KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑186/14 P u C-193/14 P
ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. et
vs
Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd
u
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd
“Appell — Dumping — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 3(5), (7) u (9) — Artikolu 6(1) — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina — Dazju antidumping definittiv — Determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”
I – Introduzzjoni
1.
Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. et (iktar ’il quddiem “ArcelorMittal et”) u l‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T‑528/09, EU:T:2014:35, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din laqgħet it-talba tar-rikorrenti għall-annullament tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).
2.
Dawn l-appelli, li ġew magħquda b’deċiżjoni tal-president tal‑Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Lulju 2014, jagħtu l-opportunità lil din tal-aħħar tippreċiża, għall-ewwel darba, il-portata tal-kunċett ta’ “theddida ta’ ħsara” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 3 ), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 ( 4 ), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Huma jqajmu wkoll il-kwistjoni tal‑osservanza, mill-qorti tal-ewwel istanza, tal-limiti tal-istħarriġ li hija għandha twettaq fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula mill‑istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ difiża kontra d-dumping.
II – Kuntest ġuridiku
3.
L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi:
“1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill‑industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l‑Artikolu.
[…]
5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil‑passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il‑produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l‑abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.
[…]
7. Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l‑prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il‑prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal‑konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l‑atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.
[…]
9. Theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti.
Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ xi theddida ta’ dannu materjali, għandhom jiġu meqjusa, inter alia, fatturi bħal:
(a)
rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità li tindika ż-żieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet;
(b)
kapaċità libera biżżejjed ta’ l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żieda ta’ dumping ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn il-Komunità, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali;
(ċ)
jekk l-importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbilment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet;
u
(d)
l-inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.
Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali”.
4.
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:
“Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fuq livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll il‑ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. L‑informazzjoni marbuta ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu tal‑investigazzjoni m’għandux, normalment, jiġi kkunsidrat”.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża
5.
Fid-9 ta’ Lulju 2008, wara lment ippreżentat mill-Kumitat tad‑Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal‑Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ bidu ta’ proċedura antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina ( 5 ).
6.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-investigazzjoni tagħha għal kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. F’dan il-kuntest, hija għażlet erba’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li jirrappreżentaw 70 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l‑Unjoni. Fost dawn il-produtturi-esportaturi kien hemm Hubei Xinyegang Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Hubei”).
7.
Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 289/2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ( 6 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).
8.
Fil-premessa 13 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il‑“perijodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall‑evalwazzjoni tal-ћsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem “il-perjodu kkunsidrat”).
9.
Skont l-evalwazzjoni tagħha, kif miġbura fil-qosor fil‑premessa 135 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkunsidrat, l‑ewwel nett, “li, minkejja li l-industrija tal-Komunità ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat iżda fi tmiem il-[perijodu ta’ investigazzjoni] kienet fi stat vulnerabbli”; it-tieni nett li “l‑kundizzjonijiet kollha biex tiffaċċja bis-sħiħ il-ħsara wara l-[perijodu ta’ investigazzjoni] huma preżenti”, u t-tielet nett, “li l-kundizzjonijiet kollha ta’ theddida ta’ ħsara huma sodisfatti”.
10.
Fl-24 ta’ Settembru 2009 il-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat.
11.
Fil-premessi 35 sa 81 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni inklużi fir-Regolament provviżorju dwar l-assenza ta’ ħsara u l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni informazzjoni relattiva għal perijodu ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri l-perijodu minn Lulju 2008 sa Marzu 2009.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
12.
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Diċembru 2009, Hubei talbet l-annullament tar-Regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni u ArcelorMittal et intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.
13.
Insostenn tar-rikors tagħha, Hubei invokat tliet motivi. Fost dawn il-motivi, it-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 3(9), 9(4) u 10(2) tar-Regolament bażiku, għar-raġuni li r-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali.
14.
Il-Qorti Ġenerali evalwat biss it-tielet motiv imqajjem minn Hubei u laqgħetu. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet fi stat vulnerabbli fl‑aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, li huwa kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku billi kkunsidra li, f’dan il-każ, teżisti theddida ta’ ħsara.
15.
Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar l-istat ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil‑punt 61 tas-sentenza appellata, li, barra mill-iżvilupp tas-sehem tas‑suq tal-industrija tal-Unjoni, il-fatturi ekonomiċi riprodotti preċedentement huma kollha pożittivi u jistabbilixxu, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli. Skont il-Qorti Ġenerali, il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar il-vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ma hijiex sostnuta mill-informazzjoni ekonomika rilevanti.
16.
Barra minn hekk, fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali ċaħdet l-elementi l-oħra mressqa mill-istituzzjonijiet insostenn tal-konklużjoni li huma waslu għaliha dwar il-konstatazzjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet fi stat vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t‑tnaqqis fit-talba ma għandux jiġi attribwit għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u ddeċidiet li l-elementi rilevanti f’dan il-każ ma jsostnux id-dikjarazzjoni li ż-żieda ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina ċertament ostakolat l-inklinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tinvesti u tespandi l-kapaċità ta’ produzzjoni biex timxi wara l-espansjoni fis-suq.
17.
Dwar it-theddida ta’ ħsara, wara l-analiżi mwettqa fil-punti 70 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li mill-erba’ fatturi, previsti fl-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku, fattur minnhom kien meqjus bħala mhux determinanti mill-istituzzjonijiet (l-istokkijiet tal-prodott li kien l-oġġett tal‑investigazzjoni), żewġ fatturi (il-volum tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet) kienu jippreżentaw inkonsistenzi bejn il‑previżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill fir‑Regolament ikkontestat, u l-informazzjoni rilevanti tal-perijodu ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni u fattur (il-kapaċità tal-esportatur u riskju ta’ direzzjoni mill-ġdid tal-esportazzjonijiet) kellu lakuni fir-rigward tal‑elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.
18.
Fl-istess punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li dawn l-inkonsistenzi u lakuni għandhom jitpoġġew f’perspettiva mar‑rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku li t‑theddida ta’ ħsara għandha tkun ibbażata “fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota” u l-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha “tkun imbassra b’mod ċar u imminenti”.
19.
Għalhekk fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li sa fejn ir-Regolament ikkontestat kien ibbażat fuq il‑konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara u sa fejn il-Kunsill wettaq żball f’dan ir-rigward, hemm lok li l-imsemmi regolament jiġi annullat, inkwantu jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati minn Hubei u jipprovdi għall-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet.
V – It-talbiet tal-partijiet fl-appelli u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja
20.
Fil-Kawża C-186/14 P, ArcelorMittal et jitolbu li l-Qorti tal‑Ġustizzja:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tiċħad l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti fl‑ewwel istanza;
—
tibgħat lura l-kumplament tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lil Hubei għall-ispejjeż ta’ ArcelorMittal et fl-ewwel istanza u f’dan l-appell.
21.
Fil-Kawża C-193/14 P, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tiċħad l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem mir-rikorenti fl‑ewwel istanza;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex teżamina l-motivi l-oħra mqajma fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lil Hubei tħallas l-ispejjeż tal-Kunsill taż-żewġ istanzi.
22.
Hubei titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
—
tiċħad l-appelli kollha kemm huma, u
—
tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
23.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Lulju 2014, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
24.
Skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-Kummissjoni ppreżentat risposta li fiha hija ngħaqdet mat-talbiet ta’ ArcelorMittal et u tal-Kunsill u talbet lill-Qorti tal‑Ġustizzja tikkundanna lil Hubei għall-ispejjeż.
25.
Ir-Repubblika Taljana, li tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C-193/14 P permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Awwissu 2014, titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad l-ewwel parti tat-tielet motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
VI – Analiżi tal-aggravji
26.
ArcelorMittal et iqajmu tliet aggravji għall-annullament. Dawn l‑aggravji huma bbażati, rispettivament, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(9) u l-ksur tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, u fuq l‑iżball tal-Qorti Ġenerali meta kkonkludiet li l-analiżi tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar it-theddida ta’ ħsara kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
27.
Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka, min-naħa tiegħu, erba’ aggravji għall-annullament, ibbażati, l-ewwel nett fuq il-ksur tal‑Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u fuq l-iżnaturament tal‑provi, it-tieni nett, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, it-tielet nett, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku u, ir-raba’ nett, fuq l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tal‑fatturi ekonomiċi għal dik tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
28.
Peress li kważi l-aggravji kollha taż-żewġ appelli huma simili jew tal-inqas jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom, jiena nipproponi li jiġu analizzati flimkien fl-ordni segwenti:
—
l-ewwel aggravju imqajjem mill-Kunsill u l-ewwel parti tat-tielet aggravju invokat minn ArcelorMittal et ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku u l-iżnaturament tal-provi relatati mal‑konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-istat ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni;
—
it-tieni aggravju tal-Kunsill u l-ewwel aggravju ta’ ArcelorMittal et, ibbażati it-tnejn li huma fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku;
—
it-tielet aggravju tal-Kunsill, it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju ta’ ArcelorMittal et, ibbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku u fuq żbalji fir-rigward tal-eżami tal-fatturi relatati mat‑theddida ta’ ħsara;
—
ir-raba’ aggravju tal-Kunsill, li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ssostitwixxiet l‑evalwazzjoni tagħha tal-fatturi ekonomiċi għal dik tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni.
A – Fuq l-ewwel aggravju tal-Kunsill u fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju ta ’ ArcelorMittal et, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u fuq l-iżnaturament tal‑provi li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-istat ta ’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni
1. Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet
29.
Il-Kunsill jikkunsidra li, anki jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku ma jsemmix il-kunċett ta’ “vulnerabbiltà”, hija tista’ madankollu, bħal f’dan il-każ, tikkostitwixxi element determinanti sabiex tiġi kkonstatata theddida ta’ ħsara. B’hekk, il-vulnerabbiltà tal‑istat tal-industrija tal-Unjoni tikkostitwixxi l-ewwel stadju li matulu l-istituzzjonijiet eżaminaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni, abbażi tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Fost dawn il-fatturi hemm l-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina.
30.
Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li, fl-evalwazzjoni tagħha tal‑fatturi ekonomiċi, bħal-livell tal-istokk, il-volum tal-bejgħ, is‑sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, il-livell tal-impjieg, il‑prezzijiet tal-bejgħ, ir-rendiment tal-investimenti u l-profitt minn din l‑industrija, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjonijiet inkompleti, u anki żbaljati, billi warrbet ċerti fatti u injorat it‑tendenzi jew l-aspetti negattivi tal-fatturi pożittivi matul l-aħħar sentejn tal-perijodu ta’ investigazzjoni, li wassal għal żnaturament manifest tal-provi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħadet inkunsiderazzjoni la l‑importanza tal-marġni ta’ dumping u lanqas tal-analiżi tal‑istituzzjonijiet dwar l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni wara l-prattiki ta’ dumping preċedenti.
31.
ArcelorMittal et jallegaw li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet lill‑kunċett ta’ “vulnerabbiltà” tifsira awtonoma u importanza li ma għandux. Huma josservaw li l-unika kwistjoni rilevanti hija jekk il‑konklużjoni dwar il-vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni hijiex manifestament żbaljata, u mhux jekk l-istituzzjonijiet ikklassifikawx b’mod ġust l-istat ta’ “vulnerabbiltà”. Fil-fatt, ir-Regolament bażiku ma jsemmix it-termini “vulnerabbli” jew “vulnerabbiltà”, u lanqas ma jeżiġi li l-industrija tal-Unjoni tkun fi stat “vulnerabbli” fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni bħala kundizzjoni li tippermetti l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara.
32.
ArcelorMittal et isostnu wkoll li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata u jirrigwardaw rispettivament, minn naħa, l-inklinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tinvesti u tiżviluppa l-kapaċità ta’ produzzjoni, u, min-naħa l‑oħra, in-nuqqas ta’ rkupru tal-imsemmija industrija wara prattiki ta’ dumping preċedenti għal dawk oġġett tar-Regolament ikkontestat, huma żbaljati.
33.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali juri ksur tal-ġurisprudenza dwar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fi kwistjonijiet ta’ antidumping kumplessi, u tirrifletti x-xewqa manifesta tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kunsill. Hija taqbel mal-argumenti ta’ ArcelorMittal et fir-rigward tal-kunċett ta’ “vulnerabbiltà” u żżid li dan jirrigwarda biss kunċett purament deskrittiv tal-istat tal-industrija tal-Unjoni.
34.
Hubei tirribatti, essenzjalment, li dawn l-aggravji huma inammissibbli sa fejn jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali u huma, fi kwalunkwe każ, infondati. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-provi quddiemha kinux ta’ natura li jsostnu l‑konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet u kkonkludiet b’mod validu li dan ma kienx il-każ. Barra minn hekk, Hubei ssostni li l-kritika li l-Qorti Ġenerali ma ndirizzatx b’mod espliċitu l-marġni ta’ dumping hija infondata wkoll peress li din tirrigwarda biss indikatur ekonomiku rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-industrija tal-Unjoni tinsabx fi stat vulnerabbli jew teżistix theddida ta’ ħsara.
2. Analiżi
35.
Il-kritika magħmula mill-appellanti f’dawn l-aggravji hija mmirata kontra l-punti tas-sentenza appellata relatati mal‑evalwazzjoni tal-istat tal-industrija tal‑Unjoni fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, fid-dawl tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku.
36.
Skont l-analiżi tagħha mwettqa fil-punti 58 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonferma l‑konklużjoni tal-Kummissjoni (li tinsab fir-Regolament provviżorju) li tipprovdi li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab fi stat vulnerabbli fl‑aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, l‑informazzjoni ekonomika li fuqha bbażaw ruħhom l-istituzzjonijiet ma ssostnix din il-konklużjoni, iżda għall-kuntrarju tistabbilixxi, kollha flimkien, il-profil ta’ industrija f’sitwazzjoni b’saħħitha u mhux fraġli jew vulnerabbli ( 7 ).
37.
Qabel neżamina l-ilmenti esposti mill-appellanti, għandu jiġi rrilevat li huma ma jikkontestawx id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li, essenzjalment, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, minkejja li hija riprodotta fil-parti (kemm tar‑Regolament bażiku kif ukoll tar-Regolament provviżorju u kkontestat) relatata mal-ħsara, “ma hijiex nieqsa minn rabta mal-analiżi tat-theddida ta’ ħsara”, prevista fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
38.
