal-istess komunikazzjoni, l-appellanti ssottomettew ukoll talba għal klemenza.
5.
Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti pparteċipaw fil-ksur għal perijodu ta’ erba’ xhur, bejn it-22 ta’ April u t-30 ta’ Awwissu 2004 ( 7 ). Ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur kienet ikkonstatata esklużivament fuq il-fatt tal-parteċipazzjoni diretta fiha minn membri tal-persunal tal-SKW Stahl-Technik GmbH & Co. KG, (iktar ’il quddiem “SKW” ( 8 )) li, matul il-perijodu msemmi kienet sussidjarja miżmuma 100 % mill-appellanti ( 9 ). Fit-30 ta’ Awwissu 2004, l-appellanti ttrasferew SKW lil ARQUES Industrie AG, li saret Gigaset AG (iktar ’il quddiem “Gigaset” ( 10 )), b’effett ekonomiku retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2004.
6.
Minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kontenzjuża, imponiet fuq l-appellanti, minn naħa, multa ta’ EUR 1.04 miljun, li kellhom jitħallsu in solidum ma’ SKW, u min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 3.64 miljun, għall-ħlas ta’ liema kienu indikati bħala responsabbli in solidum.
7.
Fid-deċiżjoni msemmija, il-Kummissjoni imponiet ukoll multa in solidum ma’ SKW u multa lill-kumpannija parent ġdida tagħha, Gigaset, għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur matul il-perijodu suċċessiv, bejn l-1 ta’ Settembru 2004 u s-16 ta’ Jannar 2007.
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
8.
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2009, l-appellanti talbu, primarjament, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tikkonċernahom u, sussidjarjament, li jitnaqqas l-ammont tal-multa tagħhom kif ukoll ir-riforma tad-deċiżjoni kontenzjuża.
9.
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors. L-ewwel nett, hija kkonstatat li l-Kummissjoni kienet għamlet żball meta żiedet il-multa imposta fuq AlzChem minħabba reċidività ( 11 ). Barra minn hekk, hija kkonstatat li, filwaqt li għażlet il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa l-iktar baxx previst fil-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ( 12 ), il-Kummissjoni kisret din il-komunikazzjoni ( 13 ). Insegwitu, hija kkonstatat li meta użat, fil-kalkolu tal-multa, multiplikatur ta’ 0.5, li jikkorrispondi għal parteċipazzjoni fil-ksur ta’ sitt xhur, filwaqt li l-appellanti kienu pparteċipaw biss għal erba’ xhur, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 14 ). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li, meta ma ħadtix inkunsiderazzjoni dritt tal-inklużjoni fil-kuntest tal-kalkolu tar-responsabbiltà in solidum ta’ SKW, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 15 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tal-appell.
10.
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, annullat l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kontenzjuża kif kienu qed jitolbu l-appellanti.
11.
Barra minn hekk, fil-punti 287 sa 289 tas-sentenza appellata, filwaqt li eżerċitat il-kompetenza ġurisdizzjonali sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali rriformat il-multi imposti fuq l-appellanti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u imponiet il-multi li ġejjin ( 16 ):
—
lill-appellanti in solidum: EUR 2.49 miljun, speċifikati li dan għandu jitqies li huma ssodisfaw din il-multa meta jitħallsu l-ammonti mħallsa minn SKW skont il-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kontenzjuża;
—
lil Degussa, EUR 1.24 miljun, biss.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
12.
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkawżalhom preġudizzju u tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tikkonċernahom;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multi imposti fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod iktar sussidjarjament, tirriforma d-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens li SKW hija responsabbli in solidum għall-multi kollha imposti fuq l-appellanti;
—
ulterjorment sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
13.
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell;
—
tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.
14.
Il-partijiet spjegaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom bil-miktub u waqt is-seduta li nżammet fl-4 ta’ Ġunju 2015.
IV – Analiżi
15.
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti ppreżentaw ħames aggravji, li r-raba’ u l-ħames tressqu sussidjarjament.
16.
Madankollu, matul is-seduta, wara li saret mistoqsija, l-appellanti kkomunikaw li, fid-dawl tas-sentenza ppronunzjata mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-preżentata tal-appell tagħhom, fil-kawżi Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et ( 17 ), huma kienu qed jirrinunzjaw it-tieni aggravju tagħhom ( 18 ).
A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81KE kif ukoll tal-prinċipji tar-responsabbiltà individwali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tar-responsabbiltà għal nuqqas
1. L-argumenti tal-partijiet
17.
Fl-ewwel aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 70 sa 119 tas-sentenza appellata, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 81 KE u l-prinċipji tar-responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tar-responsabbiltà għal nuqqas fis-sens li b’mod żbaljat, hija attribwiet lilhom l-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja tagħhom SKW, minkejja li, fil-kuntest ta’ każ partikolari ħafna, huma eċċezzjonalment irnexxielhom jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista. Il-Qorti Ġenerali, meta ċaħdet l-argumenti tagħhom, applikat kriterju żbaljat għall-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni u qieset eżiġenzi għoljin ħafna filwaqt li injorat in-natura konfutabbli tagħha.
18.
Qabel kollox, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 102 sa 107 tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni tagħhom li tgħid li ċ-ċirkustanza li SKW ipparteċipat fl-akkordju kontenzjuż, filwaqt li injorat l-istruzzjonijiet ċari tagħhom sabiex ma tipparteċipax f’dan it-tip ta’ attivitajiet, wera li huma ma kienu jeżerċitaw ebda influwenza determinanti fuq SKW. Għalhekk, minn naħa, aġir ta’ “sussidjarja diżonesta” (rogue subsidiary), b’kontradizzjoni kbira għall-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent, bħall-aġir ta’ SKW f’dan il-każ inkwistjoni, juri l-assenza ta’ influwenza determinanti u għalhekk jikkonfutaw b’mod ċar il-preżunzjoni kapitalista.
19.
Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet taħt ġurament ta’ S. ( 19 ), u ta’ N. ( 20 ) – fiż-żmien meta seħħew il-fatti, rispettivament, direttur (“Vorstand”) ta’AlzChem u direttur kummerċjali ta’ SKW – injoraw il-portata tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà skont l-Artikolu 81 KE. Sabiex tipproċedi bl-imputazzjoni ta’ aġir ta’ ksur fuq l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha b’influwenza ipotetika fuq SKW minkejja li, skont il-ġurisprudenza, għal imputazzjoni bħal din, ma tkunx suffiċjenti biss il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, iżda jkun meħtieġ l-eżerċitar effettiv tat-tali influwenza. Sabiex tiġi stabbilita influwenza effettiva, jeħtieġ mhux biss li l-kumpannija parent toħroġ istruzzjoni, iżda wkoll li s-sussidjarja tapplikaha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ibbażat l-imputazzjoni tal-ksur fuq responsabbiltà oġġettiva mingħajr nuqqas, bi ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà individwali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tar-responsabbiltà għal nuqqas.
20.
Barra minn hekk, l-appellanti jikkontestaw l-analiżi tal-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata li fiha, abbażi tal-konstatazzjoni li r-rabtiet li qabel kienu jgħaqqdu lil SKW ma wasslu għal ebda modifika fl-2004, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet billi ċaħdet il-pretensjoni tagħhom li tgħid li, fl-2004, huma ma eżerċitaw ebda influwenza determinanti fuq SKW. Din l-evalwazzjoni hija vvizzjata b’żewġ żbalji. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kienet limitata fl-evalwazzjoni tagħha mir-rapporti bejn SKW u l-appellanti fir-rigward tat-tqassim tal-ishma u tal-persunal amministrattiv mingħajr analiżi kif dawn ir-rapporti kienu organizzati b’mod konkret. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma għandhom jippruvaw ebda modifika tar-rabtiet tagħhom ma’ SKW, minħabba li fl-ebda ħin ma eżerċitaw influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja.
21.
