KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2016 ( 1 )
Kawżi C‑532/14 u C‑533/14
Toorank Productions BV
vs
Staatssecretaris van Financiën
[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Nomenklatura Magħquda — Intestaturi tariffarji 2206 u s-subintestatura 2208 70 — Xarbiet iffermentati u oħrajn”
I – Introduzzjoni
1.
Iż-żewġ kawżi li ġew magħquda quddiem il-Hoge Raad (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) juru biċ-ċar id-diffikultajiet maħluqa mill-klassifikazzjoni ta’ prodotti ġodda fin-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni (iktar ’il quddiem, “NM”). Iż-żewġ każijiet jittrattaw xarbiet alkoħoliċi miksuba, fl-ewwel każ, minn fermentazzjoni u, fit-tieni każ, miż-żieda ta’ sustanzi varji f’dan il-likwidu msemmi l-ewwel.
2.
Id-domandi magħmula mill-Hoge Raad ser jiċċaraw ġurisprudenza preċedenti, forsi anki li ma hijiex ikkonsolidata biżżejjed, li ppermettiet li l-prodotti ddistillati minn xarbiet li joriġinaw minn fermentazzjoni jiġu kklassifikati fi ħdan ċerti intestaturi partikolari tan-NM.
3.
Peress li n-NM stess teħtieġ li din tiġi interpretata, qabelxejn, skont id-dispożittiv tagħha stess, din il-ġurisprudenza jista’ jkollha l-effett ta’ distanza relattiva mill-kriterji interpretattivi li hija marbuta magħhom l-Unjoni abbażi tad-dritt internazzjonali. Il-Hoge Raad, għalhekk, tistieden kemm li jiġi kkonfermat l-approċċ żviluppat fl-imsemmija ġurisprudenza, kif ukoll li jiġi rrivedut, biex fejn ikun meħtieġ jiġu stabbiliti kriterji ġodda.
II – Il-kuntest leġiżlattiv
A – Id-dritt tal-Unjoni
4.
Permezz tad-Deċiżjoni 87/369/KEE ( 2 ), il-Kunsill approva f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea s-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem, “SA”) ( 3 ), imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (iktar ’il quddiem, “WCO”). Il-Kunsill adotta wkoll fit-23 ta’ Lulju 1987 ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana ( 4 ).
5.
B’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni SA, il-partijiet kontraenti jintrabtu li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħhom ikunu konformi mal-SA u li japplikaw ir-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tagħha, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, kapitoli u subintestaturi, u li ma jibdlux il-portata tat-taqsimiet, il-kapitoli, l-intestaturi jew is-subintestaturi mal-SA.
6.
L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 jipprevedi li n-nomenklatura tuża klassifikazzjoni ta’ sitt ċifri għall-intestaturi u s-subintestaturi identiċi għal dawk tal-SA u jiżdiedu s-seba’ u t-tmien ċifra sabiex jiġu ffurmati subtaqsimiet tagħha.
7.
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jidhru fl-ewwel parti tagħha taħt it-Titolu I, Parti A, huma identiċi għal dawk tas-SA u jipprovdu b’mod partikolari:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1.
It-titli [L-intestaturi] tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [tal-intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu […]:
[…]
6.
Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu [fis-subintestaturi ta’ intestatura] għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is- subtitli [subintestaturi] u kwalunkwe noti ta’ subtitli [subintestaturi] relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, […]. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
8.
F’dak li jirrigwarda l-prodotti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, in-NM tiddedika t-Taqsima IV tagħha għax-“xorb, spirti u ħall”. Din it-taqsima tinkludi b’mod partikolari, il-Kapitolu 22 intitolat “Xorb, spirti u ħall”. Imbagħad dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 2206 applikabbli għal “Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead): […]”, kif ukoll l-intestatura 2208 intitolata “Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ inqas minn 80 % vol; spirti, likuri u xorb ieħor spirituż”.
9.
Permezz tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni fasslet noti ta’ spejga relattivi għan-NM.
10.