Għalkemm ma hijiex ikkontestata, din id-dikjarazzjoni tippermetti li jintwerew u jinftiehmu aħjar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-paragrafi rilevanti differenti tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabilixxi l-ħsara”.
39.
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi t-terminu “ħsara” sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, bħala li jfisser, b’mod partikolari, ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta’ ħsara materjali lil tali industrija.
40.
L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jirregola d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara. Din għandha tinkludi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.
41.
L-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, li ġie applikat mill‑istituzzjonijiet fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat, jippreċiża li l-eżami tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni jinkludi l-evalwazzjoni “tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indizji kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija [tal-Unjoni]”. Dan l-artikolu jindika li l-elenku ta’ dawn il-fatturi ma huwiex eżawrjenti.
42.
L-Artikolu 3(9) ta’ dan ir-regolament jirregola kif “theddida ta’ ħsara materjali għandha [tkun] stabbilita”. Dan jippreċiża li din id-determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjoni, tbassir jew possibilità remota, u li t-tibdil fiċ-ċirkustanzi li kieku joħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. L-Artikolu 3(9) jelenka wkoll erba’ fatturi li għandhom jiġu eżaminati, fost oħrajn, sabiex tiġi stabbilita “l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali”. L-Artikolu 3(9) jippreċiża li ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li iktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma titteħidx azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.
43.
Għalhekk wieħed jikkonstata li, filwaqt li l-Artikolu 3(2) tar‑Regolament bażiku jeħtieġ li “l-ħsara trid tkun stabbilita” ( 8 ) b’mod partikolari abbażi ta’ eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni, eżami li jinkludi, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indizji kollha li għandhom effett fuq l-istat tal‑industrija tal-Unjoni, dan l-eżami ma huwiex meħtieġ b’mod espliċitu mir-Regolament bażiku fir-rigward tal-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara, fis-sens tal-Artikolu 3(9) tiegħu.
44.
Madankollu, l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jelenka b’mod mhux limitattiv il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, li għalhekk ma jeskludux dawk marbuta mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament.
45.
Kif ikkunsidraw l-istituzzjonijiet f’dan il-każ, l-eżami tal-fatturi rilevanti li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni fil‑kuntest ta’ theddida ta’ ħsara jidher għalhekk neċessarju.
46.
Huwa minnu li, dan l-eżami ma jikkontribwixxix sabiex juri l‑eżistenza ta’ ħsara, peress li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara, tali ħsara, skont id-definizzjoni (għadha) ma seħħitx.
47.
Madankollu għandu jiġi indirizzat l-istat tal-industrija tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu l-istituzzjonijiet jistgħu jevalwaw, kif jeħtieġ l‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, jekk, fil-preżenza ta’ importazzjonijiet ġodda ta’ dumping imminenti, it-theddida ta’ ħsara materjali fuq l-industrija tal-Unjoni timmaterjalizzax fi ħsara materjali f’każ li ma jiġux adottati miżuri ta’ difiża.
48.
Fi kliem ieħor, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk teżistix theddida ta’ ħsara materjali fuq l-industrija tal-Unjoni, filwaqt li, skont id-definizzjoni, din l-industrija ma ġarrbitx ħsara materjali attwali minkejja l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, huwa neċessarju jkunu jafu l-istat attwali ta’ din l-industrija. Fil-fatt huwa biss billi jifhmu l-istat attwali ta’ din l-industrija li l-istituzzjonijiet jistgħu jiddeterminaw jekk iż-żieda imminenti tal-importazzjonijiet futuri li huma l-oġġett ta’ dumping tistax twassal għal ħsara materjali fuq l‑industrija tal-Unjoni jekk ma tittieħed ebda miżura ta’ difiża ( 9 ).
49.
F’din il-kawża, huwa stabbilit li, skont l-analiżi tagħhom, l‑istituzzjonijiet ikkonkludew mill-fatturi u indizji (mhux eżawrjenti), elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku li, għalkemm l‑industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, madankollu hija kienet fi “stat vulnerabbli” fl-aħħar ta’ dan il-perijodu, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2008.
50.
Dan l-istat ta’ vulnerabbiltà, kif kien indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata, kien meħud inkunsiderazzjoni fir‑Regolament provviżorju u fir-Regolament ikkontestat fil-kuntest tal‑analiżi tat-theddida ta’ ħsara.
51.
Din il-konklużjoni kienet ikkontestata minn Hubei quddiem il‑Qorti Ġenerali bħala kontradittorja mal-informazzjoni ekonomika rilevanti, kif kien imfakkar minn din tal-aħħar fil-punt 57 tas-sentenza appellata.
52.
Huwa minnu, kif jindikaw ArcelorMittal et, li r-Regolament bażiku mkien ma jistabbilixxi s-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal‑industrija tal-Unjoni bħala kundizzjoni li tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara. Madankollu, huwa żbaljat li jitħalla jinftiehem li l-Qorti Ġenerali teħtieġ li l-istituzzjonijiet juru li l‑industrija tal-Unjoni tissodisfa tali kundizzjoni. Ebda punt tas-sentenza appellata ma jissuġġerrixxi dan.
53.
Li l-istat ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ddikjarat mill‑istituzzjonijiet jista’ jidher bħala deskrizzjoni fattwali tas‑sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif issostni l-Kummissjoni, ma jfissirx li hija tevita kull stħarriġ ġudizzjarju; b’mod partikolari, l‑istħarriġ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda l-fatti jew il‑provi.
54.
Qabelxejn, fid-dawl tad-dokumenti tal-fajl, jiena niddubita li dan il-kunċett kellu biss, f’dan il-każ, funzjoni ta’ deskrizzjoni fattwali.
55.
Fil-fatt, kif jammetti espliċitament il-Kunsill fl-appell tiegħu, l‑istat ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kien ikkunsidrat mill‑istituzzjonijiet bħala element “determinanti” fl-analiżi tat-theddida ta’ ħsara f’dan il-każ. Dan jirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari, mill‑premessa 126 tar-Regolament provviżorju, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata, kif ukoll mill-premessa 135 ta’ dan l-istess regolament, li tipprovdi li l-istat ta’ vulnerabbiltà huwa wieħed mit-tliet kriterji li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi rabta kawżali bejn it-theddida imminenti tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u l-ħsara li huwa mbassar li se ġġarrab l-industrija tal‑Unjoni ( 10 ).
56.
Fl-aħħar mill-aħħar, probabbilment huwa iktar faċli li tintwera l‑eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali imminenti meta l-industrija tal-Unjoni diġà tkun, minħabba importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, f’sitwazzjoni ekonomikament fraġli jew fi stat ta’ vulnerabbiltà milli li l-fatturi previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi profil ta’ din l-industrija bħala li tinsab f’fażi ta’ tkabbir jew tal-inqas, f’sitwazzjoni b’saħħitha ( 11 ).
57.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li, adita fl-ewwel istanza minn motiv ibbażat fuq in-natura kontradittorja tal-konstatazzjoni tal‑istituzzjonijiet dwar il-vulnerabbiltà tal-industrija Komunitarja mal‑informazzjoni ekonomika rilevanti, il-Qorti Ġenerali kienet perfettament awtorizzata teżamina l-ilment espost minn Hubei quddiemha.
58.
Għandha tiġi skartata wkoll il-kritika ta’ natura ġenerali tal‑Kunsill li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, peress li ma eżaminatx il-fattur tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-effett ma huwiex, fih innifsu, wieħed mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Huwa jikkostitwixxi r-riżultat (pożittiv jew negattiv) tal-eżami tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi, il-Kunsill għamel interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni.
59.
Dak li fundamentalment jinsab fil-qalba ta’ dawn l-aggravji hija l-kwistjoni tal-portata tal-istħarriġ mwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq il-konklużjoni li waslu għaliha l-istituzzjonijiet dwar is‑sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, skont l‑evalwazzjoni tagħhom tal-fatturi u l-indizji elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-eventwali żnaturament tal-provi li hija wettqet f’dan il-kuntest.
60.
Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali fakkret b’mod espliċitu l-limiti li hija għandha meta hija tistħarreġ il-legalità ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali. Dan jirriżulta mingħajr ambigwità mill-punt 53 tas-sentenza appellata, li ġustament jirreferi għal ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom f’dan il-qasam marġni diskrezzjonali wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw, li jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi jkun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal‑proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l‑għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal‑atti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ( 12 ).
61.
Jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat din il‑ġurisprudenza fil-kuntest tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, li jippreżumi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fatturi li jikkawżaw ħsara lil din l-industrija fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping ( 13 ). L-istess għandu japplika, fl-opinjoni tiegħi, u bħalma tammetti l-Qorti Ġenerali, għall-istabbiliment ta’ theddida ta’ ħsara.
62.
Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest tal‑istħarriġ limitat li hija teżerċita f’sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 14 ).
63.
Madankollu, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, fir-rigward ta’ oqsma li jagħtu lok, bħal dak tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-istituzzjonijiet ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tonqos milli tistħarreġ l-interpretazzjoni min-naħa ta’ dawn l‑istituzzjonijiet tal-informazzjoni ta’ natura ekonomika ( 15 ).
64.
Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa ( 16 ).
65.
Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-eżami tal-informazzjoni ekonomika fir‑rigward tal-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara. Hija applikatha wkoll fil‑verifikazzjoni tal-konklużjoni tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-istat ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, skont dan l-eżami, hija ddeċidiet fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li din il-konklużjoni “ma hijiex sostnuta minn informazzjoni rilevanti għall-każ ineżami”.
66.
S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għada ma rriproduċietx espressament fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali l-formuli tal-ġurisprudenza tagħha żviluppata f’dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, iċċitati fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq.
67.
Madankollu hija applikathom b’mod ċar fis-sentenza Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78) ( 17 ). Mitluba tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali kinitx qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta hija kkunsidrat bħala mhux konvinċenti biżżejjed il-provi rilevanti tal-fajl li bbażaw ruħhom fuqhom l-istituzzjonijiet sabiex ikkonkludew li l-funzjonijiet ta’ kumpannija ta’ bejgħ assoċjata ma’ żewġ esportaturi Ukreni li l‑prodotti tagħhom huma l-oġġett ta’ dumping huma simili għal dawk ta’ aġent li jopera fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ magħmul mill-Qorti Ġenerali fuq dawn il-provi ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik tal‑istituzzjonijiet. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma ggravatx fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, iżda llimitat ruħha sabiex tistħarreġ jekk dawn il-provi “kinux ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet” ( 18 ).
68.
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi huwa ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija awtorizzata tistħarreġ jekk l-informazzjoni ekonomika rilevanti, jiġifieri l-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku fir‑rigward tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jissostanzjawx il‑konklużjoni tal-istituzzjonijiet li tipprovdi li din tal-aħħar kienet f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.
69.
Dan ifisser li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ, billi invalidat il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni ekonomika rilevanti għal dik tal-istituzzjonijiet?
70.
Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ, li l-ewwel jiġi vverifikat jekk, kif sostnut mill-Kunsill fl-ewwel aggravju tiegħu, il‑ġabra fil-qosor tal-informazzjoni ekonomika rilevanti li fuqha bbażaw ruħhom l-istituzzjonijiet, stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, hijiex f’dan il-punt inkompleta, selettiva u żbaljata tant li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, li tiżnatura l-provi sostnuti mill‑istituzzjonijiet.
71.
Kif inhu magħruf, l-iżnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għandha tidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal‑fatti u tal-provi ( 19 ). Fin-nuqqas, din tirrigwarda stedina lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tevalwa mill-ġdid il-fatti kkonstatati b’mod sovran mill-Qorti Ġenerali, li skont l-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, taqa’ barra l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ appell, fejn hija limitata għal kwistjonijiet ta’ dritt ( 20 ).
72.
Motiv ibbażat fuq l-iżnaturament għandu għalhekk ikun limitat għall-ineżattezza manifesta min-naħa tal-Qorti Ġenerali fil‑konstatazzjoni tal-fatti, li għandha tirriżulta b’mod flagranti mill‑proċess, kemm jekk tirrigwarda konstatazzjoni manifestament ineżatta tal-kontenut tal-provi li ttieħdu inkunsiderazzjoni, u fl-opinjoni tiegħi anki jekk tirrigwarda l-ommissjoni jew is-selezzjoni ta’ provi li jwasslu għal impressjoni manifestament qarrieqa u żbaljata tar-realtà.
73.
F’dan il-każ, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali elenkat tlettax-il fattur, imsemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u eżaminati mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju u kkonfermati fir-Regolament ikkontestat, intiżi sabiex juru l-iżvilupp tas‑sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u għalhekk sat-tmiem ta’ dan il-perijodu.
74.
Il-Kunsill ressaq ilmenti ta’ natura differenti intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi relatati ma’ għaxra minn tlettax-il fattur ( 21 ) u naqset ukoll b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi addizzjonali.
75.
Għalkemm dawn l-allegazzjonijiet jipprovaw, b’diversi modi, de facto, iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-evalwazzjoni tal-fatti, kwistjoni li hija ma tistax titratta fil-kuntest ta’ appell, fl-opinjoni tiegħi dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda bħala infondati, għar‑raġunijiet li ġejjin.
76.
Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni fattur, il-Qorti Ġenerali nnotat rispettivament li “il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żiedet b’ 7 % (premessa 67 tar-Regolament provviżorju)” u li “l-użu tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni żied b’9 % sabiex laħaq 90 % matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, u wera wkoll rati għoljin fl-2006 u fl‑2007 (premessa 69 tar-Regolament provviżorju)”.
77.
Dan jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament provviżorju skont liema l-użu tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni żied bejn l-2005 (bidu tal-perijodu kkonċernat) u l-perijodu ta’ investigazzjoni minn 83 % għal 90 %, jiġifieri bejn wieħed u ieħor b’ 9 % jew, fi kliem ieħor, b’7 punti perċentwali.
78.
Il-Kunsill ma jikkritikax din il-konstatazzjoni iżda jikkritika li l-Qorti Ġenerali ħawdet żewġ indikaturi ekonomiċi, jiġifieri minn naħa, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, l‑użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u jilmenta li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑fatt li ż-żieda ta’ 7 punti perċentwali kienet limitata.
79.