Fl-aħħar nett, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argument tagħhom ibbażat fuq l-assenza ta’ influwenza determinanti tagħhom fuq SKW meta din tal-aħħar tmexxi l-attività tagħha b’mod awtonomu, meta l-attività ekonomika tagħha qatt ma kienet parti mill-attivitajiet operattivi bażiċi tagħhom u li, huma stess, mill-ewwel ġurnata, kienu okkupati sabiex iwettqu t-trasferiment tagħha. B’mod partikolari, fil-punti 84 sa 87, 88 u 89, 95 sa 97 u 108 sa 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq influwenza teoretika eventwali tal-appellanti fuq SKW sabiex tattribwixxilhom il-ksur, fil-punti 93, 94 u 98 tas-sentenza appellata, hija applikat b’mod żbaljat l-oneru tal-prova u, fil-punti 84 sa 87, hija żnaturat l-elementi tal-prova.
22.
Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkustanza li l-kumpannija parent tat istruzzjonijiet tikkonferma r-relazzjoni ġenerali ta’ superjorità ġerarkika mas-sussidjarja u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ rabtiet li juru l-preżenza ta’ unità ekonomika. In-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-istruzzjonijiet sabiex ma jkunx hemm parteċipazzjoni f’akkordji kuntrarji għar-regoli ta’ kompetizzjoni ma hijiex biżżejjed għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista. Dan huwa biss ksur speċifiku. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ unità ekonomika hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni globali. Skont il-Kummissjoni, xejn mhu ser jipprevjeni lill-Qorti Ġenerali sabiex minn perijodu qabel l-aġir kontenzjuż, f’din il-kawża l-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2004, tislet konklużjonijiet dwar il-perijodu ta’ ksur. Il-preżunzjoni kapitalista kellha, barra minn hekk, tiġi kkonfermata minn sensiela ta’ indizji supplimentari u kunsiderazzjonijiet li ma kellhom xejn spekulattiv.
2. Analiżi
a) Osservazzjonijiet preliminari
23.
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mwettaq minn sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent partikolarment meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jifformaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma tkun rikjesta li tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur ( 21 ).
24.
Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm il-kapital jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet il-ksur, teżisti preżunzjoni konfutabbli (il-preżunzjoni kapitalista) li tgħid li din il-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha ( 22 ).
25.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital jew kważi l-kapital azzjonarju kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq ( 23 ).
26.
Sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, il-kumpannija parent hija obbligata li tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea l-elementi kollha relatati mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha stess u s-sussidjarja tagħha b’tali mod li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda ( 24 ). Sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-attivitajiet tagħha fis-suq, xieraq li jitqiesu l-elementi pertinenti kollha relatati ma’ dawn ir-rabtiet li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għalhekk ma jistgħux ikunu eżawrjenti ( 25 ).
27.
Għalhekk, filwaqt li tanalizza l-elementi ppreżentati bil-għan li jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-elementi kollha relatati mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li jistgħu jistabbilixxu li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu meta mqabbel mal-kumpannija parent u li dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda ( 26 ). Għalkemm, meta jitqiesu waħedhom, ċerti provi jista’ jkun li ma jkunux biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, il-provi kollha tal-kumpannija parent għandhom jiġu evalwati sabiex ikun iddeterminat jekk flimkien humiex biżżejjed sabiex il-preżunzjoni tiġi kkonfutata ( 27 ). F’dan il-kuntest xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li dawn ir-rabtiet li jeżistu bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja għandhom, fir-realtà ekonomika, fuq l-aġir effettiv fis-suq ( 28 ).
28.
F’dan ir-rigward, madankollu xieraq li jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid il-provi kollha u li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali biss kompetenti biss sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li nsiltu mill-Qorti Ġenerali ( 29 ).
29.
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li xieraq li jiġu analizzati l-argumenti mressqa mill-appellanti bħala sostenn għall-ewwel aggravju tagħhom, esklużivament rigward l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-argumenti mressqa minnhom sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista.
b) Fuq il-metodoloġija “deduttiva” utilizzata mill-Qorti Ġenerali
30.
L-ewwel nett xieraq li nibdew nanalizzaw l-ilment, imsemmi fil-punt 20 hawn fuq, li jikkontesta l-approċċ meħud tal-Qorti Ġenerali fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan l-ilment għandu karattru prevedibbli minħabba li jikkontesta l-metodoloġija segwita mill-Qorti Ġenerali fir-raġunament tagħha maħsub sabiex jiskarta l-argumenti invokati mill-appellanti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista.
31.
Fis-sentenza appellata, qabel ma jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti differenti tal-appellanti dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista, il-Qorti Ġenerali osservat, preliminarjament, li, matul is-seduta, dawn tal-aħħar kienu speċifikaw li huma sostnew li qatt ma eżerċitaw influwenza determinanti fuq SKW qabel l-akkwist tagħha fi Frar 2001, iżda li dan pjuttost kien il-każ għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, matul liema perijodu huma kienu qed jikkonċentraw fuq il-bejgħ ta’ SKW ( 30 ).
32.
Abbażi ta’ din il-premessa, il-Qorti Ġenerali għamlet analiżi f’żewġ stadji tal-argumenti mressqa mill-appellanti.
33.
Minn naħa, fil-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat dawn l-argumenti b’relazzjoni mal-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Wara din l-evalwazzjoni, hija kkonkludiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li xejn fl-argumentazzjoni tal-appellanti jew fil-proċess ma juri li, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, huma ma kinux jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ SKW.
34.
Barra minn hekk, fil-punt 101 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma jirriżultax mill-proċess – u li l-appellanti lanqas ma jallegaw – li r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi li kienu jgħaqqduhom qabel mas-sussidjarja tagħhom kienet suġġetta għal xi modifika fl-2004.
35.
F’dawn il-kundizzjonijiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, filwaqt li applikat dak li wieħed jista’ jsejjaħ “metodoloġija deduttiva” l-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas ta’ modifika fir-rabtiet li jgħaqqdu SKW mal-appellanti, ittrasponiet il-konklużjonijiet marbuta f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004 għall-perijodu wara dik id-data, li jinkludi l-perijodu li matulu sar il-ksur li jikkonċerna lill-appellanti, bejn it-22 ta’ April u t-30 ta’ Awwissu 2004, id-data tal-bejgħ definittiv ta’ SKW lil Gigaset. Fl-istess punt 102, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li l-affermazzjoni tal-appellanti li tgħid li fl-2004, huma ma eżerċitawx influwenza determinanti fuq SKW, ma setgħetx tiġi aċċettata.
36.
L-appellanti jikkontestaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata u jargumentaw, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma qisitx ir-realtà tar-rabtiet li jgħaqqduhom ma’ SKW u min-naħa l-oħra li, sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista, huma ma kellhom ebda obbligu sabiex juru li fl-2004 kienet saret bidla fir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom ma’ SKW.
37.
F’dan ir-rigward, xieraq li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 sa 25 hawn fuq, l-imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ ksur imwettaq minn sussidjarja hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi eżistenti bejn dawn iż-żewġ entitajiet, fil-mument meta seħħ il-ksur, huma kienu jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika u, b’hekk, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.
38.
Għaldaqstant, huwa fil-mument meta seħħ il-ksur li huwa neċessarju li dawn iż-żewġ entitajiet jikkostitwixxu unità ekonomika waħda sabiex l-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent u għalhekk huwa b’riferiment għall-perijodu ta’ ksur li jeħtieġ li jiġu eżaminati r-rabtiet li jgħaqqdu lill-kumpannija parent u s-sussidjarja u l-funzjonament konkret tagħhom sabiex jiġi stabbilit jekk, meta seħħ l-aġir tal-ksur, l-ewwel waħda kinitx teżerċita influwenza determinanti fuq it-tieni.
39.
Fl-istess perspettiva, il-ksur jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’applikazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista – li hija preżunzjoni tal-eżerċitar effettiv ta’ influwenza determinanti – jekk din kellha l-kapital azzjonarju kollu (jew kważi kollu) tas-sussidjarja matul il-perijodu tal-ksur ( 31 ). Konsegwentement, sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, il-kumpannija parent għandha tirreferi għall-perijodu tal-ksur u mhux għal perijodu ieħor meta tipproduċi provi suffiċjenti b’mod li turi li hija stess u s-sussidjarja tagħha, f’dak il-mument, ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika unika.