Fir-rigward tan-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2208:
“Spirti, likuri u xorb ieħor spirituż ta’ titlu [tal-intestatura] 2208 huma likwidi alkoħoliċi ġeneralment intiżi għal konsum minn bnedmin u huma preparati:
—
jekk direttament minn distillar […],
—
jew bis-sempliċi żieda ta’ varji sustanzi aromatiċi, u ġieli zokkor, ma’ alkoħol magħmul permezz ta’ distillazzjoni.
[…]
Dan it-titolu ma jkoprix xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni (titli 2203 00 sa 2206 00).”
B – In-noti ta ’ spjega tas-Sistema Armonizzata
11.
Id-WCO, min-naħa tagħha, tfassal noti ta’ spjega tal-SA. Dik li tikkorrispondi għall-intestatura 2206 hija pprovduta permezz tat-termini li ġejjin ( 5 ):
“Din l-intestatura tinkludi kull xorb iffermentat, barra dak imsemmi fl-intestaturi 22.03 sa 22.05.
Din tkopri b’mod partikolari:
1)
Is-sidru, xorb alkoħoliku miksub mill-fermentazzjni tal-meraq tat-tuffieħ.
[…]
Dan ix-xorb kollu […] jibqa’ ikklassifikat taħt din l-intestatura anki jekk jiġi miżjud bl-alkoħol jew jekk il-kontenut alkoħoliku tiegħu jiġi miżjud permezz tat-tieni fermentazzjoni, sakemm iżomm in-natura tal-prodotti klassifikati taħt din l-intestatura.
[…]”
12.
In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tipprovdi:
“Din l-intestatura tkopri, minn naħa, u jkun xi jkun il-livell alkoħoliku:
[…]
B)
Likuri, li huma spirti miżjuda biz-zokkor, għasel u ħlewwiet naturali oħra u estratti jew essenzi (pereżempju, spirti miksuba permezz ta’ distillazzjoni jew permezz ta’ taħlita ta’ alkoħol etiliku inkella spirti distillati ma’ wieħed jew iżjed mill-prodotti li ġejjin: frott, fjuri jew partijiet minn pjanti, estratti, essenzi, żjut essenzjali jew meraq anki jekk ikun ġej minn konċentrati). […]
C)
Kull spirti oħra li mhumiex inklużi fi kwalunkwe intestatura oħra ta’ dan il-kapitolu.”
III – Il-fatti fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
A – Fuq ix-xorb
13.
L-argumenti tqajmu rigward il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ diversi xarbiet: a) dik li għandha l-isem kummerċjali “Ferm Fruit”, li iktar ’il quddiem se nirreferi għaliha wkoll bħala “xarba ta’ bażi”, u b) xarbiet oħra magħmula billi jiżdiedu magħha diversi sustanzi, bħal zokkor, aromi, koloranti, aġenti li jgħaqqdu, konservanti, u alkoħol iddistillat (bħal fil-każ ta’ Petrikov Creamy Green, suġġett tal-kawża C‑532/14).
14.
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑533/14, litru tax-xarba ta’ bażi (Ferm Fruit) jinkiseb minn 275 ml ġulepp taz-zokkor, 711 ml ta’ ilma mingħajr minerali, 10 ml ta’ konċentrat tat-tuffieħ u 4 ml ta’ minerali u vitamini. It-taħlita ta’ dawn l-ingredjenti tiġi ppasturizzata u tiġi miżjuda ħmira tal-inbid. Imbagħad, issir il-fermentazzjoni li tiddetermina l-kontenut ta’ alkoħol tal-prodott, li jkollu qawwa alkoħolika ta’ 16 %. Il-likwidu miksub wara l-fermentazzjoni jiġi sussegwentement ippurifikat permezz ta’ diversi proċessi ta’ filtrazzjoni (ultrafiltrazzjoni, filtrazzjoni ta’ kiezelguhr, mikrofiltrazzjoni u filtrazzjoni bil-karbonju), biex b’hekk tirriżulta x-xarba ta’ bażi finali. Ferm Fruit ma fihiex alkoħol iddistillat u għandha riħa, kulur u togħma newtrali.
15.
Għalkemm dan huwa l-użu prinċipali tagħha, Ferm Fruit ma hijiex maħsuba esklużivament għall-produzzjoni ta’ prodotti finali, peress li hija tajba għall-konsum mill-bniedem. Huwa paċifiku li fil-passat ġiet saħansitra mibjugħa lill-pubbliku.