Madankollu, minn sempliċi qari tal-punt 59 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali assolutament ma ħawditx iż-żewġ fatturi. Barra minn hekk, il-fatt li ż-żieda ta’ 7 punti perċentwali kienet limitata ma jwassal għal ebda konsegwenza fuq il-konstatazzjoni li żieda ta’ 9 % (jew, b’7 punti perċentwali) tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienet ġiet prodotta matul il-perijodu kkonċernat sabiex tilħaq 90 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk il-Kunsill ma weriex żnaturament ta’ dawn il-provi.
80.
Fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil‑qosor it-tielet fattur kif ġej: “il-ħażniet żdiedu bi 12 %, madankollu l‑Kummissjoni rrilevat li ‘r-rilevanza ta’ dan l-indikatur fl-analiżi tal‑ħsara hija limitata’ inkwantu l-parti l-kbira tal-produzzjoni ssir fuq ordnijiet (premessa 72 tar-Regolament provviżorju)”.
81.
Il-Kunsill jallega li l-Qorti Ġenerali ma speċifikatx li dan l-indikatur juri tendenza tat-tnaqqis sa mill-2006, li jfisser li l-konklużjonijiet tal‑qorti tal-ewwel istanza huma “tal-inqas inkompleti, jekk mhux sempliċement żbaljati”.
82.
Madankollu, tali natura inkompleta, preżunta stabbilita, ma timplikax li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ħażniet hija manifestament ineżatta. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali ħadet sew inkunsiderazzjoni t-tnaqqis indikat mill-Kunsill peress li ż-żieda ta’ 12 % hija r-riżultat tad-differenza msemmija fil-premessa 72 tar‑Regolament provviżorju bejn is-sena 2006 (żieda ta’ 16 %) u l‑perijodu suċċessiv sat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (tnaqqis kumulat ta’ 4 %). Għalhekk il-Kunsill ma ġabx prova li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żnaturament tal-provi li jirrigwardaw it‑tielet fattur.
83.
Ir-raba’ fattur jirrigwarda l-volum ta’ bejgħ. Il-Qorti Ġenerali nnotat f’dan ir-rigward li “il-volum ta’ bejgħ tal-industrija [tal‑Unjoni] żdied b’14 % (premessa 73 tar-Regolament provviżorju)”.
84.
Il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li din iż-żieda ma tikkorrispondix għaż-żieda ġenerali tas-suq ta’ 24 % u għalhekk, li l-industrija tal-Unjoni tilfet ishma tas-suq. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni aspett negattiv ta’ indikatur pożittiv. Barra minn hekk, il-volum ta’ bejgħ kien fil-fatt naqas bi 3 % mill-2007 sal_aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.
85.
Jidhirli li dawn il-kritiki huma infondati wkoll. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tieħu ż-żieda ta’ 14 % msemmija fil‑premessa 73 tar-Regolament provviżorju bejn l-2005 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalkemm hija ma ppreċiżatx li l-effett pożittiv taż‑żieda sostanzjali tal-konsum kien rifless biss parzjalment biż-żieda ta’ 14 %, dan ma jbiddel xejn mill-eżattezza tal-konstatazzjoni mwettqa. Barra minn hekk, it-tnaqqis ta’ 3 % bejn l-2007 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, allegat mill-Kunsill, la kien espressament indikat u lanqas innotat b’mod speċifiku fil-premessa 73 tar-Regolament provviżorju u bl-ebda mod ma jbiddel il-konstatazzjoni taż-żieda ta’ 14 % tal-volum ta’ bejgħ bejn l-2005 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (2007-2008).
86.
Fir-rigwad tal-ħames fattur, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “s-sehem tas-suq tal-industrija [tal-Unjoni] naqas b’5.2 punti (premessa 75 tar‑Regolament provviżorju)”.
87.
Mingħajr ma jinnega l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni, il‑Kunsill jallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom kellu lok dan it-tnaqqis, jiġifieri l-kuntest tat-tkabbir tas-suq li fih l‑importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina kienu żdiedu b’mod qawwi.
88.
Huwa minnu li kieku l-Qorti Ġenerali semmiet iċ-ċirkustanzi enfasizzati mill-Kunsill, dawn kienu jsaħħu mingħajr dubju n-natura negattiva ta’ dan il-fattur. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li dan jirrigwarda fattur li ma kienx pożittiv. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat elementi bbażati fuq ir‑Regolament provviżorju relatati mal-kuntest li fih seħħ it-tnaqqis tas‑sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk jiena ma nara l‑ebda ineżattezza fattwali manifesta min-naħa tal-Qorti Ġenerali fir‑rigward tal-provi li jirrigwardaw dan il-fattur.
89.
Is-sitt fattur kien miġbur fil-qosor kif ġej mill-Qorti Ġenerali: “il‑livell tal-impjieg baqa’ stabbli (premessa 77 tar-Regolament provviżorju)”.
90.
Skont il-Kunsill, din id-dikjarazzjoni hija ineżatta, għaliex il‑livell tal-impjieg iċċaqlaq matul il-perijodu kkonċernat u kien anki tbaxxa b’ 6 % mill-2007 sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 77 tar-Regolament provviżorju, u kkonfermat fir-Regolament ikkontestat.
91.
Fir-rigward tal-premessa 77 tar-Regolament provviżorju, l‑allegazzjoni tal-Kunsill imkien ma turi xi konstatazzjoni ta’ fatt manifestament żbaljata min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt mill‑imsemmija premessa jirriżulta li, għalkemm l-impjieg ċertament naqas bejn l-2007 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, “[i]nġenerali, l-impjieg tal-produtturi fil-kampjun baqa’ stabbli bejn l‑2005 u l-PI fuq madwar 9100 persuna. Dan juri li l-produtturi fil‑kampjun żiedu fl-effiċjenza billi, fl-istess waqt, il-volumi ta’ produzzjoni żdiedu b’7 %”.
92.
Kif indikajt preċedentement ( 22 ), il-Kunsill ma indirizza ebda kritika bbażata fuq l-iżnaturament tal-provi fir-rigward tas-seba’ (il‑produttività żdiedet b’ 7 %) u t-tmien (is-salarju medju għal kull impjegat żdied b’16 %) fatturi, kif miġbura fil-qosor mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata. Hemm lok li jittieħed nota ta’ dan.
93.
Fir-rigward tad-disa’ fattur, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “l‑prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija [tal-Unjoni] żdiedu b’21 % (premessa 80 tar-Regolament provviżorju”.
94.
Il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hemm żieda li ma tirriflettix il-perijodu kkonċernat kollu, li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ta’ din iż-żieda u tan-natura relattiva tagħha.
95.
Mill-premessa 80 tar-Regolament provviżorju jirriżulta b’mod partikolari li “l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produtturi fil-kampjun żdiedu b’mod sostanzjali b’21 % bejn l-2005 u l-2007, u baqgħu stabbli matul il-PI”. L-indiċi taż-żieda, riprodotti fit-tabella li tinsab fl-istess premessa 80, għas-sena 2007 u l-perijodu ta’ investigazzjoni huma identiċi (indiċi 121), meta mqabbla mas-sena 2005 (indiċi 100), li jimplika li l-Qorti Ġenerali setgħet b’mod raġonevoli tiddeduċi minn din il-premessa li l-prezzijiet ta’ bejgħ kienu fil-fatt żdiedu b’ 21 %. Għalhekk jiena ma naħsibx li l-kritika ta’ żnaturament magħmula mill‑Kunsill fir-rigward tal-ġabra fil-qosor ta’ dan il-fattur magħmula mill-Qorti Ġenerali tista’ tirnexxi.
96.
Fir-rigward tal-għaxar fattur, li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor kif ġej il-premessa 82 tar-Regolament provviżorju: “il-profittabbiltà tal‑bejgħ tal-industrija [tal-Unjoni] lil klijenti indipendenti, bħala perċentwali ta’ bejgħ nett, żdied b’27 % jew bi 3.3 punt perċentwali, sabiex jammonta għal 15.4 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, fejn ir-rati ta’ profittabbiltà għas-sena 2005 u, b’mod iktar partikolari, għas‑snin 2006 u 2007 kienu wkoll għoljin ħafna”.
97.
Mingħajr ma tiġi kkontestata l-eżattezza tal-informazzjoni meqjusa mill‑Qorti Ġenerali, il-Kunsill isostni li din tal-aħħar naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-profitti kienu negattivi bejn l-2007 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll għall-perijodu ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni.
98.
Fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, il-kritika tal‑Kunsill hija, fl-opinjoni tiegħi, ineffettiva. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet eżaminati mill-Qorti Ġenerali u miġbura fil-qosor fil‑punt 59 tas-sentenza appellata jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal‑industrija tal-Unjoni, deskritta bħala “vulnerabbli” mill-imsemmija istituzzjonijiet, matul il-perijodu kkonċernat u sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.
99.
Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni t‑tnaqqis fil-profitti bejn l-2007 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li dan ma ġiex espressament enfasizzat fl-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil‑premessa 82 tar-Regolament provviżorju, għalkemm huwa minnu li jista’ jirriżulta mit-tabella li tiġbor l-informazzjoni mhux analizzata li tinsab f’din il-premessa. Mill-banda l-oħra, l-ispjegazzjonijiet tagħhom jenfasizzaw il-fatt li l-profittabbiltà naqset minn 17.9 % fl-2007 għal 15.4 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li bejn l-2005 u l‑imsemmi perijodu, “il-profittabbiltà żdiedet bi 3 punti perċentwali”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li l-ommissjoni allegata wasslet lill‑Qorti Ġenerali tiżnatura l-provi.
100.
Fir-rigward tal-ħdax-il premessa, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “[r-rendiment] mill-investimenti, jiġifieri l-qligħ espress f’perċentwali tal‑valur nett deprezzat tal-investimenti, żdied b’ 10 % jew b’ 4.6 punti perċentwali, sabiex jammonta għal 51.7 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, wara li laħaq rispettivament 85.1 u 79.2 % fl-2006 u fl‑2007 (premessa 82 tar-Regolament provviżorju)”.
101.
Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali semmiet biss informazzjoni li tindika tendenza pożittiva, filwaqt li ż-żieda bejn l-2005 u l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni jaħbi tnaqqis ta’ rendiment mill-investimenti ta’ iktar minn 70 %.
102.
Qabelxejn hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rendiment mill‑investimenti eżaminat fir-Regolament provviżorju ma jirriżultax biss mill-premessa 82 tiegħu, li fih tabella waħda li tippreżenta l-informazzjoni ekonomika relatata mal-profittabbiltà tal-bejgħ u mar-rendiment mill‑investimenti, iżda wkoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill‑Kummissjoni fil-premessa 83 tar-Regolament provviżorju. Irrispettivament minn din l-approssimazzjoni, jiena nqis li l-Qorti Ġenerali għamlet ġabra fil-qosor fidila tal-informazzjoni tat-tabella u tal‑ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dawn iż-żewġ premessi tar‑Regolament provviżorju fir-rigward tar-rendiment mill-investimenti.
103.
Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 83 tindika li r-rendiment mill‑investimenti (il-profitt f’perċentwali tal-valur nett deprezzat tal‑investimenti) kien “żdied minn livell ta’ 47 % fl-2005 sa 85 % fl‑2006”, li kien “naqas sa 79 %, fl-2007 u naqas aktar sa 52 % fil-PI. Inġenerali, ir-rendiment fuq l-investimenti żdied b’4.6 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat”. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-indiċi, ippreżentat fit-tabella li tinsab fil-premessa 82 tar‑Regolament provviżorju, juri tnaqqis ta’ 71 punt bejn l-2006 (indiċi 181) u l-perijodu ta’ investigazzjoni (indiċi 110), xorta jibqa’ l-fatt li dak li kien enfasizzat b’mod partikolari fir-Regolament provviżorju kien li l-profitt mill-investimenti kien żdied b’4.6 % fil‑perijodu kkunsidrat, li jikkorrispondi eżatt mad-differenza bejn is‑sena 2005 (indiċi 100) u l-perijodu ta’ investigazzjoni (indiċi 110), kif ukoll mal-10 punti tal-indiċi indikati wkoll fil-punt 59 tas-sentenza appellata mill-Qorti Ġenerali.
104.
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żnaturament tal-provi fir-rigward tal-fattur marbut mar-rendiment mill‑investimenti.
105.
Kif indikajt preċedentement ( 23 ), il-ġabra fil-qosor magħmula mill‑Qorti Ġenerali tat-tnax-il fattur (il-likwidità netta minn attivitajiet operattivi) ma tagħti lok għal ebda allegazzjoni ta’ żnaturament mill‑Kunsill. Għaldaqstant, għandu jittieħed nota ta’ dan.
106.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali espona t-tlettax-il fattur kif ġej: “l-investimenti annwali tal-industrija [tal-Unjoni] żdiedu b’185 % sabiex jammontaw għal EUR 284 miljun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 85 tar-Regolament provviżorju)”.
107.
Il-Kunsill ppreċiża li dan l-indikatur pożittiv, li ma jikkontestax l-eżattezza tiegħu, kellu jkun relattivizzat mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-“fatti” li jinsabu fil-premessa 86 tar-Regolament provviżorju, fejn xejn ma jindika li huma ttieħdu inkunsiderazzjoni.
108.
F’dan ir-rigward, niddubita li l-allegazzjoni tal-Kunsill hija verament ibbażata fuq żnaturament tal-provi. Fil-fatt, il-premessa 86 tar-Regolament provviżorju ma tinkludi mkien fatti jew informazzjoni ekonomika, iżda tirriproduċi evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il‑livell baxx ta’ investiment tal-industrija qabel il-perijodu kkonċernat u dwar il-fatt li l-investimenti matul dan il-perijodu ma sarux sabiex tiżdied il-kapaċità ta’ produzzjoni. Għall-finijiet utili kollha u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat f’dan l-istadju, li l-Qorti Ġenerali eżaminat tajjeb, essenzjalment, dawn l-evalwazzjonijiet fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata.
109.
Għalhekk, il-ġabra fil-qosor, magħmula fil-punt 59 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet tlettax-il prova sostnuta mill-istituzzjonijiet ma hija vvizzjata minn ebda żnaturament ta’ dawn il-provi.
110.