40.
Minn dak kollu li ntqal isegwi li l-analiżi dwar l-eżerċitar effettiv tal-influwenza determinanti għandha tikkonċerna l-perijodu tal-ksur u li għalhekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali għandhom jevalwaw l-elementi prodotti mill-kumpannija parent sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista għal dan il-perijodu.
41.
Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ma jippreġudikawx il-possibbiltà għall-Kummissjoni jew għall-Qorti Ġenerali sabiex jużaw, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom, raġunament ta’ tip deduttiv. Fil-fatt, mhux eskluż li, f’ċertu każijiet speċifiċi, il-konklużjonijiet li jikkonċernaw perijodu preċedenti jistgħu jkunu validi wkoll għall-perijodu ta’ wara.
42.
Madankollu, meta wieħed ikun jixtieq juża tali metodoloġija deduttiva, inqis li xieraq li tintuża ċertu prudenza. Fil-fatt, tali approċċ ma jistax jinjora l-fatt li permezz tar-riferiment għall-perijodu tal-ksur li hemm lok li jiġi vverifikat l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja. Isegwi li l-konklużjonijiet dwar ir-realtà tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi eżistenti bejn dawn iż-żewġ entitajiet f’mument determinat, ma jistgħux jiġu awtomatikament trasposti għal perijodu ieħor. Għall-kuntrarju, huma għandhom jiġu evalwati fil-kuntest fattwali proprju tagħhom għall-perijodu rilevanti, jiġifieri l-perijodu tal-ksur, kuntest li ma huwiex neċessarjament l-istess bħall-perijodu ta’ qabel.
43.
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ inkwistjoni, il-kuntest fattwali rilevanti proprju għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u l-perijodu wara din id-data, li jinkludi l-perijodu tal-ksur, ma humiex l-istess. Fil-fatt kif argumentaw l-appellanti diversi drabi, fil-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, il-kuntest fattwali kien ikkaratterizzat, kuntrarjament għal dak li kien jipprevali qabel din id-data, mill-eżistenza ta’ negozjati relatati mal-bejgħ ta’ SKW li l-appellanti kienu involuti għal kollox fihom.
44.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 41 u 42 hawn fuq, inqis li l-Qorti Ġenerali kienet tagħmel żball kieku ttrasponiet awtomatikament il-konklużjonijiet li waslet għalihom permezz tal-applikazzjoni tal-metodoloġija deduttiva fir-rigward tar-rabtiet li jgħaqqdu lill-appellanti u l-SKW qabel l-1 ta’ Jannar 2004, mingħajr ma evalwat dawn ir-rabtiet fil-kuntest fattwali proprju għall-perijodu tal-ksur.
45.
F’dan ir-rigward, nosserva li t-test tal-ewwel sentenza tal-punt 102 tas-sentenza appellata jista’ jissuġġerixxi li, mad-daqqa t’għajn, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta' influwenza determinanti tal-appellanti fuq SKW fil-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, esklużivament fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom fil-punt 101 preċedenti, billi għamlet ir-raġunament “deduttiv” tagħha.
46.
Madankollu, inqis li meta l-punti 102 sa 107 tas-sentenza appellata jinqraw flimkien, dan jippermetti li jitqies li, fil-verità, il-Qorti Ġenerali analizzat il-konklużjonijiet li kienet siltet f’dak li jirrigwarda r-rabtiet li jgħaqqdu lill-appellanti ma’ SKW għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2004, fil-kuntest fattwali partikolari, invokat mill-appellanti kif kien speċifikat għall-perijodu ta’ ksur. Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset l-argumenti tal-appellanti dwar ir-realtà tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi fis-sitwazzjoni li fiha SKW sabet ruħha f’nofs proċess ta’ bejgħ, u dan, skont l-argumentazzjoni tal-appellanti, ħoloq il-vojt ta’ poter li fil-kuntest tiegħu seħħ l-aġir ta’ SKW bi ksur flagranti tal-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent.
47.
Fl-aħħar ma nistax nevita li nikkonstata l-kontradizzjoni eżistenti fl-argumentazzjoni tal-appellanti meta min-naħa huma jaffermaw li qatt ma eżerċitaw influwenza determinanti fuq SKW, iżda, min-naħa l-oħra, huma jirreferu għal “vojt ta’ poter” maħluq mill-proċess ta’ bejgħ ta’ SKW, li ppermetta l-aġir imsemmi ta’ SKW.
48.
Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment dwar il-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata, imsemmi fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi miċħud.
c) Fuq l-aġir kontradittorju flagranti mal-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent
49.
Xieraq, insegwitu, li jiġi analizzat l-ilment tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat li ma kkonstatatx li l-aġir ta’ sussidjarja b’kontradizzjoni flagranti mal-istruzzjonijiet espliċiti tal-kumpannija parent tagħha li ma tipparteċipax f’impenji antikompetittivi, bħall-aġir ta’ SKW f’dan il-każ, juri l-assenza ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja u għalhekk jikkonfuta l-preżunzjoni kapitalista. L-appellanti jirreferu speċifikament għall-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ S. u N. imsemmija fil-punt 19 hawn fuq u jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkuntentat b’influwenza ipotetika għall-imputazzjoni tal-ksur.
50.
F’din il-kawża, huwa paċifiku li kemm fl-2002 kif ukoll fl-2004, l-appellanti taw lil SKW istruzzjoni ċara sabiex ma tipparteċipax fi ftehimiet antikompetittivi fis-suq inkwistjoni. Mhux qed jiġi kkontestat li din l-istruzzjoni ġiet injorata minn dawk responsabbli minn SKW u li, għalhekk, il-parteċipazzjoni fl-akkordju li l-appellanti kienu ssanzjonati għaliha seħħet bi ksur ta’ din l-istruzzjoni ċara u preċiża.
51.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset, fil-punti 90 sa 92, li l-fatt li ngħatat tali istruzzjoni mill-appellanti kien jikkostitwixxi indizju supplimentari li jikkonferma l-eżerċizzju min-naħa tagħhom ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja. Min-naħa l-oħra, fil-punti 106 u 107 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali analizzat id-dikjarazzjonijiet ta’ S. u N. imsemmija iktar 'il fuq u qieset li dawn ma jurux li l-appellanti fl-2004 ma eżerċitawx iktar influwenza determinanti fuq SKW.
52.
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett irrid nirrileva li, fil-prinċipju, huwa minnu li ċ-ċirkustanza li kumpannija parent tagħti istruzzjonijiet lil sussidjarja tista’, b’mod ġenerali, tikkostitwixxi element ta’ indizju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi sabiex jiġi ddeterminat l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ( 32 ). Madankollu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li, minn naħa, li l-eżerċizzju tal-influwenza determinanti għandha tkun effettiva, u, min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jitqies li s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq meta tapplika, f’dak li huwa essenzjali, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Din għalhekk hija, fil-prinċipju, l-applikazzjoni tal-istruzzjonijiet li tiddetermina l-effettività tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punt 27 in fine hawn fuq, li mhux possibbli li tiġi injorata r-realtà tal-aġir tagħhom, fl-analiżi tar-rabtiet li jgħaqqdu l-kumpannija parent u s-sussidjarja.
53.
Fl-opinjoni tiegħi, isegwi li minn dak li ntqal s’issa li, f’sitwazzjoni li fiha huwa paċifiku li istruzzjoni preċiża u ta’ darba mogħtija minn kumpannija parent ma ġietx manifestament osservata mis-sussidjarja, iċ-ċirkustanza sempliċi li din l-istruzzjoni ngħatat, ma tistax tiġi kklassifikata bħala indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, kif dan tqies mill-Qorti Ġenerali fil-punti minn 90 sa 92 tas-sentenza appellata ( 33 ). Għall-kuntrarju, il-fatt li l-istruzzjoni ma ġietx osservata fl-opinjoni tiegħi, jikkostitwixxi element favur l-assenza tal-effettività tal-influwenza determinanti.