16.
Fost ix-“xarbiet oħra” alkoħoliċi derivati minn Ferm Fruit għandha ssir distinzjoni bejn dik li jkun fiha alkoħol iddistillat (Petrikov Creamy Green, is-suġġett tal-Kawża C‑532/14), u dawk li ma fihomx (ix-xarbiet l-oħra suġġett tal-Kawża C‑533/14).
17.
Fil-każ ta’ dawn il-prodotti msemmija l-aħħar, magħmulin minn bejn 80 u 90 % mix-xarba ta’ bażi, il-qawwa alkoħolika tagħhom tilħaq l-14 % u jsiru billi fix-xarba ta’ bażi jiżdiedu s-sustanzi msemmija iktar ’il fuq u, f’każ wieħed biss, bażi ta’ krema wkoll. L-alkoħol ta’ dawn ix-xarbiet jirriżulta esklużivament mill-fermentazzjoni.
18.
Min-naħa tagħha, Petrikov Creamy Green tinkiseb permezz tad-distillazzjoni ta’ Ferm Fruit bi spirtu, ġulepp taz-zokkor, ħalib xkumat, xaħam veġetali u aromi. Il-qawwa alkoħolika bil-volum tax-xarba finali tammonta għal 13,4 %, fejn l-alkoħol jirriżulta mill-inqas f’51 % mix-xarba ffermentata u d-49 % li jifdal mid-distillazzjoni.
B – Fuq il-kawżi quddiem il-qrati tal-Pajjiżi Baxxi u d-domandi preliminari korrispondenti
1. Kawża C‑532/14 (Petrikov Creamy Green)
19.
Il-kawża toriġina minn konsultazzjoni tariffarja vinkolanti fuq il-prodott Petrikov Creamy Green, fejn Toorank Productions talbet li x-xarba tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 2206 00 59 tan-NM (xarbiet iffermentati mhux frizzanti). Bi tweġiba għat-talba vinkolanti l-ispettur tat-taxxi (“spettur”) ikklassifika x-xarba taħt is-subintestatura 2208 70 10 (likuri). Il-pretensjoni amministrattiva sussegwenti ma kellhiex suċċess, iżda fl-ewwel istanza, ir-Rechtbank Harlem (Qorti Distrettwali ta’ din il-belt) iddeċidiet favur Toorank Productions, filwaqt li l-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet favur l-ispettur fl-appell.
20.
Toorank Productions appellat kontra s-sentenza tal-Qorti tal-appell quddiem il-Hoge Raad, li għandha dubji dwar kif għandhom jiġu interpretati b’mod korrett il-linji gwida żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Siebrand ( 6 ).
21.
Il-problema għall-Hoge Raad tikkonċerna l-mod ta’ kif issir l-inklużjoni ta’ xarbiet bħal Petrikov Creamy Green f’waħda jew oħra mill-intestaturi inkwistjoni, filwaqt li jitqies, minn naħa waħda, li l-intestatura 2206 tan-NM tkopri wkoll it-taħlitiet ta’ xarbiet iffermentati ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi; barra minn hekk, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2206 tinkludi x-xarbiet kollha msemmija fit-test tagħha u li l-kontenut tal-alkoħol tagħhom kiber jew permezz ta’ żieda jew bħala riżultat tat-tieni fermentazzjoni. Minn din l-istess nota ta’ spjega jirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, li ż-żidiet max-xarbiet iffermentati ta’ sustanzi oħra differenti mill-alkoħol iddistillat ma jipprekludux il-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 2206.
22.
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-intestatura 2208 tan-NM, il-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi tindika li l-likuri, koperti minn din l-intestatura, ġeneralment għandhom qawwa alkoħolika bil-volum minimu ta’ 15 %, u għalhekk ogħla minn dik ta’ Petrikov Creamy Green, li hija ta’ 13.4 %.
23.