Fir-rigward tal-ilment imressaq mill-Kunsill li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi addizzjonali li bbażaw ruħhom fuqhom l-istituzzjonijiet, jiġifieri l-importanza tal-marġni ta’ dumping u l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni wara prattiki ta’ dumping preċedenti, li jinsabu fil-premessa 87 tar-Regolament provviżorju, jiena nqis li huwa ineffettiv. Fil-fatt, irrispettivament mill-fatt li din il‑premessa ma tinkludix informazzjoni ekonomika preċiża, iżda tagħti iktar evalwazzjonijiet fattwali, dawn kienu eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata. Għalhekk il-Kunsill ma setax jippretendi li dawn l-evalwazzjonijiet fattwali tħallew barra mis-sentenza appellata.
111.
Fir-rigward preċiżament tal-eżami ta’ dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, ArcelorMittal et iqisu li din tal-aħħar għamlet qari inkomplet u żbaljat tal-premessa 87 tar-Regolament provviżorju.
112.
Din il-kritika hija intiża sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti, mingħajr ma tidentifika konstatazzjoni manifestament ineżatta tal-fatti li l-Qorti Ġenerali wettqet, ħaġa li taqa’ barra mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal‑appell ( 24 ).
113.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kritika indirizzata lill-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni ekonomika għal dik tal-istituzzjonijiet ma hija bbażata fuq ebda kritika oħra iktar preċiża. Fl-aħħar mill-aħħar, jidhirli li l-Qorti Ġenerali vverifikat biss jekk il-provi sostnuti mill-istituzzjonijiet jissostanzjawx il-konklużjonijiet li huma waslu għalihom.
114.
F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-appellanti ma jikkontestawx it-test tal-punt 61 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, imfakkar mill-Kunsill, li l‑industrija tal-Unjoni kienet tilfet punti mill-ishma tas-suq matul il‑perijodu kkunsidrat, premess li dan il-fatt ma jissostanzjax il‑konklużjoni tal-istat ta’ vulnerabbiltà ta’ din l-industrija fl-aħħar tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, sa fejn hija għandha titpoġġa f’perspettiva mal-fatt li l-industrija tal-Unjoni kellha sehem fis-suq sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri 63.6 % u li l‑bejgħ tagħha żdied b’mod qawwi fil-volum tiegħu matul il-perijodu kkunsidrat.
115.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi li l-ewwel aggravju tal-Kunsill u l-ewwel parti tat-tielet aggravju ta’ ArcelorMittal et għandhom jiġu miċħuda.
B – Fuq it-tieni aggravju tal-Kunsill u l-ewwel aggravju ta ’ ArcelorMittal et, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku
1. Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet
116.
Il-Kunsill u ArcelorMittal et jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata, li d-deterjorazzjoni tal-kuntest ekonomiku ikkonstatat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, fatturi bħat-tnaqqis fit‑talba ma għandhomx jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping.
117.
F’dan ir-rigward, il-partijiet fl-appelli jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(7) u li hija bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C‑245/95 P, EU:C:1998:46). Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest tal-Kawża Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ reċessjoni ekonomika sabiex jeżaminaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni, f’din il-kawża, huma ma invokawx l-eżistenza ta’ tali reċessjoni sabiex jissostanzjaw il‑konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara. Huma lanqas attribwixxew l‑effetti ta’ reċessjoni ekonomika għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, kif issostni wkoll ir-Repubblika Taljana fin-nota ta’ intervent tagħha. Mill-banda l-oħra, l-istituzzjonijiet ikkonstataw li talba eċċezzjonalment għolja kienet ħbiet l-effett ta’ ħsara reali tal‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping u li dawn l-effetti jidhru jekk it-talba tinżel lura għal-livelli normali.
118.
Fl-opinjoni tal-appellanti, it-tnaqqis fit-talba kien prevedibbli, peress li l-konsum ma setax jibqa’ f’dak il-livell eċċezzjonali u storikament mhux tas-soltu għal żmien twil. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx din il-konklużjoni.
119.
Il-Kummissjoni targumenta li l-iżball ġuridiku fundamentali li wettqet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jikkonsisti f’li ħawdet, b’mod żbaljat, l-analiżi tat-theddida ta’ ħsara ma’ dik tar-rabta kawżali, filwaqt li r-Regolament bażiku jagħmel distinzjoni ċara bejn dawn iż‑żewġ kunċetti.
120.
Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, fl-analiżi tat-theddida ta’ ħsara, it-tnaqqis fit-talba għandu jkun ikkunsidrat bħala fatt oġġettiv jew bħala kuntest ta’ riferiment li fih tkun evalwata l-eżistenza ta’ ħsara jew ta’ theddida ta’ ħsara. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li t‑tnaqqis fit-talba ma huwiex wieħed mill-fatturi ta’ ħsara ċċitati fl‑Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Huwa loġiku li jiġi kkonstatat li tnaqqis tal-konsum jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn l-industrija tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni agħar milli kieku l-konsum baqa’ stabbli jew żdied. Fi kliem ieħor, l-industrija tal-Unjoni tista’ tkun esposta għal theddida ta’ ħsara meta jkun hemm tnaqqis previst tal-konsum fil-futur qarib.
121.
Mill-banda l-oħra, fil-kuntest tal-eżami ta’ rabta kawżali, it‑tnaqqis tat-talba għall-prodott ikkonċernat igawdi rwol kuntrarju. Skont ir-Regolament bażiku, l-analiżi ta’ rabta kawżali għandha ssir fuq żewġ stadji suċċessivi. L-ewwel nett, “analiżi tal-imputazzjoni” issir bejn ż-żieda tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u l-ħsara jew t‑theddida ta’ ħsara. Imbagħad, jekk tiġi stabbilita rabta kawżali b’mod provviżorju, wieħed jgħaddi għat-tieni stadju, jiġifieri analiżi ta’ “nuqqas ta’ imputazzjoni” li permezz tagħha l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni tevalwa jekk wieħed mill-fatturi elenkati fl‑Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku (fosthom it-tnaqqis tat-talba) għandux, fih innifsu, importanza li tista’ tkisser ir-rabta kawżali provviżorjament stabbilita. Fi kliem ieħor, dan il-fattur għandu jkollu piż ikbar mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping bħala kawża ta’ ħsara jew ta’ theddida ta’ ħsara.
122.
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali użat it-tnaqqis tat-talba bħala fattur negattiv għall-evalwazzjoni tat-theddida ta’ ħsara, filwaqt li dan il-fattur jista’ jkollu rwol biss fit-tieni stadju tal-evalwazzjoni, f’ħin qasir, ta’ rabta kawżali.
123.
Hubei tirrispondi li l-Qorti Ġenerali, ġustament, iddeċidiet li t-tnaqqis previst fit-talba Komunitarja ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tat-theddida ta’ ħsara. L-effetti ta’ tali tnaqqis tat-talba, li ma jistgħux ikunu limitati għas-sitwazzjonijiet ta’ reċessjoni ekonomika, ma għandhomx skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, ikunu imputati għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u ma jistgħux għalhekk iservu bħala sostenn għal konklużjoni li teżisti theddida ta’ ħsara, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.
124.
Madankollu, fil-premessa 48 tar-Regolament ikkontestat, il‑Kunsill jargumenta essenzjalment li jekk il-kriterji ekonomiċi jiddeterjoraw u l-livell tat-talba fl-Unjoni kien qed jonqos, it-theddida ta’ ħsara seħħet. Konsegwentement, huwa attribwixxa tal-inqas parti mit-theddida ta’ ħsara allegata lil dan it-tnaqqis previst tat-talba. Skont Hubei, dan huwa preċiżament it-tip ta’ fattur estern li ma jistax iservi bħala bażi għal evalwazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.
125.
Fi kwalunkwe każ, Hubei ssostni li l-Qorti Ġenerali eżaminat diversi fatturi oħra sabiex tikkonstata l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-vulnerabbiltà tal-industrija Komunitarja u tat-theddida ta’ ħsara. Għalhekk, l-eventwali żball ta’ liġi fir-rigward tat-tnaqqis tat-talba ma jwassalx għall-annullament tas‑sentenza appellata.
2. Analiżi
126.
Dawn l-aggravji jirrigwardaw żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata.
127.
Il-punt 63 tal-imsemmija sentenza jaqa’ fil-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mas-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal‑industrija tal-Unjoni fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet numru ta’ argumenti invokati mill‑istituzzjonijiet fir-rigward tal-effetti tad-degredazzjoni tal-kuntest ekonomiku fuq din l-industrija.
128.
Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “għal dak li jirrigwarda l-fatt invokat mill-istituzzjonijiet li l-industrija [tal-Unjoni] tkun esposta għal kollox għall-effett ta’ ħsara possibbli minn importazzjonijiet suġġetti għal dumping kieku t-tendenza ekonomika kellha tinqaleb (premessa 89 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermat mill-Kunsill fil-premessa 47 tar-Regolament ikkontestat), huwa jippermetti li tiġi ddeterminata, skont il-każ, sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għall-futur. Dan il-fatt huwa, għaldaqstant, ineffettiv sabiex jiġi konkluż li l-industrija [tal-Unjoni] kienet tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-elementi mqajma mill-Kunsill fl-atti tiegħu bil-miktub quddiem il‑Qorti Ġenerali, dwar l-informazzjoni ekonomika ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, u għall-konklużjonijiet li l-Kunsill jislet dwar id‑degradazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija [tal-Unjoni]”. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali enfasizzat, b’mod partikolari b’riferiment għas‑sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C-245/95 P, EU:C:1998:46, punt 43), “li l-fatt invokat mill-istituzzjonijiet dwar id‑deterjorazzjoni tal-kuntest ekonomiku diġà ġie kkunsidrat, mill-qrati tal-Unjoni, li huwa bbażat fuq ksur ta’ liġi, sa fejn ir-Regolament bażiku jipprovdi espressament, fil-parti tiegħu relattiva għall-analiżi tal-ħsara, li fatturi bħat-tnaqqis fit-talba ma għadhom jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping […]”.
129.
Min-naħa tiegħu, il-punt 69 tas-sentenza appellata jaqa’ fil‑kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara sostnuta mill‑istituzzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ informazzjoni ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tfakkar hawn hekk, minn naħa, li l-imsemmija informazzjoni “tikkonferma l-previżjoni tal‑istituzzjonijiet rigward it-tnaqqis tas-suq [tal-Unjoni]”, u min-naħa l‑oħra tinnota li “b’mod partikolari, l-elementi riprodotti fil-premessa 51 tar-regolament [ikkontestat] juru li l-konsum tal-Komunità kien naqas b’27.7 % bejn l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2008 u x-xahar ta’ Marzu 2009”. Hija tenfasizza madankollu, billi tirreferi għall-punt 63 tas-sentenza appellata, “fatturi ta’ ħsara bħat‑tnaqqis tat-talba ma għandhomx jiġu attribwiti lill‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping”.
130.
Għandu jitfakkar li ma huwiex ikkontestat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jippreċiża li l-fatturi magħrufa, għajr l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, li jikkawżaw ħsara lill‑industrija tal-Unjoni għandhom jiġu eżaminati b’mod li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma tkunx attribwita lill‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Fost dawn il-fatturi l-oħra, elenkati b’mod mhux eżawrjenti fit-tieni sentenza tal‑Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, hemm it-tnaqqis tat-talba.
131.
Għalhekk l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk il-ħsara li huma għandhom il-ħsieb li jieħdu inkunsiderazzjoni tirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u li jinjoraw kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra ( 25 ), bħat‑tnaqqis tat-talba jew, b’mod iktar ġenerali, ir-reċessjoni fl‑industrija ( 26 ).
132.
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C-245/95 P, EU:C:1998:46 punt 43), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l‑evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, imwettqa fil-punti 98 u 99 tas‑sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill (T‑163/94 u T‑165/94, EU:T:1995:83), li tipprovdi li l-projbizzjoni li jiġu attribwiti lill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping l-effetti negattivi ta’ fatturi oħra, bħat-tnaqqis tat-talba, tapplika wkoll fil-kuntest tal-analiżi tat‑theddida ta’ ħsara.
133.
Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta fakkret dan il-prinċipju fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata.
134.
Madankollu, il-partijiet fl-appelli jsostnu li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-istituzzjonijiet kellhom jattribwixxu lill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping il-ħsara li tirriżulta mit‑tnaqqis tat-talba. It-tnaqqis imminenti tat-talba ittieħed inkunsiderazzjoni biss bħala fatt li fid-dawl tiegħu t-theddida ta’ ħsara kellha tkun eżaminata.
135.
Anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, jiena nqis li tali lment huwa ineffettiv.
136.
Fil-fatt, fir-rigward tal-punt 63 tas-sentenza appellata, l‑evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienet prinċipalment miċħuda mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-eżami tal-fatturi elenkati fil-punt 59 tas‑sentenza appellata. It-tnaqqis futur jew prevedibbli tat-talba għal perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma jistax fi kwalunkwe każ jissostanzja l-konstatazzjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, kif essenzjalment iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali fl-ewwel u t‑tieni sentenza tal-punt 63 tas-sentenza appellata.
137.
Fir-rigward tal-punt 69 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tat-talba futura ma jistax jippermetti, waħdu, li l‑istituzzjonijiet jikkonkludu l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali fis-sens tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku kkawżata mill‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping. Fi kwalunkwe każ, b’mod partikolari mill-punti 72, 83 u 87 tas-sentenza appellata, li kif ser ikun eżaminat iktar ’l isfel, jirrigwardaw l-eżami tal-fatturi sostnuti mill‑istituzzjonijiet sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ tali theddida, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt tat-tnaqqis tat-talba fl‑Unjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni.
138.
Għalhekk, jiena nipproponi li l-aggravji bbażati fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu miċħuda.
C – Fuq it-tielet aggravju tal-Kunsill u t-tieni aggravju u t‑tieni parti tat-tielet aggravju ta ’ ArcelorMittal et, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 3(9) u 6(1) tar-Regolament bażiku u fuq żbalji fir-rigward tal-eżami tal-fatturi relatati mat-theddida ta ’ ħsara
1. Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet
139.
Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat fil‑punt 92 tas-sentenza appellata, li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludew dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara f’dan il-każ.
140.
Għalkemm il-Kunsill jammetti li l-analiżi ta’ theddida ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq fatti u fuq l-imminenza ta’ tibdil taċ‑ċirkustanzi, din l-analiżi hija neċessarjament prospettiva. Għalhekk, l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu żbaljati dwar il-futur mingħajr ma jwettqu żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom li jevalwaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Skont il-Kunsill, huwa essenzjali, li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-evalwazzjoni kumplessa ta’ avvenimenti futuri jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil‑kuntest tal-politika ta’ difiża kummerċjali.