54.
Ingħad dan, il-kwistjoni mqajma mill-appellanti hija dik dwar jekk ksur manifest minn sussidjarja ta’ istruzzjonijiet ċari u preċiżi mogħtija mill-kumpannija parent sabiex ma tipparteċipax f’attivitajiet antikompetittivi f’suq speċifiku jistax, fih innifsu, jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.
55.
F’dan ir-rigward xieraq li nfakkar li, fis-sentenza Schindler Holding et vs il-Kummissjoni ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-istruzzjonijiet indirizzati mill-kumpanniji parent lis-sussidjarji tagħhom fil-kuntest ta’ “programmi ta’ konformità” (“compliace programs”), li ma jadottawx prattiki kummerċjali antikompetittivi, ma jipprojbixxix l-imputazzjoni lill-kumpanniji parent tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħhom ( 35 ).
56.
Madankollu, nosserva li din il-kawża hija differenti mill-kawża li wasslet għall-imsemmija s-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni. Fil-fatt, b’mod differenti mid-direttivi mogħtija fil-qafas ta’ programm ta’ konformità, li kienu inklużi fi pjan kumplessiv immirat sabiex jiġu evitati l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-impriża, l-istruzzjoni li, f’dan il-każ, ingħatat mill-appellanti fl-2002, u, b’mod partikolari, fl-2004, kienet speċifika u preċiża u kienet tikkonċernaw aġir preċiż f'suq ( 36 ). Fl-opinjoni tiegħi jirriżulta li din il-ġurisprudenza ma hijiex neċessarjament applikabbli għal dan il-każ.
57.
Dan il-każ huwa differenti wkoll, fl-opinjoni tiegħi, minn każijiet li b’mod komuni jissejħu tal-“impjegat diżonest” (“rogue employee”) – li l-appellanti għamlu riferiment impliċitu għalihom meta kklassifikaw lil SKW bħala “sussidjarja diżonesta” (“rogue subsidiary”) – meta l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfrontata bl-argument intiż sabiex tiġi evitata l-imputazzjoni tal-aġir tal-ksur skont liema l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni kienu imputabbli għall-azzjoni individwali ta’ ċerti impjegati (arroganti) meqjusa individwalment ( 37 ).
58.
Madankollu, għalkemm jista’ jkun hemm ċerta analoġija bejn il-każ ta’ “impjegat diżonest” u dak ta’ “sussidjarja diżonesta” ( 38 ), iż-żewġ sitwazzjonijiet ma jidhirlix li huma neċessarjament komparabbli. B’hekk, fil-każ tal-impjegat diżonest, dan huwa attribwit għall-impriża li twettaq l-aġir, li l-amministraturi prinċipali tagħha ma kinux konxji li sar, peress li twettaq minn kollaboraturi awtorizzati sabiex jaġixxu f’isem il-kumpannija, u li jsir fl-ambitu tar-responsabbiltà interna tagħha ( 39 ). Għall-kuntrarju, il-kwistjoni tal-imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ ksur imwettaq minn “sussidjarja diżonesta” jikkonċerna l-imputazzjoni lil entità ġuridika partikolari ta’ aġir ta’ ksur imwettaq minn entità ġuridika differenti. Għal tali imputazzjoni, il-ġurisprudenza żviluppat kriterju speċifiku, jiġifieri, l-eżerċitar effettiv ta’ influwenza determinanti, li minnu jirriżulta l-eżistenza ta’ unità ekonomika ( 40 ). Huwa biss jekk jiġi ssodisfatt dan il-kriterju li jista’ jkun hemm imputazzjoni ta’ aġir ta’ ksur imwettaq minn entità ġuridika għal oħra. Huwa għalhekk abbażi ta’ dan il-kriterju li xieraq li jiġi analizzat dan il-każ.
59.
F’dan ir-rigward, xieraq li nfakkar li, kif indikajt fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, l-analiżi intiża biex tistabbilixxi jekk il-preżunzjoni kapitalista ġietx ikkonfutata tippresupponi evalwazzjoni tal-provi kollha prodotti mill-kumpannija parent.
60.
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta b’mod ċar li sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq meta tapplika, għall-essenzjal, l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent ( 41 ). Fl-istess perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li, sabiex ikollha influwenza determinanti, ma huwiex neċessarju li s-sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet kollha tal-kumpannija parent, sakemm in-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-istruzzjonijiet indirizzati ma jsirx ir-regola, li għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-provi kollha għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 42 ).
61.
Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn kumpannija parent u sussidjarja, li tibbaża l-attribuzzjoni lil tal-ewwel tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ ksur lil tat-tieni, għalhekk ma tippreżupponix li s-sussidjarja tapplika mingħajr eċċezzjoni l-istruzzjonijiet kollha mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Huwa suffiċjenti li s-sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet imsemmija għall-essenzjal ( 43 ). Isegwi li, in-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ istruzzjoni ta’ darba u speċifika mogħtija minn kumpannija parent lil sussidjarja, għalkemm mingħajr dubju tkun importanti, fih innifsu, ma jurix l-awtonomija tas-sussidjarja fis-suq u għaldaqstant ma huwiex suffiċjenti, waħdu biss, li jikkonfuta l-preżunzjoni kapitalista. Huwa biss jekk l-analiżi tal-provi kollha prodotti turi li n-nuqqas ta’ osservazzjoni min-naħa tas-sussidjarja tal-istruzzjonijiet indirizzati mill-kumpannija parent kien ir-regola li l-preżunzjoni kapitalista tista’ titqies li hija kkonfutata.
62.
Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx nuqqas ta’ osservazzjoni ġenerali min-naħa ta’ SKW tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-appellanti li kienu jipprova li s-sussidjarja kienet tiddetermina b’mod awtonomu għal kollox l-aġir tagħha fis-suq. Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li l-ksur tal-istruzzjonijiet imwettaq minn SKW kien importanti u kkostitwixxa ksur serju tad-direttivi tal-kumpannija parent. Madankollu, għalkemm tali ksur ċertament jikkostitwixxi ċirkustanza importanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-provi kollha ppreżentati sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, fih innifsu dan ma huwiex suffiċjenti, waħdu biss, li jikkonfuta din il-preżunzjoni ( 44 ).
63.
Fir-rigward tal-evalwazzjoni konkreta tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrileva li, peress li l-appellanti ma jsostnux l-iżnaturament tal-provi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi li saret mill-Qorti Ġenerali u lanqas il-valur li din attribwitilhom fl-analiżi tagħha ( 45 ). F’dan ir-rigward, nosserva biss li l-Qorti Ġenerali qieset li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jurux li l-appellanti ma eżerċitawx iktar influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħhom, li bħala konsegwenza kellu li huma ma setgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista, li fuqha hija bbażata l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-appellanti. Għalhekk, sakemm huma jaffermaw li r-raġunament inkluż fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-iktar li juri huwa influwenza ipotetika, dan ma huwiex biżżejjed sabiex issir l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tagħhom, peress li l-appellanti jinsabu f’perspettiva żbaljata sa fejn, kif, wara kollox, ġie spjegat f’iktar dettall fil-punti 70 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma jinjoraw li l-imputazzjoni tal-ksur lill-appellanti seħħet b’applikazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista.
64.
Minn dak li ntqal s’issa jsegwi li l-ilment ibbażat fuq li l-aġir ta’ sussidjarja b’kontradizzjoni flagranti mal-istruzzjonijiet ċari tal-kumpannija parent tagħha jikkonfuta l-preżunzjoni kapitalista għandu jiġi miċħud ukoll.
d) Fuq l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ kriterju ristrettiv wisq li ma jrendix il-preżunzjoni kapitalista konfutabbli
65.