Il-Hoge Raad tistaqsi, b’mod partikolari, rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-indikazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza Siebrand ( 7 ), sabiex jiġi ddeterminat jekk ix-xarba inkwistjoni għandhiex, jew akkwistatx, in-natura essenzjali ta’ xarba kklassifikata taħt l-intestatura 2208 tan-NM. B’mod konkret, hija tixtieq tkun taf jekk dawn l-indikazzjonijiet jikkostitwixxux lista ta’ kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex xarba, skont in-natura essenzjali tagħha, tkun tista’ titqies li taqa’ taħt l-intestatura 2208, jew jekk, għall-kuntrarju, is-sempliċi preżenza ta’ proporzjon ta’ alkoħol iffermentat ikbar minn dik ta’ alkoħol iddistillat — jew viċe versa— hijiex ibbażata fuq il-kriterju fundamentali li jippermetti li jiġi evitat l-eżami tal-proprjetajiet organolettiċi u tal-użu tax-xarba.
24.
Jekk ix-xarba ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206, iżda taħt l-intestatura 2208 tan-NM, minħabba n-natura essenzjali tagħha, il-Hoge Raad tistaqsi wkoll dwar liema mis-subintestaturi tal-intestatura 2208 tan-NM (sa livell ta’ 8 ċifri) tkun l-iktar adegwata għal Petrikov Creamy Green.
25.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad issospendiet il-proċeduri u, permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ottubru 2014, għamlet id-domandi li ġejjin quddiem lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:
“1)
L-intestatura tan-NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li jeħtieġ li tiġi kklassifikata taħtha xarba b’livell ta’ alkoħol ta’ 13.4 % li hija prodotta permezz ta’ taħlita ta’ xarba (bażika) alkoħolika ppurifikata msemmija “Ferm Fruit” – miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffiegħ – ta’ zokkor, ta’ togħmiet, ta’ koloranti, ta’ aġenti tal-palat, ta’ aġenti li jgħaqqdu, ta’ aġenti li jikkonservaw u ta’ alkoħol ddistillat, fejn dan tal-aħħar ma jirrappreżentax, f’termini ta’ volum u ta’ perċentwal, iktar minn 49 % tal-alkoħol preżenti fix-xarba, filwaqt li 51 % minn din tal-aħħar huwa alkoħol provenjenti mill-fermentazzjoni?
2)
F’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, is-subintestatura NM 2208 70 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata taħtha bħala likur?”
2. Kawża C‑533/14 (Ferm Fruit u xarbiet oħra)
26.
Toorank Productions ħallset ammont għal dazju tas-sisa, għax-xahar ta’ Ottubru 2008, b’rabta mal-irtirar mill-maħżen tagħha ta’ diversi xarbiet alkoħoliċi, inkluż dik imsejħa “Ferm Fruit” u l-prodotti alkoħoliċi oħra msemmija fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
27.
Toorank Productions kienet iddikjarat dawn ix-xarbiet kollha bħala “prodotti intermedji mhux frizzanti” fis-sens tal-Artikolu 11b tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa (Wet op de accijns) li jkopri x-xarbiet li ma humiex ikklassifikati bħala birra jew inbid taħt il-kodiċijiet 2204, 2205 u 2206 tan-NM u b’qawwa alkoħolika li taqbeż il-1.2 % vol., iżda mhux iktar jew ekwivalenti għal volum ta’ 22 %. Ir-rata applikata għal dawn tal-aħħar hija kunsiderevolment inqas oneruża minn dik tal-prodotti tal-kodiċi 2208 tan-NM b’qawwa alkoħolika ogħla minn 1.2 % vol.
28.
Minħabba nuqqas ta’ qbil mad-dikjarazzjoni ta’ Toorank Productions, l-ispettur ħareġ valutazzjoni addizzjonali fuq il-bażi li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa kienu jikkorrispondu għall-intestatura 2208 tan-NM.
29.
Toorank Productions ilmentat mingħajr suċċess kontra dik l-ordni. Fir-rigward tar-rifjut tal-ilment tagħha appellat fl-ewwel istanza quddiem ir-Rechtbank te Breda (Qorti Distrettwali ta’ Breda), li ddikjarat li l-appell kien fondat, ħassret id-deċiżjoni tal-ispettur u naqqset l-ammont tal-valutazzjoni addizzjonali. Fl-appelli ppreżentati miż-żewġ partijiet, il-Gerechtshof te ‘s-Hertogenbosch (Qorti tal-Appell ta’ din il-belt) ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.