141.
Il-Kunsill ifakkar li l-eżami tal-fatturi speċifiċi previsti fl‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku wera “sitwazzjoni mħallta” fir‑rigward tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. Fid-dawl tal‑formulazzjoni preċiża ta’ din id-dispożizzjoni u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huma għandhom fi kwistjonijiet ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati jużaw din is‑setgħa sabiex jikkonkludu dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara.
142.
Il-Kunsill jispjega li huwa preċiżament fir-rigward tan-natura “mħallta” tas-sitwazzjoni fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni li, b’mod mhux tas-soltu, iżda fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, l‑istituzzjonijiet komplew, f’dan il-każ, jissorveljaw is-sitwazzjoni tas‑suq Komunitarju matul il-perijodu ta’ wara l-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, billi ffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq it-tibdil taċ‑ċirkustanzi u l-indikaturi ekonomiċi prinċipali.
143.
Dwar dan il-fatt, l-istituzzjonijiet ma żbaljawx dwar il-futur. Fil‑fatt, il-Kunsill jenfasizza li l-informazzjoni relatata mal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni turi li s-suq kien beda jiċkien, ħaġa li tikkostitwixxi element determinanti għal konklużjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara fil-mument li fih saret l-evalwazzjoni. Il-konsum tal‑Unjoni kien beda jonqos b’mod sinjifikattiv, u b’mod iktar mgħaġġel milli previst fir-Regolament provviżorju, peress li kien naqas bi 30 % mill-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni sa Marzu 2009. Barra minn hekk, l-informazzjoni relatata mal-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni tikkonferma li s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li joriġinaw miċ-Ċina kien żdied bi 18 %, li jikkonferma l-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament provviżorju. Fl‑aħħar nett u fuq kollox, il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ir‑rata tal-użu tal-kapaċitajiet tal-kumpanniji tal-kampjun, il-bejgħ fis‑suq Komunitarju, kif ukoll il-profitt naqsu sostanzjalment matul il‑perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.
144.
Għalhekk, il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta fil-punt 91 tas-sentenza appellata kkunsidrat li hemm inkonsistenzi u lakuni fl-evalwazzjoni globali tal-fatturi previsti fl-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku, magħmula fir-Regolament ikkontestat.
145.
ArcelorMittal et jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali kisret kemm l‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess regolament billi bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-inkonsistenzi bejn l‑informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni u dawk miġbura matul dan il-perijodu. Anki fil-kuntest tal-eżami ta’ theddida ta’ ħsara, l-użu ta’ tali informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma huwiex żbaljat għaliex din tirrifletti l-aġir tal-produtturi kkonċernati wara l-bidu tal-proċedura antidumping. Tali informazzjoni għandha tintuża biss jekk turi li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping huwa manifestament inadegwat. Dan ma huwiex il-każ.
146.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ArcelorMittal et iqisu li ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx awtorizzat janalizza l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, huwa irrilevanti li din l-informazzjoni tikkonferma l-previżjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju abbażi tal-informazzjoni tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, anki jekk il-Kunsill ikkonkluda b’mod żbaljat li l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni tikkonferma l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tar‑Regolament ikkontestat.
147.
Barra minn hekk, ArcelorMittal et jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet serje ta’ żbalji ta’ liġi meta hija eżaminat il-fatturi previsti mill-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku u sostnuti mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jikkonstataw theddida ta’ ħsara.
148.
Din il-kritika tirrigwarda t-tliet fatturi kkunsidrati mill‑istituzzjonijiet u eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 sa 90 tas-sentenza appellata. Dawn ser ikunu ppreżentati b’mod iktar iddetaljat fil-kuntest tal-eżami ta’ kull wieħed mill-fatturi inkwistjoni (ara, l-punti 199, 219 u 238 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rispettivament).
149.
Hubei targumenta, prinċiparjament, li dawn l-aggravji huma inammissibbli. Minn naħa waħda, billi jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, l‑appellanti jipprovaw jintroduċu aggravju li jwessa’ s-suġġett tat-tilwima fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kritika ta’ ArcelorMittal et dwar l-eżami magħmul mill-Qorti Ġenerali tal-fatturi previsti fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, din hija intiża sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tal-ewwel istanza, li ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal‑appell.
150.
Sussidjarjament, Hubei ssostni li dawn l-aggravji huma infondati. Hija tippreċiża qabelxejn li l-analiżi tat-theddida ta’ ħsara ma teħtieġx li l-istituzzjonijiet jevalwaw avvenimenti futuri. L-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku jistabbilixxi b’mod ċar li l-analiżi għandha tkun ibbażata fuq fatti u “mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota”. F’dan ir-rigward, Hubei tenfasizza li l-Kunsill jammetti li l‑analiżi tal-istituzzjonijiet turi, l-iktar l-iktar, “sitwazzjoni mħallta” dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara. Madankollu, huwa ma stabbilixxiex li l-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest il-provi sottomessi lilha jew li wettqet żball ta’ liġi.
151.
Imbagħad, Hubei tqis li l-Qorti Ġenerali kienet perfettament awtorizzata tistħarreġ l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni peress li din l-informazzjoni kienet invokata u użata mill-istituzzjonijiet, bla ħsara li d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet jevitaw l-istħarriġ ġudizzjarju. Kif inhu l-każ f’dan il-każ, din l‑informazzjoni hija marbuta b’mod intrinsiku mal-evalwazzjoni ġenerali ta’ theddida ta’ ħsara u ma tistax tkun disassoċjata minn din l‑analiżi ladarba hija turi li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping huwa manifestament inadegwat.
152.
Barra minn hekk, Hubei targumenta li l-istituzzjonijiet ma jistgħux sempliċiment jużaw il-previżjonijiet magħmula f’regolament provviżorju għar-raġuni li dawn kienu korretti fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Huma għandhom jivverifikaw jekk dawn il‑previżjonijiet għadhomx eżatti fil-mument tal-adozzjoni tar‑regolament definittiv, fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali disponibbli u tal-argumenti mressqa matul l-investigazzjoni tagħhom.
153.
Fl-aħħar nett, Hubei tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta hija eżaminat il-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, Hubei tfakkar li, fid-dawl tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, żieda ta’ 0.7 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma tistax tikklassifika bħala żieda “sostanzjali” fis-sens ta’ dan l-artikolu.
2. Analiżi
154.
Hemm żewġ kwistjonijiet essenzjali fil-qalba ta’ dawn l-aggravji mqajma mill-partijiet fl-appelli.
155.
Minn naħa waħda, huma intiżi sabiex jivverifikaw jekk huwiex ġust li l-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-konstatazzjonijiet relatati mat-theddida ta’ ħsara fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti għal perijodu ta’ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, u f’każ ta’ risposta pożittiva, għandu jiġi determinat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta hija vverifikat l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar l-eżami tal-erba’ fatturi elenkati fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
156.
Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel għandhom jiġu skartati l‑eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ dawn l-aggravji mressqa minn Hubei.
a) Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn Hubei
157.
Infakkar li Hubei teċċepixxi, fl-ewwel lok, in-natura ġdida tal‑aggravju bbażat fuq l-iżball ta’ liġi fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-informazzjoni ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni sabiex tevalwa l-legalità tal‑konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara.
158.
Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. Għalhekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha l-kompetenza esklużiva, biex tevalwa jekk l‑argumentazzjoni kontenuta fl-appell tidentifikax żball ta’ liġi li jivvizzja lis-sentenza appellata ( 27 ).
159.
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni sabiex tirrispondi għall-ilment ta’ Hubei bbażat, fl-ewwel istanza, fuq kontradizzjonijiet eżistenti bejn il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet u l-informazzjoni ekonomika rilevanti. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq motiv diskuss quddiemha billi kkunsidrat din l-informazzjoni u li din l‑evalwazzjoni tippreġudika lill-appellanti, dawn tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, neċessarjament jistgħu jikkritikaw il‑fondatezza tas-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti Ġenerali.
160.
Fit-tieni lok, Hubei ssostni li l-kritika ta’ ArcelorMittal et kontra l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali tal-erba’ fatturi previsti fl‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku hija inammissibbli peress li hija intiża esklużivament sabiex jintalab li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti.
161.
Mingħajr ma hemm bżonn, f’dan l-istadju, li jiġu analizzati l‑argumenti mressqa minn ArcelorMittal et, huwa evidenti, minn naħa li l-oġġezzjoni ta’ Hubei l-iktar l-iktar tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tal-aggravji tagħhom taħt eżami. Min-naħa l-oħra, peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell hija limitata għal kwistjonijiet ta’ liġi, huwa biss bla ħsara ta’ tali klassifikazzjoni li l-kritika magħmula minn ArcelorMittal et għandha tiġi eżaminata.
162.
Peress li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ Hubei ġew skartati, hemm lok li jiġi vverifikat qabelxejn jekk, kif isostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikoli 3(9) u 6(1) tar-Regolament bażiku billi ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, sabiex tistħarreġ il-legalità tal-konstatazzjoni tal‑istituzzjonijiet li kienet teżisti theddida ta’ ħsara fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.
b) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni sabiex tistħarreġ il‑legalità tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara
163.
Sabiex jiġi eżaminat dan l-ilment, għandhom qabelxejn jitfakkru l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara magħmula mill-istituzzjonijiet.
164.
Kif diġà indikajt, fil-kuntest tat-theddida ta’ ħsara, il-materjalità ta’ ħsara tkun, skont id-definizzjoni, (għadha) ma seħħitx.
165.
Għalhekk, kif jammetti l-Kunsill, il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara teħtieġ mhux biss l-istabbiliment tal-fatti, iżda wkoll analiżi tal-probabbiltà li avvenimenti futuri (prevedibbli u imminenti, skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku) iseħħu u joħolqu sitwazzjoni li fiha l-ħsara timmaterjalizza mingħajr l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping. Bħala eżempju, sabiex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw jekk teżistix rata ta’ tkabbir sostanzjali fl-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni “li tindika ż-żieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet” [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(9)(a) tar‑Regolament bażiku].
166.
Huwa evidenti li tali analiżi prospettiva tinkludi numru ta’ inċertezzi dwar jekk iseħħux avvenimenti futuri iżda timplika wkoll ir‑riskju li tesponi lill-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi għall‑adozzjoni ta’ miżuri arbitrarji ta’ natura purament protezzjonista ( 28 ).
167.
Għalkemm fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l‑istituzzjonijiet, l-inċertezzi jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ġenerali jiġu ttollerati, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, qasam fejn l-analiżi prospettiva hija meħtieġa, li tali analiżi għandha ssir b’“attenzjoni kbira”, preċiżament għaliex teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà pjuttost qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata ( 29 ).
168.
Fl-opinjoni tiegħi, huwa f’dan il-kuntest li għandu jinftiehem, f’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ informazzjoni ta’ wara il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, dan jirrigwarda l-evalwazzjoni dwar jekk fil-mument tal-adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat, il-previżjonijiet, inklużi fir-Regolament provviżorju, dwar il-probabbiltà li jseħħu avvenimenti li jwasslu għal theddida ta’ ħsara anki jekk ma jiġix ikkonfermat li ma ġiet adottata ebda miżura ta’ difiża.
169.
Din il-verifika timplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, b’tali mod li l‑istituzzjonijiet ma jibbażawx biss fuq il-previżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni ekonomika preċedenti ta’ iktar minn sena qabel id-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat ( 30 ).
170.
Barra minn hekk dan huwa dak li jirriżulta, essenzjalment, mill‑premessa 57 tar-Regolament ikkontestat li tipprovdi li l-Kunsill irrileva li fil-kuntest ta’ theddida ta’ ħsara, l-awtorità responsabbli mill‑investigazzjoni hija “intitolata li tivverfika li l-avvenimenti li seħħew wara tmiem il-PI jikkonfermaw is-sejbiet ta’ theddida ta’ dannu li saru fl-istadju provviżorju”.
171.
Dan l-approċċ jidher li huwa assolutament legali u adegwat.
172.
Fuq il-pjan tal-legalità, huwa minnu li l-Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku, li jirrigwarda l-investigazzjoni tad-dumping u tal-ħsara, jipprovdi li “[i]nformazzjoni li għandha x’taqsam ma perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata”.
173.
Kif isemmu ArcelorMittal et, ir-regola tal-Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku li tipprovdi li informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni normalment ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi li r-riżultati tal-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli, billi jiġi żgurat li l-elementi li fuqhom tkun ibbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tal-ħsara ma jkunux influwenzati mill-aġir tal-produtturi kkonċernati sussegwenti għall-ftuħ tal-proċedura antidumping ( 31 ).
174.
Madankollu, jiena nqis, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, f’ċertu numru ta’ kawżi, li bl-użu tal-avverb “normalment”, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jawtorizza lill‑istituzzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni tal-perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni u jeħtieġ ukoll l-eżami ta’ tali informazzjoni meta dawn jistgħu jirrilevaw żviluppi ġodda li jirrendu manifestament inadegwata l-impożizzjoni prevista ta’ dazju antidumping ( 32 ).
175.
F’dan il-każ, sa fejn, minn naħa, l-eżami tat-theddida ta’ ħsara jimplika analiżi ta’ natura prospettiva u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali theddida, bħal dik ta’ ħsara attwali, għandha tkun stabbilita fil‑mument fejn tiġi adottata ( 33 ) miżura ta’ difiża (provviżorja jew definittiva), jiena nqis li huma l-istituzzjonijiet li għandhom jivverifikaw jekk, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dazju antidumping definittiv, il-previżjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi magħmula fir‑Regolament provviżorju humiex ikkonfermati u jistgħux jiġġustifikaw l-istabbilitment ta’ dan id-dazju antidumping definittiv.
176.
Minn din il-perspettiva u fil-kuntest tat-theddida ta’ ħsara, l‑istituzzjonijiet huma għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss awtorizzati, iżda mistiedna b’mod qawwi jieħdu inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.
177.
L-istituzzjonijiet għandhom, f’dan il-kuntest, ikunu awtorizzati jeżaminaw jekk tali informazzjoni hijiex rappreżentattiva u affidabbli biżżejjed u jekk dan ma huwiex il-każ, jispjegaw ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jiddubitawha u jekk ikun il-każ, jiskartawha kollha jew parzjalment.
178.