L-appellanti li l-Qorti Ġenerali użat kriterju żbaljat meta talbet rekwiżiti eżiġenti wisq sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, u rrendiet din il-konfutazzjoni impossibbli bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll ta’ prinċipji differenti oħra. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali attribwitilhom il-ksur abbażi ta’ influwenza ipotetika, minkejja li huma kienu wrew li qatt ma eżerċitaw influwenza determinati b’mod effettiv fuq is-sussidjarja tagħhom. F’dan il-kuntest, l-appellanti jindirizzaw diversi punti tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-argumenti tagħhom meta applikat dan il-kriterju żbaljat.
66.
F’dan ir-rigward, xieraq li nirrileva, b’mod preliminari, li, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex awtorizzata, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament, li teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-fatti ( 46 ), hija, għall-kuntrarju, tista’ tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali, li tinkludi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk din applikatx kriterji ġuridiċi korretti fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u tal-provi ( 47 ). Għalhekk, huwa biss fil-każ fejn l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-elementi invokati sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, li l-argumentazzjoni tagħhom hija ammissibbli ( 48 ).
67.
F’din il-kawża, huwa paċifiku li, matul il-perijodu tal-ksur, l-appellanti kellhom direttament jew indirettament, il-kapital azzjonarju kollu ta’ SKW, b’tali mod li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni setgħet ġustament tapplika l-preżunzjoni kapitalista. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għal ċerti elementi fattwali li jikkonfermaw din il-preżunzjoni, kemm fir-rigward ta’ AlzChem ( 49 ), kif ukoll f’dak li jikkonċerna lil Degussa ( 50 ). Isegwi, fil-premessi 237 sa 244 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti invokati mill-appellanti intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista ( 51 ).
68.
Il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 70 sa 119 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati mill-appellanti, mingħajr ma madankollu għamlet distinzjoni bejn l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-elementi supplimentari li, skont il-Kummissjoni, jikkonfermaw il-preżunzjoni kapitalista u dawk li huma direttament intiżi sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni.
69.
L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet diversi drabi l-argumenti tagħhom peress li kkuntentat bil-possibbiltà teoretika ta’ influwenza determinanti minkejja li l-kwistjoni determinanti kellha tkun dik li jsir magħruf jekk l-influwenza kinitx effettivament eżerċitata. Barra minn hekk, fl-argumentazzjoni tagħhom, huma għandhom l-għan speċifiku li jirreferu għall-analiżi li saret mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, fil-punti 84 sa 87, fir-rigward tal-obbligu ta’ rrappurtar ta’ SKW lil AlzChem, fil-punti 88 u 89, fir-rigward tar-riżerva ta’ approvazzjoni favur AlzChem dwar diversi deċiżjonijiet kummerċjali ta’ SKW, fil-punti 95 sa 97, fir-rigward tal-karattru li jista’ jinbiegħ ta’ SKW, kif ukoll fil-punti 108 sa 113, fir-rigward tar-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ ta’ SKW. Fir-raġunament tagħha dwar dawn l-argumenti kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti peress li bbażat ruħha fuq influwenza teoretika eventwali tagħhom fuq SKW, iżda ma setgħetx turi l-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti.
70.
L-argumentazzjoni tal-appellanti, fl-opinjoni tiegħi, twarrab il-fatt li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tagħhom kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni kapitalista ( 52 ) u li skont it-termini tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 u 27 iktar 'il fuq, kien kompitu tagħhom sabiex jippreżentaw provi suffiċjenti li jistgħu juru li ma kinux eżerċitaw influwenza determinanti fuq SKW matul il-perijodu tal-ksur. L-appellanti jitilqu mill-premessa, mhux ipprovata, li huma kienu pprovaw l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u li, għalhekk, ma huwiex suffiċjenti li l-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti tagħhom abbażi esklużiva ta’ influwenza teoretika.
71.
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-perspettiva li qiegħdu ruħhom fiha l-appellanti hija żbaljata. Dan jirriżulta, b’mod partikolarment evidenti, pereżempju, meta jaffermaw, fir-rigward tal-analiżi dwar ir-riżerva ta’ approvazzjoni favur AlzChem, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq influwenza teoretika eventwali sabiex tiċħad argument li jgħid li ma kien hemm ebda influwenza effettiva jew meta huma jallegaw, meta jirreferu għall-argument dwar ir-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ ta’ SKW, li l-Qorti Ġenerali kellha “tikkonfuta” l-argument li jgħid li ma kien hemm ebda influwenza effettiva.
72.
Issa, meta jkun hemm applikazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex twieġeb għall-argumenti ppreżentati mill-kumpannija parent billi hija stess tipprova l-eżerċitar effettiv ta’ influwenza determinanti. Għall-kuntrarju, huwa kompitu tal-kumpannija parent li tipproduċi evidenza suffiċjenti li turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalhekk, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha tagħmel analiżi ta’ dawn l-elementi kollha sabiex tivverifika jekk jurux li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġi preżunt permezz tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni kapitalista, il-kumpannija parent ma kinitx teżerċita influwenza determinanti effettiva fuq is-sussidjarja.
73.
Fir-rigward tal-analiżi speċifika li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, dwar l-obbligu ta’ rrappurtar ta’ SKW lil AlzChem, l-appellanti argumentaw li, meta mill-obbligu sempliċi tar-rapportar tirriżulta l-eżistenza ta’ influwenza effettiva, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.
74.
Issa, tali żnaturament tal-provi jeżisti meta, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir użu ta’ provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata ( 53 ).
75.
F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li, anki jekk jiġi ammess, kif jargumentaw l-appellanti, li s-suppożizzjoni, inkluża fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li tgħid li minħabba fluss ta’ informazzjoni eżistenti bejn AlzChem u SKW, l-ewwel waħda intervjeniet sabiex timmodifika d-deċiżjonijiet tat-tieni, hija konklużjoni spekulattiva, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fluss ta’ informazzjoni bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u għalhekk a fortiori obbligu “li jsir rapport” kif jirriżulta mit-tweġibiet ta’ SKW u ta’ Degussa, iċċitati fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxi indizju tal-eżerċitar ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarja ( 54 ). Fl-opinjoni tiegħi, isegwi li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda żnaturament tal-evidenza meta, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, hija kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-premessa 229 tad-deċiżjoni kontenzjuża li tgħid li l-eżistenza ta’ dawn ir-rapporti kkostitwixxiet indizju supplimentari li kkonfermat il-preżunzjoni kapitalista.
76.
F’dak li jikkonċerna r-raġunament li jinsab fil-punti 93, 94 u 98 tas-sentenza appellata, l-appellanti argumentaw li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-oneru tal-prova sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista. Fil-fatt, ma jappartjenix lilhom sabiex jippruvaw li l-influwenza determinanti tagħhom kienet neċessarjament eskluża, iżda unikament li, fil-każ konkret, huma ma eżerċitaw effettivament ebda influwenza. Madankollu, f’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Qorti Ġenerali fil-punti tas-sentenza intiżi minn dan l-argument, bl-ebda mod ma qalbet l-oneru tal-prova iżda llimitat ruħha biss sabiex tikkunsidra li l-argumenti pprovduti mill-appellanti fihom infushom ma kinux suffiċjenti biex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalista jew ma kinux pertinenti għal dan l-għan.
77.
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-applikazzjoni korretta ta’ din il-preżunzjoni, magħmula mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, kienet trendiha inkonfutabbli; biżżejjed jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li huwa diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni, fih innifsu, ma jimplikax li, fil-fatt li hija inkonfutabbli ( 55 ).
78.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni kollha, l-ilment dwar l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ kriterju ristrett ħafna li jrendi inkonfutabbli l-preżunzjoni kapitalista, għandu wkoll jiġi miċħud. Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
B – Fuq it-tielet aggravju, dwar il-ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament
1. L-argumenti tal-partijiet
79.
Permezz tat-tielet aggravju, immirat kontra l-punti 287 sa 289 tas-sentenza appellata, l-appellanti argumentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-dritt tagħhom għal smigħ kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
80.