30.
Kemm Toorank Productions kif ukoll l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) appellaw quddiem il-Hoge Raad kontra s-sentenza tal-qorti tal-appell.
31.
Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li x-xarba ta’ bażi fiha biss alkoħol miksub permezz ta’ fermentazzjoni, u għalhekk, abbażi tal-intestatura 2206 u tan-nota ta’ spjega tas-SA dwarha, tista’ tiġi kklassifikata bħala “xarbiet oħra ffermentati” tal-intestatura 2206 tan-NM. L-implementazzjoni tar-regola ġenerali ta’ klassifikazzjoni Nru 1 tan-NM ixxaqleb lejn dan ir-riżultat, anki meta qabel il-fermentazzjoni jkunu ġew miżjuda ilma mingħajr minerali, vitamini u minerali.
32.
Madankollu, peress li Ferm Fruit hija mingħajr kulur, riħa u togħma, hija simili għall-prodotti alkoħoliċi miksuba mid-distillazzjoni. Il-Hoge Raad tistaqsi jekk mill-punti 26, 27 u 37 tas-sentenza Siebrand ( 8 ) u l-paragrafu 46 tas-sentenza Skoma-Lux ( 9 ) għandux jiġi dedott li x-xarba ffermentata li ma għandhiex il-karatteristiċi organolettiċi miksuba minn frotta, jew prodott naturali partikolari, taqax taħt l-intestatura 2206 tan-NM.
33.
Bl-esklużjoni tal-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2206 tan-NM, ix-xarba għandha tiġi rreġistrata taħt l-intestatura 2208, minħabba x-xebh tagħha, mill-perspettiva organolettika, max-xarbiet li fihom alkoħol etiliku, ikklassifikat taħt din l-aħħar intestatura. Il-qorti tar-rinviju tindika li din l-interpretazzjoni tista’ tiġi appoġġjata permezz tas-sentenza Cramer ( 10 ), anke jekk din tinvolvi prodott intermedju u mhux xarba maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Min-naħa l-oħra, hija tqis li qawwa alkoħolika bil-volum relattivament baxx (16 %) tidher li tmur kontra l-klassifikazzjoni bħala alkoħol etiliku taħt l-intestatura 2208 tan-NM.
34.
Din l-interpretazzjoni, madankollu, tista’ ma tkunx konformi kemm man-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2208 (li teskludi x-xarbiet alkoħoliċi miksuba minn fermentazzjoni), kif ukoll man-nota ta’ spjega tas-SA għall-intestatura 2206 (li tinkludi x-xarbiet iffermentati, apparti dawk koperti mill-intestaturi 2203 sa 2205).
35.
Fir-rigward tax-xarbiet l-oħra, il-Hoge Raad tikkunsidra li, fid-dawl tas-sentenza Siebrand ( 11 ), kif ukoll fir-rigward tax-xarba ta’ bażi kklassifikata taħt l-intestatura 2206, ma jkunx xieraq li dawn jiġu integrati f’din l-intestatura, minħabba t-telf ta’ proprjetajiet organolettiċi tipiċi ta’ xarba miksuba minn frotta jew prodott naturali partikolari, bħala konsegwenza ta’ żieda ta’ zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu u/jew konservanti. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2206, dan it-telf ta’ kwalitajiet ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tal-prodotti taħt dik l-intestatura.
36.
Barra minn hekk, il-Hoge Raad iżżid, li jekk ix-xarba ta’ bażi tappartjeni taħt l-intestatura 2206 tan-NM, ma huwiex possibbli li x-xarbiet l-oħra jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2208 tan-NM b’applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ klassifikazzjoni Nru 1. Skont id-dispożittiv tagħha, l-intestatura 2208 tan-NM (ara l-paragrafu 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jinkludi esklużivament dawk ix-xarbiet, inklużi l-likuri, li fihom l-alkoħol iddistillat. In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tindika l-istess ħaġa, li skontha likur huwa spirtu (iddistillat) imħallat ma’ sustanzi partikolari.