F’dan il-każ, mill-proċess ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet kellhom dubji dwar ir-rappreżentattività u l-affidabbiltà tal‑informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni li fuqha huma bbażaw ruħhom.
179.
Ladarba l-istituzzjonijiet ħadu legalment inkunsiderazzjoni informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, li huma jqisu rappreżentattiva u affidabbli, li ma kienx ikkuntestat, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata għax ivverifikat jekk dawn l-istituzzjonijiet ikkunsidrawx b’mod ġust li l-imsemmija informazzjoni tikkonferma l‑previżjonijiet magħmula fir-Regolament provviżorju dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara.
180.
Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom isostnu l-appellanti, l-użu ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni mill-istituzzjonijiet ma jistax jevita l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, kif diġà ntqal fil-punt 64 iktar ’il fuq, dan l-istħarriġ għandu jinkludi dak tal-interpretazzjoni tal-informazzjoni ta’ natura ekonomika mill-istituzzjonijiet, inkluż id-dmir li jivverifikaw l‑eżattezza tal-provi sostnuti minnhom, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux kollha flimkien l-informazzjoni rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li ttieħdu abbażi tagħhom.
181.
Barra minn hekk tali stħarriġ jidhirli li huwa iktar neċessarju fir‑rigward tal-analiżi prospettiva meħtieġa għall-eżami tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara ( 34 ).
182.
Jiena naċċetta, kif sostna l-Kunsill, li l-istituzzjonijiet jistgħu jiżbaljaw dwar il-futur, mingħajr ma neċessarjament iwettqu żbalji ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni.
183.
Madankollu, sa mill-mument fejn dawn l-istituzzjonijiet ġustament jieħdu inkunsiderazzjoni provi ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara u jimponu dazju antidumping definittiv, il-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tiżgura li tali provi huma, kif trid il-liġi, kapaċi li jikkorroboraw il‑previżjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ difiża provviżorji.
184.
Għalhekk, fil-mument li l-Kunsill jadotta regolament li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv, jiena ma naħsibx li, jekk il-provi sussegwenti għal perijodu ta’ investigazzjoni ma jikkorroborawx l-analiżi prospettiva magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tar‑Regolament provviżorju, il-Kunsill huwa xorta awtorizzat, kif jallega, jirrikorri għal marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara u jadotta dazju antidumping definittiv.
185.
Din il-konvinzjoni hija bbażata fuq serje ta’ kunsiderazzjonijiet.
186.
Fl-ewwel lok, kif diġà indikajt fil-punt 173 iktar ’il fuq, l‑eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, bħal dik ta’ ħsara attwali, għandha tkun stabbilita fil-mument tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ difiża, kemm jekk hija provviżorja jew definittiva. Jekk il-provi ma jikkonfermawx il‑previżjonijiet inizjali tal-Kummissjoni, it-twettiq ta’ ħsara materjali jitbiegħed u ma jidhirlix li l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping tkun iġġustifikata.
187.
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jeżiġi li l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara materjali tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjoni, tbassir jew possibilità remota u l-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn id‑dumping jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti.
188.
Fit-tielet u l-aħħar lok, jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kunsill, dan iwassal fl-aħħar mill-aħħar sabiex l-istituzzjonijiet jingħataw id‑dritt li jadottaw miżuri ta’ difiża arbitrarji, purament ta’ protezzjoni. Madankollu, ir-Regolament bażiku ma jipprojbixxix id-dumping fih innifsu, iżda biss id-dumping li joħloq jew jhedded li joħloq ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, jiena nqis li, jekk il-provi ma jistgħux jikkonkludu bi grad ta’ probabbiltà għoli biżżejjed li teżisti theddida ta’ ħsara materjali, l-istituzzjonijiet, anki fi stadju tal-adozzjoni ta’ regolament antidumping definittiv, għandhom sempliċement inisslu l-konsegwenzi u jastjenu milli jadottaw il-miżuri ta’ difiża definittivi inizjalment previsti.
189.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kisret la l-Artikolu 3(9) u lanqas l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku billi ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-konstatazzjoni tal‑istituzzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara li dawn l‑istituzzjonijiet stess kienu ħadu inkunsiderazzjoni fir-Regolament ikkontestat.
190.
F’dan il-punt għandu jiġi eżaminat jekk, kif jallegaw ArcelorMittal et, il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi billi vverifikat l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet relatata mal-eżami tal-erba’ fatturi elenkati fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
c) Fuq l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tal‑evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet relatati mal-eżami tal-erba’ fatturi elenkati fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku
191.
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jelenka erba’ fatturi mhux eżawrjenti li l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw sabiex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara materjali.
192.
Kif ġabrithom fil-qosor il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, dawn il-fatturi jkopru l-iżvilupp tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(a)], id‑disponibbiltà tal-kapaċità ħielsa tal-esportaturi [(b)], il-prezzijiet tal‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping [(ċ)] u l-livell tal-inventarji disponibbli tal-prodott inkwistjoni [(d)].
193.
It-tielet paragrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jippreċiża li ebda wieħed mill-fatturi ma jikkostitwixxi neċessarjament gwida deċiżiva, iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.
194.
F’dan il-każ, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas‑sentenza appellata, l-istituzzjonijiet eżaminaw l-ewwel tliet fatturi, billi l-Kunsill ikkunsidra, essenzjalment, li l-livell tal-inventarji ma kienx determinanti fl-analiżi tat-theddida ta’ ħsara.
i) Fuq l-iżbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżami tal-ewwel fattur [it‑tieni paragrafu tal-Artikolu 3(9)(a) tar-Regolament bażiku]
– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
195.
Fir-rigward tal-ewwel fattur meħud inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet u eżaminat mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar fakkret qabelxejn, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-previżjonijiet tal‑Kummissjoni, ikkonfermati fir-Regolament ikkontestat, li jipprovdu li “[i]s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping huwa lest biex jiżdied [u] il-pressjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq is-suq tal-Komunità x’aktarx li tiżdied sostanzjalment”.
196.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont l-informazzjoni riprodotta fir-Regolament ikkontestat, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina esperjenza, matul il-perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni, tnaqqis kbir f’termini assoluti (tnaqqis ta’ 24.6 %) filwaqt li, f’termini relattivi, iż-żieda tas-sehem tas-suq korrispondenti għall-imsemmija importazzjonijiet iddgħajfet, b’0.7 punt perċentwali fuq dan il-perijodu (punt 73 tas-sentenza appellata).
197.
Skont ir-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għalhekk teżisti differenza notevoli bejn il-previżjonijiet tal‑Kummissjoni fl-istadju tar-Regolament provviżorju u l‑informazzjoni ekonomika tal-perijodu ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni, li ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tar‑Regolament ikkontestat. Filwaqt li fakkret li skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, l-ewwel fattur jeħtieġ rata sinjifikattiva ta’ żieda fl-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li tindika ż-żieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑affermazzjonijiet stess tal-Kunsill fir-Regolament ikkontestat, li l‑importazzjonijiet miċ-Ċina “żiedu b’kemxejn” matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma humiex sostnuti mill‑konstatazzjoni li f’dan il-każ teżisti probabbiltà ta’ żieda “sostanzjali” fl-importazzjonijiet suġġetti għal dumping. Il-Qorti Ġenerali poġġiet ukoll fil-perspettiva ż-żieda ta’ 0.7 punti perċentwali tas-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina mat-tnaqqis ta’ 0.1 punt perċentwali tas-sehem tas-suq tal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (punt 78 tas‑sentenza appellata).
198.
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel fattur jippreżenta inkonsistenzi bejn il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat, u l-informazzjoni rilevanti għal perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni (punt 91 tas‑sentenza appellata).
– Ġabra fil-qosor tal-argumenti ta’ ArcelorMittal et
199.
Essenzjalment, ArcelorMittal et isostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku billi llimitat ruħha għall-identifikazzjoni ta’ inkonsistenzi u mhux ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-volum tal‑importazzjonijiet miċ-Ċina. Huma jallegaw ukoll li Qorti Ġenerali ma eżaminatx parti mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 68 tar‑Regolament ikkontestat u li hija ma hijiex kompetenti sabiex tiddetermina jekk il-grad ta’ żieda tas-sehem tas-suq tal‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping huwiex “suffiċjenti”.
– Evalwazzjoni
200.
Fl-opinjoni tiegħi, l-argument ta’ ArcelorMittal et għandu jiġi miċħud.
201.
Qabelxejn, kif jindika espliċitament il-punt 92 tas-sentenza appellata, huwa b’mod partikolari fir-rigward tal-“provi kollha” li jirrigwardaw l-eżami tat-tliet fatturi li jippermettu li tiġi ddeterminata l‑eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑Kunsill kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
202.
ArcelorMittal et għamlu għalhekk qari żbaljat tas-sentenza appellata meta sostnew li l-Qorti Ġenerali bbażat biss fuq l‑inkonsistenzi marbuta mal-ewwel fattur relatat mal-volum tal‑importazzjonijiet sabiex tikkonstata li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
203.
Imbagħad, kif jiena diġà indikajt, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali hija awtorizzata li tagħmel jinkludi dak tal-interpretazzjoni tal‑informazzjoni ekonomika sostnuta mill-istituzzjonijiet, inkluż il‑verifika tal-koerenza tal-provi u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet magħmula abbażi tagħhom.
204.
Għalhekk l-eżami li għandha tagħmel il-Qorti Ġenerali, b’mod evidenti, ma jirrigwardax biss l-iżball manifest tal-evalwazzjoni li bih huwa vvizzjat ir-Regolament ikkontestat, iżda wkoll, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni legali tal-fatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mkien ma hija marbuta li tidentifika tip ta’ żball partikolari, bħal żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-fatturi b’mod individwali, sabiex tikkonstata, jekk ikun il-każ, ksur tal‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. Mill-banda l-oħra, tali żball jista’ jirriżulta minn eżami ġenerali tal-fatturi kollha meħuda inkunsiderazzjoni.
205.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi fakkret it-termini tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku fir‑rigward tal-ewwel fattur li jipprovdu, essenzjalment li l-probabbiltà ta’ żieda tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping għandha tkun sostanzjali u billi vverifikat jekk il-provi, inklużi l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, użati mill-Kunsill insostenn tal‑konklużjoniet li wasslet għaliha din l-istituzzjoni fir-Regolament ikkontestat.
206.
Fl-aħħar nett, dwar iż-żieda relatata man-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ ċerti partijiet mill-premessi 68 tar-Regolament ikkontestat, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, f’din il-premessa, il-Kunsill jargumenta li “l-livell ta’ importazzjonijiet Ċiniżi jaf jitqies bħala element ta’ theddida ta’ dannu anki fil-każ li l-volumi jibdew jonqsu proporzjonalment iktar mit-tnaqqis fil-konsum, billi l-preżenza minnha nfisha ta’ volumi sostanzjali ta’ prodotti Ċiniżi bi prezzijiet irħas f’kuntest ta’ konsum li jkun qed jonqos teżerċita pressjoni qawwija ’l isfel fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet fis-suq”. Il-Kunsill żied li, “[f]i kwalunkwe każ, l-ebda fattur waħdieni msemmi fl-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku ma jista’ neċessarjament jservi ta’ gwida deċiżiva dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu. Minflok, jeħtieġ li l‑fatturi kollha jitqiesu fit-totalità tagħhom”.
207.
Huwa minnu li kif jindikaw ArcelorMittal et, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda evalwazzjoni fir-rigward ta’ partijiet mill‑premessa inkwistjoni tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li l-Qorti Ġenerali sostniet ir-raġunament tagħha fuq partijiet oħra tal-istess premessa, b’mod partikolari, dawk relatati mal-informazzjoni ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni.
208.
Madankollu ma naħsibx li l-ommissjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali tista’ twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.
209.
Fir-rigward tal-aħħar parti tal-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma kellha l‑ebda obbligu speċifiku li tirrispondi għal dan il-punt peress li hija mkien ma kkonkludiet ksur ta’ dan l-artikolu mill-Kunsill iżda biss inkonsistenzi marbuta mal-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-ewwel fattur.
210.
Fir-rigward tal-parti immedjatament preċedenti għal premessa 68 tar-Regolament ikkontestat, minn qari sempliċi tagħha, jirriżulta li din tikkostitwixxi sempliċi ipoteżi teoretika, kif juri l-użu kundizzjonali tal‑verb “jista’”, diġà fformulat fl-istadju tar-Regolament provviżorju u ppreżentat bħala prova eventwali ta’ theddida ta’ ħsara fil-futur.
211.
Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali għandha timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat li jimplika li hija obbligata twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat minn xi parti, b’mod partikolari jekk ma kinux ta’ natura ċara u preċiża biżżejjed u ma kinux ibbażati fuq provi ċirkustanzjali ( 35 ). It-theddida ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq fatti u bdil taċ-ċirkustanzi prevedibbli u imminenti u ArcelorMittal et imkien ma targumenta li l-provi ċirkustanzjali ta’ din l-ipoteżi tressqu, b’mod partikolari fil-kuntest tat‑teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni mill-istituzzjonijiet jew quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jidhirlix li din tal-aħħar kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-imsemmija ipoteżi waqt il-verifika tan-natura konvinċenti biżżejjed tal-analiżi magħmula mill-istituzzjonijiet tal‑informazzjoni ekonomika fir-rigward tal-ewwel fattur previst fit‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(a) tar-Regolament bażiku.
212.
Għalhekk jien nipproponi li l-ilment ta’ ArcelorMittal et fir‑rigward tal-imsemmi fattur għandu jiġi miċħud.
ii) Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mat-tieni fattur, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku
213.
It-tieni fattur, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku, jirrigwarda “kapaċità libera biżżejjed ta’ l‑esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żieda ta’ dumping ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn il-Komunità, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali”.
– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
214.
Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabelxejn irrilevat li l-istituzzjonijiet kienu analizzaw il-kapaċità ħielsa tal‑produzzjoni nnifisha u r-riskju tad-direzzjoni mill-ġdid tal‑esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni.
215.
Imbagħad fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, li, meta l-istituzzjonijiet jevalwaw riskju li l-esportazzjonijiet jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-eżistenza ta’ swieq oħra ta’ esportazzjoni iżda wkoll l-iżvilupp possibbli tal-konsum intern fil‑pajjiż esportatur.
216.