Minn naħa, fil-punti 272 sa 275 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-qafas tal-kalkolu tar-responsabbiltà in solidum globali ta’ SKW, b’mod żbaljat, ma qisitx id-dritt ta’ dħul u, konsegwentement, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw l-iffissar ta’ multi in solidum. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mis-sentenza parallela dwar l-appell ippreżentat minn SKW ( 56 ) u kif invokaw ukoll l-appellanti fir-replika tagħhom, il-Kummissjoni ma kinitx tagħmel iktar tnaqqis skont il-komunikazzjoni dwar il-klemenza favur SKW minħabba li t-talba għal klemenza mressqa mill-appellanti ma kinitx tgħodd għal SKW u din tal-aħħar ma kinitx għamlet talba proprja għal klemenza. Kieku l-Kummissjoni ma għamlitx dawn l-iżbalji, il-multa imposta fuq SKW għall-ewwel parti tal-ksur kienet tkun kunsiderevolment ogħla.
81.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ma naqsitx il-multa tagħhom sabiex tirrimedja d-disproporzjon illegali bejn il-multi imposti fuq l-appellanti u SKW minkejja li, fis-sentenza parallela Gigaset vs il-Kummissjoni ( 57 ), f’sitwazzjoni simili, hija naqset l-ammont tal-multa ta’ Gigaset, il-kumpannija parent ta’ SKW, peress li ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jimponi li, fl-assenza ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ SKW, kellha titnaqqas dik ta’ Gigaset. Barra minn hekk, billi ma rrispondietx għall-argumenti invokati fir-replika, li l-appellanti ma kinux fil-pożizzjoni li jinvokaw qabel, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
82.
Il-Kummissjoni ssostni li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ. L-imsemmija sentenza Gigaset kienet tikkonċerna każ differenti. L-argumenti li jikkonċernaw il-multa ta’ SKW kienu jmorru lil hinn mis-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza, kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-punt 266 tas-sentenza appellata. L-argument li jgħid li l-SKW ma kellhiex tibbenefika minn tnaqqis għall-klemenza, kien f’kontradizzjoni mal-argument invokat fl-ewwel istanza u, barra minn hekk kien ippreżentat tard, u, għaldaqstant inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, tnaqqis eventwalment żbaljat tal-multa ta’ SKW, konformement mal-komunikazzjoni dwar il-klemenza, ma jistax jiġġustifika tnaqqis tal-multa tal-appellanti li għalihom ġustament applikat din il-komunikazzjoni.
2. Analiżi
83.
L-appellanti jikkontestaw id-determinazzjoni tal-multa li għamlet il-Qorti Ġenerali meta applikat is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament minħabba li, għall-kuntrarju ta’ dak li għamlet fis-sentenza Gigaset vs Il-kummissjoni, hija ma naqsitx il-multa tal-appellanti sabiex tirrimedja għall-isproporzjon illegali tagħhom mal-multa imposta fuq SKW li kellha tkun ogħla minħabba żewġ żbalji fid-determinazzjoni tagħha: in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ dritt ta’ dħul u tnaqqis mhux dovut skont il-komunikazzjoni dwar il-klemenza.
84.
F’dan ir-rigward, xieraq li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE ( 58 ). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma jinkisirx ħlief meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv ( 59 ).
85.
Qabel kollox xieraq li nanalizza l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dan l-aggravju jmur lil hinn mis-suġġett tal-proċedura tal-ewwel istanza, li rrendih inammissibbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa veru dak li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija limitata għall-analiżi tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-aggravji argumentati quddiemha ( 60 ), mill-istess ġurisprudenza jirriżulta madankollu wkoll li huwa ammissibbli li appellant jippreżenta appell u jargumenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravji li joriġinaw mis-sentenza appellata stess u li għandhom l-għan, li jikkritikaw, fid-dritt, il-mertu ( 61 ).
86.
Issa, għandu jiġi kkonstatat, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, li l-appellanti jsostnu l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-multi kif iddeterminati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fl-eżerċizzju tal-kompetenza ġuridika sħiħa tagħha. Għalhekk, mill-istess natura tiegħu, dan l-aggravju ma setax jitqajjem fl-ewwel istanza ( 62 ). Isegwi li huwa ammissibbli.
87.
Min-naħa l-oħra, xieraq li jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tal-appellanti hija relatata mhux mal-allegati irregolaritajiet imwettqa fid-determinazzjoni tal-multa ta’ SKW. Issa, huwa stabbilit sew li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikun irrikonċiljat mal-prinċipju li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor ( 63 ) li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ( 64 ).
88.
F’din il-perspettiva, anki jekk nippreżumi wkoll li s-sitwazzjonijiet ta’ Gigaset u tal-appellanti huma komparabbli f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multa min-naħa tal-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, u mingħajr evidentement ma tiġi eżaminata mill-ġdid, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Gigaset, inqis li, fi kwalunkwe każ, skont il-prinċipju li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor, l-appellanti ma setgħux jallegaw għall-benefiċċju tagħhom, b’mod partikolari, sabiex jiksbu tnaqqis fil-multi tagħhom, illegalitajiet jew żbalji eventwali li saru fid-determinazzjoni tal-multa ta’ SKW.
89.
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilmenti dwar il-ksur tad-dritt ta’ smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni huma, fil-fehma tiegħi, irrilevanti. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti mressqa fir-replika, li jgħidu li SKW ma kellhiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa skont il-klemenza, u jekk nissoponu li dawn l-argumenti, għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-Kummissjoni, kienu ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti, fi kwalunkwe każ, ma setgħux jibbenefikaw minn illegalitajiet li saret favur SKW sabiex ikollhom tnaqqis fil-multi tagħhom.
90.
Fl-aħħar nett, sakemm dan l-aggravju għandu jinftiehem bħala li qed isostni ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-multa min-naħa tal-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, meta tippronunzja ruħha dwar il-kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest tal-appell, tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali meta, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tippronunzja ruħha dwar l-ammonti tal-multi imposti fuq impriżi għal raġunijiet ta’ ksur, minn dawn tal-aħħar, tad-dritt tal-Unjoni ( 65 ). Issa, xejn ma jindika li l-livell tas-sanzjoni imposta fuq l-appellanti ma huwiex biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, sal-punt li huwa sproporzjonat, u li hemm lok għaldaqstant li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa.
91.
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.
C – Fuq ir-raba ’ aggravju, imqajjem sussidjarjament, dwar il-ksur tal-prinċipju ta ’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta ’ nulla poena sine lege certa kif ukoll tal-obbligu ta ’ motivazzjoni imposti fuq il-Qorti Ġenerali
1. L-argumenti tal-partijiet
92.
Fil-kuntest tar-raba’ aggravju, imqajjem sussidjarjament u intiż għall-punt 228 tas-sentenza appellata kif ukoll il-punt 2 tad-dispożittiv tagħha, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege certa, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni. L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ppreċiżatx biżżejjed fis-sentenza appellata, li ħlas ta’ SKW ikollu effett eżawrjenti doppju jiġifieri jkollu effett ta’ kwittanza tad-dejn, tajjeb kemm għalihom kif ukoll għal Gigaset, li hija wkoll responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa flimkien ma’ SKW. Kieku l-ħlas ta’ SKW ma kellux effett eżawrjenti doppju, is-sentenza appellata kienet twassal għal inċertezza legali totali. Fil-fatt, f’każ simili, hija l-Kummissjoni li tiddeċiedi b’mod diskrezzjonarju sa fejn hija timputa dan il-ħlas fuq l-appellanti u Gigaset rispettivament. Dan jista’ wkoll jipprekludi lill-qorti nazzjonali, li tkun eventwalment adita b’tilwima, f’dan ir-rigward, li tippronunzja ruħha.
93.
Il-Kummissjoni ssostni li l-argumentazzjoni tal-appellanti tikkostitwixxi aggravju ġdid u għalhekk huwa inammissibbli. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-motivazzjoni kkritikata tirriżulta mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma għandux konsegwenzi minħabba li kienet qed tindirizza ksur tali li seta’ jiġi invokat fl-ewwel istanza. Il-Kummissjoni tirrileva li l-punt ikkritikat kien ifformulat mill-Qorti Ġenerali b’inizjattiva proprja tagħha u hija favorevoli għall-appellanti, li ddubitaw l-interess tagħhom li jikkontestawha.