Wara li nnotat li l-Kummissjoni tipprovdi, fir-Regolament provviżorju, kif ikkonfermat mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat mingħajr ebda element addizzjonali, li jista’ jiġi mistenni li parti sinjifikattiva tal-kapaċità żejda maħluqa dan l-aħħar fiċ-Ċina tkun diretta lejn is-suq Ewropew (punt 82 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-istituzzjonijiet “ma ħadux inkunsiderazzjoni ‘d‑disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali’, bħalma madankollu jeħtieġ l-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku”. Għalkemm, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Kummissjoni kienet semmiet l-Istati Uniti, l-Alġerija u l‑Korea ta’ Isfel sabiex turi x’parti jirrappreżentaw dawn il-pajjiżi fl‑esportazzjonijiet totali Ċiniżi u invokat li għandu jkun mistenni tnaqqis sinjifikattiv b’mod partikolari tas-suq tal-Istati Uniti, il-Qorti Ġenerali madankollu tinnota li “[e]bda data preċiża ma ġiet ipprovduta għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-imsemmija swieq u tal-kapaċità possibbli tagħhom li jassorbu esportazzjonijiet addizzjonali”. Hija żżid li “jekk, bħalma jaffermaw l-istituzzjonijiet, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fiċ-Ċina kif ukoll il-volumi għall-esportazzjoni żdiedu (premessa 118 tar-Regolament provviżorju) u li, fl-istess ħin, is-sehem tat-tliet pajjiżi msemmija iktar ’il fuq fit-total tal-esportazzjonijiet Ċiniżi żdied, bħalma jirriżulta mill-premessa 119 tar-Regolament provviżorju, dan ifisser li l-volumi ta’ esportazzjoni lejn dawn it-tliet pajjiżi żdiedu huma wkoll”. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l‑konklużjoni tal-Kummissjoni dwar id-direzzjoni tal-esportazzjonijiet lejn is-suq Ewropew għandha titpoġġa fil-perspettiva mal-fatt li l‑istituzzjonijiet ipprevedew tnaqqis nett tat-talba fis-suq tal-Unjoni, element li kien nieqes fl-analiżi tal-istituzzjonijiet (punt 83 tas-sentenza appellata).
217.
Fl-aħħar nett, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-istituzzjonijiet fl-ebda mument ma invokaw, minn naħa, is-suq intern Ċiniż u l-impatt possibbli ta’ dan is-suq fuq il‑possibbiltà li jassorbi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni addizzjonali, u, min-naħa l-oħra, l-għajbien konkominanti tal-kompetituri Russi u Ukreni li huma l-kompetituri l-iktar diretti f’termini ta’ prezzijiet, milquta minn dazji antidumping sa mill-2006, li jista’ jispjega, tal-inqas parzjalment, iż-żieda tal‑perċentwali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni matul il‑perijodu kkunsidrat.
218.
Għalhekk il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-analiżi tal‑istituzzjonijiet dwar it-tieni fattur għandha “lakuni fir-rigward tal‑elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni” (punt 91 tas-sentenza appellata).
– Ġabra fil-qosor tal-argumenti ta’ ArcelorMittal et
219.
Essenzjalemnt, Arcelor Mittal et jinnotaw li l-Qorti Ġenerali ma xejnitx il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 117 tar-Regolament provviżorju li jipprovdu li teżisti kapaċità sinjifikattiva disponibbli fiċ‑Ċina, li hija biżżejjed sabiex jiġi issodisfatt it-tieni fattur previst fit‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku. Huwa żbaljat ukoll li hija ddeċidiet, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li l‑analiżi tal-istituzzjonijiet għandha lakuni għaliex dawn tal-aħħar ma eżaminawx il-kapaċità tas-suq intern li jassorbi l-kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali. Madankollu, tali analiżi saret fil-premessi 69 u 70 tar-Regolament ikkontestat. Fl-aħħar nett, kien meħtieġ mill‑istituzzjonijiet li jipprovdu “data preċiża” fir-rigward tal-kapaċità ta’ swieq oħra għall-esportazzjoni li jassorbu l-esportazzjonijiet addizzjonali, li ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, mhux iktar mir-raġunijiet li jirrigwardaw iż-żieda tal‑esportazzjonijiet suġġetti għal dumping lejn l-Unjoni.
– Evalwazzjoni
220.
It-tieni fattur previst fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, eżami f’żewġ stadji. Fir-rigward tal-ewwel stadju, l-istituzzjonijiet għandhom jivverifikaw jekk teżistix “kapaċità libera biżżejjed ta’ l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żieda ta’ dumping ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn il-Komunità”. Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju, l-istituzzjonijiet ivverifikaw jekk il-kapaċità tal-produzzjoni attwali, dik “liberament disponibbli” jew iż-żieda imminenti u sostanzjali ta’ din il-kapaċità fil-pajjiżi ta’ esportazzjoni tistax tkun dovuta għall-iżvilupp tat-talba fl-istess pajjiżi. Fit-tieni stadju, jekk hija probabbli żieda sostanzjali tal-esportazzjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom “[jieħdu inkunsiderazzjoni] d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu [dawn l-]esportazzjonijiet addizzjonali”.
221.
Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ArcelorMittal et, is‑sempliċi fatt li kapaċità sinjifikattiva tal-esportazzjoni tkun liberament disponibbli fil-pajjiżi għall-esportazzjoni ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex jiġi konkluż li dan il-fattur huwa ssodisfat; anki jekk din il-kapaċità “turi l-probabblità ta’ żieda sostanzjali tal‑esportazzjonijiet” suġġetti għal dumping lejn is-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma xejnitx il-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 117 tar-Regolament ikkontestat huwa ineffettiv.
222.
Mill-banda l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ArcelorMittal et għandhom raġun jiddikjaraw, billi jikkritikaw il-punt 85 tas-sentenza appellata, li r‑raġunijiet għaż-żieda tal-esportazzjonijiet huma irrilevanti għall‑verifika tal-fattur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku.
223.
Madankollu, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dan ir‑rigward ma għandux konsegwenzi fuq il-validità tal-evalwazzjonijiet l-oħra li waslu għall-konklużjoni li l-istituzzjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti marbuta mal-eżami tat-tieni fattur li jippermettu li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara.
224.
Fil-fatt, l-evalwazzjoni tagħhom ta’ dan il-fattur hija bbażata qabel kollox fuq l-analiżi mhux preċiża biżżejjed tal-istituzzjonijiet dwar l-eżami tal-kapaċità ta’ swieq oħra barra dak tal-Unjoni li jassorbu l‑esportazzjonijiet addizzjonali li joriġinaw miċ-Ċina kif ukoll dwar l‑effett tat-talba interna Ċiniża.
225.
Fir-rigward tal-ewwel aspett, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-istituzzjonijiet kellhom, f’dan il-każ, jipprovdu informazzjoni preċiża dwar l-iżvilupp tas-swieq tal-Istati Uniti, tal‑Alġerija u tal-Korea ta’ Isfel kif ukoll dwar il-kapaċità possibbli tagħhom li jassorbu l-esportazzjonijiet addizzjonali.
226.
Minn naħa, minn qari sempliċi tal-punt 83 tas-sentenza appellata jirriżulta li għall-kuntrarju ta’ dak allegat minn ArcelorMittal et, il-Qorti Ġenerali ma talbitx li l-istituzzjonijiet jivverifikaw is-swieq għall‑esportazzjoni possibbli jew prevedibbli kollha. Hija tikkritikahom biss li mkien ma ġabu informazzjoni preċiża fir-rigward ta’ dawn it-tlett iswieq, għalkemm invokati b’mod ġenerali fir-Regolament provviżorju u fir-Regolament ikkontestat. Min-naħa l-oħra, ladarba l-istituzzjonijiet invokaw ċertu numru ta’ swieq għall-esportazzjoni, huma kellhom, fil‑kuntest tal-analiżi prospettiva tat-theddida ta’ ħsara, iressqu informazzjoni preċiża biżżejjed dwar l-iżvilupp ta’ dawn is-swieq u l‑kapaċità tagħhom li jassorbu esportazzjonijiet addizzjonali tal‑merkanzija suġġetta għal dumping. Fil-fatt, fil-mument li huma identifikaw l-imsemmija swieq, huwa biss b’din il-kundizzjoni li l‑analiżi tagħhom “tikkunsidra” dawn is-swieq għall-esportazzjoni, fis‑sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku, bħala opportunitajiet alternattivi possibbli għas-suq tal-Unjoni tal-esportazzjonijiet addizzjonali tal-prodott ikkonċernat. Din l‑informazzjoni tista’ tirrigwarda, fost oħrajn, l-istrateġiji tal‑esportazzjoni tal-produtturi kkonċernati, l-iżvilupp tat-talba f’dawn is-swieq l-oħra għall-esportazzjoni jew anki l-eżistenza ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali f’dawn is-swieq l-oħra.
227.
Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil‑punt 83 tas-sentenza appellata u mingħajr ma dan ġie kkontestat, ladarba mir-Regolament provviżorju u mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li s-sehem tat-tlett iswieq imsemmija fit-total tal‑esportazzjonijiet Ċiniżi żdied matul il-perijodu kkonċernat, huwa loġiku li jiġi dedott li l-volumi tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn dawn is‑swieq kien żdied ukoll. F’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni preċiża biżżejjed sabiex madankollu jikkonkludu, kif għamlu, fil-kuntest tal-analiżi prospettiva tagħhom, li l-kapaċitajiet żejda jew ġodda tal-produzzjoni fiċ-Ċina jiġu diretti lejn is-suq Ewropew, u b’hekk jikkawżaw theddida ta’ ħsara lill‑industrija tal-Unjoni.
228.
Għal dak li jirrigwarda l-effett tat-talba interna Ċiniża, fl-opinjoni tiegħi, ArcelorMittal et jikkritikaw biss l-evalwazzjoni magħmula mill‑Qorti Ġenerali tal-provi, mingħajr ma jargumentaw u lanqas, a fortiori, ma juru l-iżnaturament tal-imsemmija provi. Għalhekk din il‑kritika hija inammissibbli.
229.
Fi kwalunkwe każ, fost il-kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mat-talba interna Ċiniża, li jinsabu fil-premessa 70 tar-Regolament definittiv, sabiex jirrispondu għall-osservazzjonijiet ta’ wħud mill‑produtturi Ċiniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, l‑istituzzjonijiet irraġunaw b’tali mod li t-talba Ċiniża ma teżistix, peress li, fil-fatt, il-premessi 117 sa 119 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermati mir-Regolament ikkontestat, ma jiddedikaw ebda parti għaliha. Madankollu, la l-Kunsill u lanqas ArcelorMittal et ma kkontestaw li, kif essenzjalment sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, eżami (oġġettiv) tal-fattur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku jeħtieġ analiżi tal-iżvilupp tal-konsum intern fil-pajjiżi esportaturi. Għalhekk, fl‑opinjoni tiegħi, huwa ġust li fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkritika lill-istituzzjonijiet li ma invokawx l-impatt possibbli tas-suq intern Ċiniż fuq il-possibbiltà li jiġu assorbuti l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni addizzjonali.
230.
Għalhekk jiena nipproponi li l-allegati żbalji ta’ liġi dwar it-tieni fattur, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(b) tar-Regolament bażiku, imressqa minn ArcelorMittal et, għandhom jiġu miċħuda.
iii) Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mat-tielet fattur, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(ċ) tar-Regolament bażiku
– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
231.
Il-Qorti Ġenerali eżaminat kif il-fattur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(ċ) tar-Regolament bażiku fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza appellata ġie ssodisfatt.
232.
Qabelxejn il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni sostniet, fir-Regolament provviżorju, li ma kien hemm ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li, f’ambjent ekonomiku kkaratterizzat minn tnaqqis sostanzjali fit-talba, jista’ jkun hemm bixra ta’ żieda tal-prezzijiet baxxi, iżda għall-kuntrarju għandhom jibqgħu baxxi, u li, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tali prezzijiet baxxi fis-suq x’aktarx li tintuża biex iwaqqgħu l-prezzijiet offruti mill-produtturi tal‑Unjoni u b’hekk iġibu effett ta’ depressjoni f’termini kemm ta’ volumi kif ukoll ta’ prezzijiet.
233.
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni turi li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet qed tiddikjara l-Kummissjoni, il‑prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b’mod sinjifikattiv fil-kuntest tat-tnaqqis tas-suq tal-Unjoni, l-informazzjoni disponibbli tenfasizza żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet b’iktar minn 35 % matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li fl‑istess żmien il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’18.7 %.
234.
Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li l‑Kunsill ma jipprovdi ebda prova li tispjega l-kontradizzjoni li teżisti bejn il-provi ppreżentati fir-Regolament provviżorju u dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni kienet attribwixxiet din iż-żieda għal dik tal-materja prima, li din tal-aħħar seħħet f’Ottubru 2008, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Kunsill ma ppreżenta ebda preċiżjoni u lanqas spjegazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal‑materja prima u tal-ispejjeż relatati mal-enerġija għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni.
235.
Fi kwalunkwe każ, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkusidrat li, anki jekk jiġi preżunt li din hija r-raġuni għaż‑żieda tal-prezz, dan il-fatt ma huwiex tali li jsostni l‑konklużjonijiet li tislet il-Kummissjoni dwar l-effett negattiv ta’ prezzijiet baxxi ħafna tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fuq il-prezzijiet u l-volumi tal-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, ma jirriżultax li l-kriterju previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(ċ) tar-Regolament bażiku jista’ jitqies bħala ssodisfatt. Hija nnotat ukoll li, matul il-perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni, is‑sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni niżel biss b’0.1 punt perċentwali.
236.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-Kunsill li jeżisti “paralelliżmu” fil-varjazzjonijiet tal-prezzijiet, billi rrilevat ukoll li d‑differenza bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l‑importazzjonijiet miċ-Ċina tnaqqset b’mod sensibbli matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni (punt 89 tas-sentenza appellata).
237.
Il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni li l-eżami tat-tielet fattur jippreżenta inkonsistenzi bejn il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat, u l-informazzjoni rilevanti tal-perijodu ta’ wara dak tal-investigazzjoni (punt 91 tas‑sentenza appellata).
– Ġabra fil-qosor tal-argumenti ta’ ArcelorMittal et
238.