2. Analiżi
94.
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti qed jikkontestaw il-preċiżjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 288 in fine tas-sentenza appellata, li reġgħet issemmiet fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza li jgħid li “se jitqies li Evonik […] u AlzChem ġew liberati mill-multa sal-ammonti mħallsa minn SKW […] skont il-multa imposta fuqha fl-Artikolu (f) u (g) tad-[deċiżjoni kontenzjuża]”.
95.
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju bħala aggravju ġdid inammissibbli fl-appell. F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif osservat il-Kummissjoni stess, dan huwa aggravju li joriġina mis-sentenza appellata stess, li jikkontesta punt ifformulat mill-Qorti Ġenerali b’inizjattiva proprja tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-opinjoni tiegħi ma jistax jitqies li huwa aggravju ġdid u għaldaqstant ma jistax jitqies inammissibbli għal din ir-raġuni ( 66 ).
96.
Insegwitu, nirrileva li, kif jirriżulta mill-punt 94 hawn fuq, il-partijiet fis-sentenza appellata li jifformulaw is-suġġett ta’ kontestazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, jipprevedu espressament l-effett eżawrjenti favur l-appellanti tas-somom imħallsa minn SKW skont il-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, l-argumentazzjoni tal-appellanti għandha l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata żball tal-Qorti Ġenerali meta ma ddikjaratx li tali ħlas kellu effett eżawrjenti doppju. Peress li l-ħlasijiet ta’ SKW diġà għandhom effett li jilliberaw lill-appellanti mill-parti tal-multa li għaliha huma responsabbli in solidum ma’ SKW, dan l-aggravju b’hekk, essenzjalment, ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab li tirrikonoxxi l-effett eżawrjenti ta’ dawn il-ħlasijiet fir-rigward ta’ Gigaset.
97.
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza huwa ċar li appellant ikollu interess fl-appell sakemm l-appell ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu ( 67 ).
98.
Issa, peress li huwa ċar mit-test tas-sentenza appellata li l-ħlas kollu li għamlet SKW skont il-multa inkwistjoni jillibera lill-appellanti mill-parti tal-multa li għaliha huma responsabbli in solidum ma’ SKW, mill-ammont imħallas, l-appellanti ma jistgħu jiksbu ebda benefiċċju mill-aċċettazzjoni eventwali ta’ dan l-aggravju li jirrikonoxxi l-effett eżawrjenti, għal Gigaset, tal-ħlasijiet ta’ SKW.
99.
Minn dan isegwi li l-imsemmi aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
D – Fuq il-ħames aggravju, imressaq sussidjarjament, dwar il-ksur tal-Artikolu 81KE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003, kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta ’ motivazzjoni
1. L-argumenti tal-partijiet
100.
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, ippreżentat sussidjarjament u indirizzat kontra l-punt 288 tas-sentenza appellata, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, tad-dritt għal smigħ, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset mill-parti tal-multa meqjusa li hija mħallsa fil-każ tal-ħlas minn SKW it-tnaqqis mogħti lill-appellanti, skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza. Għalhekk, kif argumentaw fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li t-talba tagħhom għall-klemenza ma tikkonċernax lil SKW , din kienet invokata fir-replika tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-assenza ta’ dan it-tnaqqis illegali skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-ammont tal-multa imposta fuq SKW, il-parti tal-multa li għaliha sar ħlas minn SKW u li għandha effett liberatorju, kellha tkun ogħla. Hija kellha togħla għal EUR 3.47 miljun, u mhux EUR 2.49 miljun. Għalhekk, huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-effett liberatorju, għal Degussa, ta’ ħlas minn SKW f’ammont ta’ EUR 3.47 miljun.
101.
Il-Kummissjoni targumenta li r-responsabbiltà in solidum ta’ SKW u tal-appellanti ma setgħetx tmur lil hinn mid-dejn in solidum. Hija, barra minn hekk, tirrileva li l-multa imposta fuq Degussa, skont il-punt 289 tas-sentenza appellata u tat-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tagħha (jiġifieri ammont ta’ EUR 1.24 miljun), kienet proprju għal din il-kumpannija u ma kinitx sottomessa għall-mekkaniżmu tar-responsabbiltà in solidum. Fl-aħħar nett, hija tindika li r-responsabbiltà sħiħa in solidum tal-appellanti u ta’ SKW sa EUR 2.49 miljun, ma tfissirx li din tal-aħħar kellha tibbenefika mit-talba għall-klemenza tal-ewwel.
2. Analiżi
102.
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret diversi drabi d-dritt meta ma żiditx ir-responsabbiltà in solidum ta’ SKW meta kienet qed terġa tiġi ffissata l-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, meta kien qed isir dan l-iffissar, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkoreġi t-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-Kummissjoni favur SKW, tat-talba għal klemenza ppreżentata mill-appellanti, talba li ma tikkonċernax lil SKW.
103.
Għalhekk, l-effett liberatorju ta’ ħlas minn SKW għall-appellanti għandu jogħla mhux għal EUR 2.49 miljun, kif stabbilit fl-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda għandu jogħla għal EUR 3.47 miljun. Dan l-effett liberatorju għandu b’hekk ikopri parzjalment ukoll il-multa imposta fuq Degussa ta’ EUR 1.24 miljun, kif previst fit-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
104.
Huwa evidenti li dan l-aggravju ma jistax jirnexxi.
105.
Fil-fatt, mingħajr ma nindirizzaw il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax, fil-kuntest ta’ appell, iżżid ir-responsabbiltà in solidum, u għaldaqstant iżżid l-ammont tal-multa b’terz bħal SKW f’dan il-każ, xieraq li ninnota li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-responsabbiltà ta’ SKW ma tistax tmur lil hinn mill-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum flimkien mal-kumpanniji parent għall-ksur ikkonstatat. Issa, dan l-ammont ġie ffissat mill-Qorti Ġenerali għal EUR 2.49 miljun.
106.
SKW ma tistax tintrabat li tħallas, lanqas in parti, il-multa ta’ EUR 1.24 miljun prevista fit-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 271 u 289 tas-sentenza appellata, din il-multa ġiet imposta esklużivament fuq Degussa minħabba r-reċidività. Għaldaqstant, din il-multa tappartjeni lil Degussa u hija eskluża mir-responsabbiltà in solidum. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma jistgħu jikkritikaw b’ebda żball jew ksur ta’ dritt lill-Qorti Ġenerali talli ma żiditx ir-responsabbiltà in solidum ta’ SKW meta kienet qed terġa’ tiġi ffissata l-multa, fl-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tkopri l-multa ta’ Degussa.
107.
Għalhekk anki l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.
108.
Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, fl-opinjoni tiegħi, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
V – Fuq l-ispejjeż
109.
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
110.
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
111.
Peress li l-Kummissjoni ordnat li l-appellanti jbatu l-ispejjeż u dawn tilfu l-aggravji tagħhom, hemm lok li jkunu kkundannati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.
VI – Konklużjoni
112.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
—
l-appell huwa miċħud; u
—
Evonik Degussa GmbH kif ukoll AlzChem AG huma kkundannati jħallsu l-ispejjeż.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Li kienet AlzChem Trostberg GmbH, li kienet AlzChem Hart GmbH.
( 3 ) T‑391/09, EU:T:2014:22.
( 4 ) Deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 – Il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass).
( 5 ) Il-ksur kellu l-għan li jaqsam is-swieq, li jistabbilixxi kwoti, ir-ripartizzjoni tal-klijenti, l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar il-prezzijiet, il-klijenti u l-volum tal-bejgħ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minbarra r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Portugall kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
( 6 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità tal-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi dwar il-ftehimiet (ĠU 2002, C 45, p. 3).
( 7 ) Ara l-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 8 ) Ara l-premessi 226 u 227 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 9 ) Ara l-premessi 227, 228 u 235 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 10 ) Ara l-premessa 29 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 11 ) Punti 149 sa 157 tas-sentenza appellata.
( 12 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Punt 211 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Punti 227 sa 236 tas-sentenza appellata.
( 15 ) Punti 272 sa 275 tas-sentenza appellata.
( 16 ) Ara l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
( 17 ) C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256.
( 18 ) It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u l-obbligu tal-motivazzjoni, kien jikkonċerna l-argumentazzjoni mressqa mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq is-sentenza ppronunzjata mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Siemens Österreich u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70). Din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ġiet madankollu annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 19 ) Minn din id-dikjarazzjoni, annessa mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li tagħmel riferiment għaliha fil-punti 91 u 102 tas-sentenza appellata, jirriżulta li S. afferma kif ġej: “[m]atul il-perijodu 2003/2004, meta l-fornituri tal-karbur tal-kalċju kellhom jaffaċċjaw traħħis fil-prezzijiet flimkien ma’ żieda qawwija fl-ispejjeż speċjalment dawk tal-kokk, għidt lil [L] [amministratur uniku (Geschäftsführer) ta’ SKW] bejn wieħed u ieħor kif ġej: ‘Għalkemm, f’din is-sitwazzjoni diffiċli, xi kompetituri xtaquna nagħmlu xi ftehimiet, aħna mhux se nagħmluhom. U intom lanqas. Qed inkun ċar ħafna fuq dan il-punt. Tlabt lil [L] sabiex jittrażmetti din l-istruzzjoni lill-kollaboraturi tiegħu. [L] u l-kollaboraturi tiegħu kienu aġġornati perfettament bl-istruzzjoni tiegħi li jiġi rispettat id-dritt tal-kompetizzjoni’”.
( 20 ) Ara l-punti 105 u 107 tas-sentenza appellata.
( 21 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ibidem (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Sentenzi Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 58) kif ukoll Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C-501/11 P, EU:C:2013:522, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 76).
( 27 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2010:517), kif ukoll il-punt 109 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21).
( 28 ) F’dan is-sens, ara l-punt 72 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2012:763).
( 29 ) Ara, inter alia, is-sentenzi General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 51), Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punt 72) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 115 u 159).
( 30 ) Ara l-punt 78 tas-sentenza appellata.
( 31 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 146 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott dwar il-kawżi Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P, EU:C:2012:11).
( 32 ) F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda ordni mogħtija minn kumpannija parent lis-sussidjarja tagħha sabiex tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni, ara l-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2010:517).
( 33 ) Ċertament, fil-punt 92 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali llimitat il-konklużjoni tagħha għall-istruzzjoni mogħtija fl-2002 u għall-eżerċitar “f’dak iż-żmien” minħabba li dan il-punt jikkonċerna l-analiżi tal-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Madankollu, kif irrilevajt fil-punti 33 sa 35 hawn fuq, bl-applikazzjoni ta’ dik li jien ddefinixxejt bħala metodoloġija deduttiva, dan l-indizju supplimentari kien ibbażat fuq il-konklużjonijiet trasposti għall-perijodu ta’ wara, inkluż il-perijodu tal-ksur.
( 34 ) C-501/11 P, EU:C:2013:522.
( 35 ) Ibidem (punt 113). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 93 sa 100 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Schindler Holding et vs Il-kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248), kif ukoll il-punt 102 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2014:2439).
( 36 ) Ara d-dikjarazzjoni riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kostantement ċaħdet dan l-argument meta ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ akkordji prevista mid-dritt tal-Unjoni, l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata li taġixxi f’isem l-impriża hija biżżejjed għall-imputazzjoni tal-aġir ta’ ksur lill-impriża mingħajr ma tkun meħtieġa azzjoni jew saħansitra għarfien ta’ assoċjati jew amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata. Ara s-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 97) kif ukoll Slovenská sporiteľňa (C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 25).
( 38 ) Ikun possibbli li ssir il-mistoqsija wkoll jekk, fil-każ meta l-kumpannija parent tikkontrolla 100 % sussidjarja, impjegat tas-sussidjarja ma jistax jitqies li huwa impjegat tal-grupp u għalhekk assimilat għal impjegat tal-kumpannija parent.
( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 129 sa 131 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Schindler Holding vs Il-Kummissjoni (C-501/11 P, EU:C:2013:248).
( 40 ) Ara l-punti 23 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 100 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara s-sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punti 96 u 97).
( 43 ) F’dan ir-rigward, ara l-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 100 u 101 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawżi Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2014:2439), li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment dirett għalihom fil-punt 96 tas-sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416).
( 44 ) F’dak li jikkonċerna r-riferiment li sar, fis-seduta, għas-sentenza BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni (32/78, 36/78 à 82/78, EU:C:1979:191), il-Qorti Ġenerali, fil-punti 114 sa 117 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument ibbażat fuq din is-sentenza filwaqt li kkonkludiet li l-argument kien jikkonċerna sitwazzjoni fattwali differenti. L-appellanti ma ressqu ebda element li jista’ jikkontesta tali evalwazzjoni.
( 45 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll is-sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 73).
( 46 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 tagħhom.
( 47 ) Ara, inter alia, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 21).
( 49 ) Ara l-premessa 229 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 50 ) Ara l-premessa 236 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 51 ) Ara wkoll il-premessa 233 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din, b’mod partikolari, tittratta l-argument li jgħid li SKW kienet inbiegħet b’effett retroattiv fl-1 ta’ Jannar 2004, l-argument li jirriżulta mill-parteċipazzjoni fl-akkordju bi ksur flagranti tal-istruzzjonijiet espressi u l-argument intiż li jassimila lil Degussa ma’ investitur finanzjarju.
( 52 ) Fil-fatt, mid-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li, filwaqt li tuża l-metodu msejjaħ tal-“bażi doppja”, li tirrinunzja li żżomm l-applikazzjoni tal-influwenza determinanti biss. F’dan ir-rigward ara s-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P, EU:C:2012:11, punt 50). L-imputazzjoni tar-responsabbiltà għalhekk kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni kapitalista u l-elementi supplimentari invokati kkonfermaw biss il-preżunzjoni.
( 53 ) Ara inter alia, id-digriet The Sunrider Corporation vs UASI (C-142/14 P, EU:C:2015:371, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 107). Sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni kapitalista, fil-preżenza ta’ tali fluss ta’ informazzjoni li jista’ jikkonfermaha, fl-opinjoni tiegħi, hija l-kumpannija parent li għandha tipprovdi provi suffiċjenti sabiex turi kemm l-informazzjoni skambjata ma hijiex rilevanti.
( 55 ) Ara, inter alia, is-sentenzi FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punt 28); Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 71) kif ukoll ENI vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Sentenza SKW Stahl-Metallurgie Holding u SKW Stahl-Metallurgie vs Il-Kummissjoni (T‑384/09, EU:T:2014:27, punt 240).
( 57 ) T‑395/09, EU:T:2014:23, punti 181 sa 186.
( 58 ) Sentenzi Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 105) u Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Sentenza Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C-231/11P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punt 106).
( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Sentenzi Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P u C-253/11 P, EU:C:2014:257, punti 118 u 170).
( 62 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet fil-punti 141 u 142 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi (EU:C:2013:578).
( 63 ) Sentenzi The Rank Group (C-259/10 u C‑260/10, EU: C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Solvay vs Il-Kummissjoni (C-455/11P, EU: C:2013:796, punt 109). F’dan ir-rigward, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni (C-628/13P, EU: C:2015:208, punt 92).
( 64 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 61 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawżi Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P u C‑14/11, EU:C:2012:11).
( 65 ) Sentenzi E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11, EU:C:2012:738, punti 125 u 126) kif ukoll Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 111).
( 66 ) F’dan il-punt, ma nistax ma nirrilevax ċerta kontradizzjoni fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li, minn naħa, tafferma li l-punt ikkritikat kien diġà ġie fformulat mill-Qorti Ġenerali b’inizjattiva proprja tagħha, iżda, min-naħa l-oħra, issostni li dan huwa ksur li seta’ jiġi invokat fl-ewwel istanza.
( 67 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 22 u 23) u Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 39).
Full & Egal Universal Law Academy