ArcelorMittal et jilmentaw essenzjalment li fil-punti 87 sa 90 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-fatti tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li, anki jekk il-produtturi tal-Unjoni żiedu l-prezzijiet tagħhom u żammew is-sehem tas-suq tagħhom wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rentabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienet naqset b’mod kunsiderevoli matul l-istess perijodu, li juri li effettivament il-prezzijiet kienu naqsu. Barra minn hekk, għalkemm ArcelorMittal et jammettu li l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni turi li l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet u tal-produtturi tal-Unjoni kienu żdiedu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li din iż-żieda kienet dovuta għal dak tal-prezzijiet tal‑materja prima u, li fi kwalunkwe każ, tali żieda ma teliminax it-tnaqqis tal-importazzjonijiet, li jibqgħu sostanzjali, kif kien ikkonstatat mill-istituzzjonijiet.
– Evalwazzjoni
239.
Jiena ma naħsibx li l-argument ta’ ArcelorMittal et jista’ jirnexxi.
240.
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-theddida ta’ ħsara, l‑importazzjonijiet suġġetti għal dumping, minkejja l-livell tal-prezz tagħhom, (għadhom) ma ħolqux ħsara lill-industrija tal-Unjoni.
241.
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9)(ċ) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jeżaminaw jekk “l-importazzjonijiet ikunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l‑prezzijiet jew iżommu ż-żjiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbliment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet”.
242.
L-importazzjonijiet ġodda previsti minn dan l-artikolu għandhom għalhekk ikunu stabbiliti għal tali prezz li l-prezzijiet tal-industrija tal‑Unjoni jistgħu jonqsu sostanzjalment jew ma jistgħux jiżdiedu b’mod sostanzjali li jkabbar it-talba ta’ importazzjonijiet ġodda.
243.
F’dan il-kuntest, nirrileva li ArcelorMittal et jammettu li kemm il-prezzijiet ta’ importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina kif ukoll dawk tal-industrija tal-Unjoni żdiedu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda jqisu li madankollu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu naqsu, għaliex ir-rentabbiltà ta’ din l-industrija kienet naqset b’mod sostanzjali.
244.
Tali argument jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti, li ma jaqax fil-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.
245.
Barra minn hekk, il-fatt, enfasizzat minn ArcelorMittal et li minkejja ż-żieda tal-prezzijiet matul il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, xorta kien hemm tnaqqis tal-importazzjonijiet li joriġinaw miċ‑Ċina huwa inerenti għall-fatt li dawn l-importazzjonijiet isiru bi prezzijiet orħos minn dawk mitluba mill-industrija tal-Unjoni. Dan il-fatt, li huwa iktar meta d-differenza fil-prezzijiet tonqos u li fir‑rigward tal-eżami ta’ theddida ta’ ħsara, ma jippermettix waħdu li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-analiżi prospettiva li għandha ssir fir-rigward tat-tielet fattur previst fit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku, huwa probabbli li importazzjonijiet ġodda li jidħlu fis-suq tal-Unjoni b’tali livell ta’ prezz inaqqsu b’mod sostanzjali l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jew jipprekludi lil din l-industrija, b’mod notevoli, milli żżid il-prezzijiet tagħha.
246.
Barra minn hekk, huwa evidenti, minn sempliċi qari tal-punti 88 u 90 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali ma “njoratx” l‑ispjegazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi li ż-żieda tal-prezzijiet tal‑importazzjonijiet miċ-Ċina hija dovuta għal prezz tal-materja prima. Preżunt li dan huwa l-każ, il-Qorti Ġenerali skartat fil‑punt 90 tas‑sentenza appellata, il-possibbiltà li dan il-fatt, f’dan il-każ (jiġifieri l‑kunsiderazzjoni taż-żieda kkonstatata tal-prezzijiet tal‑importazzjonijiet miċ-Ċina u tal-industrija tal-Unjoni), jista’ jissostanzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li jeżisti effett negattiv tal‑prezzijiet “baxxi ħafna” tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fuq il‑prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.
247.
Minkejja dak li ngħad minn ArcelorMittal et, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal‑istituzzjonijiet. Hija vverifikat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil‑punti 63 u 67 iktar ’il fuq, jekk l-informazzjoni ekonomika ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, użata mill-istituzzjonijiet, tikkorroborax l‑ipoteżi li l-Kummissjoni pprevediet fir-Regolament provviżorju, ipoteżi li, minkejja l-informazzjoni inkwistjoni, kienu kkonfermati mill‑Kunsill fir-Regolament ikkontestat.
248.
Tali stħarriġ ġudizzjarju huwa barra minn hekk iġġustifikat minħabba l-eżami ta’ natura prospettiva li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara fis-sens tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
249.
Għalhekk, jiena nipproponi li l-ilmenti ta’ ArcelorMittal et ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali dwar l-eżami tat‑tielet fattur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tar‑Regolament bażiku għandhom jiġu miċħuda.
250.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nipproponi wkoll li t-tielet aggravju tal-Kunsill kif ukoll it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju ta’ ArcelorMittal et, ibbażati fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 3(9) u 6(1) tar-Regolament bażiku u żbalji dwar l-eżami tal-fatturi relatati mat-theddida ta’ ħsara għandhom jiġu miċħuda.
D – Fuq ir-raba ’ aggravju tal-Kunsill, ibbażat fuq żball ta ’ dritt tal-Qorti Ġenerali sa fejn tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatturi ekonomiċi għal dik tal-istituzzjonijiet
1. Ġabra tal-argumenti tal-partijiet
251.
Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Taljana, jallega li l-eżami tas‑sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-analiżi sussegwenti relatata mal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara huma kumplessi u ta’ natura ekonomika. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali, ma tistax fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha tal-fatturi ekonomiċi kumplessi għal dik tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan peress li fis-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali interpretat b’mod selettiv il-provi, billi tat piż differenti lil ċerti fatti u injorat konstatazzjonijiet oħra magħmula fir‑Regolament ikkontestat. Għalhekk skont il-Kunsill u r-Repubblika Taljana, il-Qorti Ġenerali qabżet il-kompetenzi tagħha.
252.
Hubei tfakkar b’mod partikolari li, anki jekk l-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jipproċedu għall‑evalwazzjonijiet fattwali u ekonomiċi kumplessi, madankollu huma ma jaħarbux mill-istħarriġ ġudizzjarju.
2. Analiżi
253.
Kif diġà ppreċiżajt diversi drabi f’dawn il-konklużjonijiet, l‑istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, għandu jsir fuq l-eżami ta’ informazzjoni ekonomika mill-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ miżuri antidumping inkluż dak tal-interpretazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika mill‑istituzzjonijiet, jinkludi l-funzjoni li tivverifika l-eżattezza tal-provi sostnuti, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux kollha flimkien informazzjoni rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tan-natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jsiru abbażi tagħhom.
254.
Dan it-tip ta’ aggravju tal-Kunsill, ifformulat f’termini estremament ġenerali, jiddependi, fl-opinjoni tiegħi, intrinsikament minn dak li kien irriżervat għall-aggravji preċedenti. Fl‑aħħar mill-aħħar huwa jiġbor, il-pretensjonijiet, iktar iddettaljati, esposti mill-partijiet tal-appell kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżami tas-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tal‑industrija tal-Unjoni u dik tal-fatturi li jippermettu li tiġi stabbilita theddida ta’ ħsara, fis-sens tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku.
255.
Peress li nikkunsidra li dawn l-aggravji ma jistgħux jintlaqgħu, jiena nipproponi li r-raba’ aggravju tal-Kunsill għandu jiġi miċħud ukoll.
256.
Għalhekk, peress li fl-opinjoni tiegħi ebda wieħed mill-aggravji ma jista’ jirnexxi, jiena nipproponi li jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.
VII – Fuq l-ispejjeż
257.
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
258.
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall‑proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.
259.
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
260.
Peress li Hubei talbet li l-Kunsill u ArcelorMittal et jiġu kkundannati għall-ispejjeż u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-opinjoni tiegħi, tikkonstata li l-appellanti ma rnexxewx fl‑aggravji tagħhom, jiena nipproponi li għandhom jiġu kkundannati, minbarra l-ispejjeż tagħhom, għal dawk sostnuti minn Hubei.
261.
Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana intervjenew fil‑kawżi, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
VIII – Konklużjoni
262.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
—
l-appelli huma miċħuda;
—
il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. huma kkundannati għall-ispejjeż;
—
il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 262, p. 19.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 10, p. 45..
( 4 ) ĠU L 340, p. 17.
( 5 ) ĠU C 174, p. 7.
( 6 ) ĠU L 94, p. 48.
( 7 ) Ara l-punti 61 u 66 tas-sentenza appellata.
( 8 ) Korsiv miżjud minni.
( 9 ) Ara b’analoġija, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 3.4 u 3.7 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping) li t-test tagħhom ġie riprodott fl-Artikoli 3(5) u 7 tar-Regolament bażiku rispettivament, ir-rapport tal-grupp speċjali “Mexique – Enquête antidumping concernant le sirop de maïs à haute teneur en fructose (SHTF) en provenance des États-Unis”, WT/DS132/R, 28 ta’ Jannar 2000, punti 7.140 u 7.141, adottat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim fl‑24 ta’ Frar 2000. Din l-evalwazzjoni tal-grupp speċjali kienet ikkonfermata mir‑rapport tal-grupp speċjali “Mexique - Enquête antidumping concernant le sirop de maïs à haute teneur en fructose (SHTF) en provenance des États-Unis”, WT/DS132/RW, 22 ta’ Ġunju 2001, punti 6.24 u 6.28, kif ukoll mir-rapport tal-korp tal-appell, WT/DS132/AB/RW, 22 ta’ Ottubru 2001, punti 114 sa 118.
( 10 ) L-aħħar paragrafu tal-premessa 126 tar-Regolament provviżorju, iddedikata għal “Konklużjoni dwar it-theddida ta’ ħsara”, jindika li “huwa konkluż li fin-nuqqas ta’ miżuri l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping jikkawżaw minnufih ħsara materjali lill-Industrija [tal-Unjoni] vulnerabbli [...], b’mod partikolari, f’termini ta’ tnaqqis ta’ bejgħ, sehem ta’ suq, produzzjoni u kapaċità ta’ profitt”. Il‑premessa 135 tal-istess regolament tistabbilixxi “[f]l-aħħar nett, meta jitqies li, minkejja li l-industrija tal-Komunità ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat iżda fi tmiem il-PI kienet fi stat vulnerabbli (ara l-premessa 89), li l‑kundizzjonijiet kollha biex tiffaċċja bis-sħiħ il-ħsara wara l-PI huma preżenti (ara l-premessa 112 hawn fuq), u l-kundizzjonijiet kollha ta’ theddida ta’ ħsara huma sodisfatti kif spjegat fil-premessa 126 hawn fuq, il-konklużjoni hija li hemm rabta kawżali bejn it-theddida mminenti tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u l-ħsara li huwa mbassar li se ġġarrab l-industrija [tal-Unjoni]”.
( 11 ) Ara f’dan is-sens, b’analoġija, ir-rapport tal-grupp speċjali “Egypte – Mesures Antidumping définitives à l’importation de barres d’armature en acier en provenance de Turquie”, WT/DS211/R, 8 ta’ Awwissu 2002, punt 7.91. Ara wkoll, Dascalescu, F.D., “Threat of Injury in Anti-dumping Investigations: Some Comments on the Current Practice at EU and WTO Level”, Journal of World Trade, Nru 4, 2011, p. 884.
( 12 ) Ara s-sentenzi Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40) u Hoesch Metals and Alloys (C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 61) iċċitata mill-Qorti Ġenerali kif ukoll, iktar reċenti, is-sentenzi Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63) u Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill (C‑10/12 P, EU:C:2013:865, punt 22) u TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 34).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57) u Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66) kif ukoll, fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 67) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46) kif ukoll, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill‑Istat, is-sentenzi Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 56) u Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 64).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 65) u CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2011:245, punti 101 sa 117).
( 18 ) Sentenza Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 68). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2011:245, punt 111).
( 19 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Il-Kunsill ma jagħmel ebda kritika fir-rigward tas-seba’, tmien u tnax-il fattur, kif miġbura fil-qosor mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata. Dawn il‑fatturi huma, fl-ordni, “il-produttività żdiedet b’7 % (premessa 78 tar‑Regolament provviżorju)”, “is-salarju medju għal kull impjegat żdied b’16 % (premessa 79 tar-Regolament provviżorju)” u “il-likwidità netta minn attivitajiet operattivi żdiedet b’73 % sabiex tammonta għal EUR 634 miljun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u l-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li ‘[m]a kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija [tal-Unjoni] sabet diffikultajiet biex tiġbor il‑kapital’ (premessa 84 tar-Regolament provviżorju”.
( 22 ) Ara l-punt 74 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Ara l-punt 74 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Ara b’mod partikolari, fir-rigward tal-limiti tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest tal-appell, is-sentenza Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 65 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill (C‑10/12 P, EU:C:2013:865, punt 23) u TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 35).
( 26 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs NTN u Koyo Seiko (C-245/95 P, EU:C:1998:46, punt 43) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja assimilat iż-żewġ espressjonijiet.
( 27 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Girardot (C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 49) u Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 40).
( 28 ) Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, Soprano R., “The Threat of Material Injury in Antidumping Investigations: a Threat to Free Trade”, The Journal of World Investment & Trade, Nru 1, 2010, p. 9.
( 29 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42).
( 30 ) Infakkar li t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni kien iffissat fit-30 ta’ Ġunju 2008, filwaqt li r-Regolament ikkontestat kien adottat fl-24 ta’ Settembru 2009.
( 31 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T‑138/02, EU:T:2006:343, punt 59) u Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill (T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 223).
( 32 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Sinochem Heilongjiang vs Il‑Kunsill (T‑161/94, EU:T:1996:101, punt 88); Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T‑138/02, EU:T:2006:343, punt 61), u HEG u Graphite India vs Il-Kunsill (T‑462/04, EU:T:2008:586, punt 67).
( 33 ) Ara b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenzi Epichirisseon Metalleftikon, Viomichanikon kai Naftiliakon et vs Il-Kunsill (C‑121/86, EU:C:1989:596, punti 34 u 35) u Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 90).
( 34 ) Ara b’analoġija, mal-analiżi prospettiva fil-qasam tal-kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39) u Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 136).
( 35 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (C 404/04 P, EU:C:2007:6, punt 90) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (C 413/08 P, EU:C:2010:346, punt 41).
Full & Egal Universal Law Academy