37.
Id-dubji mqajmin mill-appelli quddiemha, fir-rigward tal-interpretazzjoni tan-NM u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wasslu lill-Hoge Raad biex tissospendi l-proċedura u, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2014, tippreżenta, permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi li ġejjin:
“1)
L-intestatura NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha tiġi kklassifikata fiha x-xarba bl-isem “Ferm Fruit”, li tinkiseb permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffiegħ, li sservi wkoll bħala xarba ta’ bażi fil-manifattura ta’ xi xarbiet oħra, li għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 16 % u għandha – bl-effett ta’ purifikazzjoni (b’mod partikolari permezz ta’ ultrafiltrazzjoni) – kulur, riħa u togħma newtrali, u li magħha ma jiġix miżjud alkoħol iddistillat? F’każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, l-intestatura NM 2208 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata fiha?
2)
L-intestatura NM 2206 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha tiġi kklassifikata fiha xarba li għandha qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 14 % li tiġi mmanifatturata billi x-xarba (ta’ bażi) msemmija fid-domanda 1 titħallat biz-zokkor, b’sustanza aromatika, b’sustanza koloranti, ħwawar, b’aġenti li jorbtu u bi priżervanti, u li ma fihiex alkoħol iddistillat? F’każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, l-intestatura NM 2208 għandha tiġi interpretata fis-sens li tali xarba għandha tiġi kklassifikata fiha?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
38.
Iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju ġew ippreżentati fir-Reġistru ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Novembru 2014. Fir-rigward tal-konnessjoni oġġettiva tagħha u skont l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura, permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Jannar 2015, ingħaqdu l-Kawżi C‑532/14 u C‑533/14 għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
39.
Il-kumpannija Toorank Productions BV, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern tal-Greċja u l-Gvern tal-Polonja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
40.
Peress li ebda waħda mill-partijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma talbet dan, ma nżammitx seduta.
V – Sunt tal-argumenti ppreżentati
41.
Apparti l-Kummissjoni, l-intervenjenti l-oħra rrispondew l-ewwel għad-domanda fil-Kawża C‑533/14 dwar il-klassifikazzjoni tax-xarba Ferm Fruit u mbagħad għal dik tax-xarbiet l-oħra, u għaqqdu r-risposti tagħhom mad-domanda dwar Petrikov Creamy Green, tal-Kawża C‑532/14. Sabiex nippreżenta, fil-qosor, l-argumenti tagħhom kif ukoll sabiex nanalizza d-domandi preliminari ser nuża l-istess struttura, li naħseb hija iktar koerenti.
A – Fuq l-ewwel domanda tal-Kawża C‑533/14
42.
Toorank Productions targumenta li Ferm Fruit għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Hija tipprovdi li dan huwa prodott idderivat mill-fermentazzjoni u li hemm xarbiet oħra ffermentati alkoħoliċi u suġġetti għal proċessi ta’ purifikazzjoni (filtrazzjoni), bħas-sake, ikklassifikati taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Hija tikkunsidra wkoll li Ferm Fruit ma tilfitx il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tax-xarbiet iffermentati fis-sens tal-intestatura 2206, u li kemm in-noti ta’ spjega tan-NM kif ukoll dawk tas-SA jimpedixxu li Ferm Fruit tiġi assoċjata mal-likuri jew xarbiet oħra ddistillati, peress li ż-żewġ noti jeskludu x-xarbiet iffermentati mill-portata tal-intestatura 2208.
43.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa favur li Ferm Fruit tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208, skont il-karatteristiċi organolettiċi u l-użu tagħha. Huwa jispjega li d-diversi filtrazzjonijiet li jgħaddi minnhom il-prodott jagħmluh xarba newtrali, mingħajr riħa u togħma, mingħajr il-proprjetajiet tipiċi tal-oġġetti li jaqgħu taħt l-intestatura 2206. Huwa jinnota li qawwa alkoħolika b’volum baxx hija irrilevanti għall-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2208. Fir-rigward tal-użu ta’ Ferm Fruit, huwa jindika li din isservi primarjament bħala bażi għall-manifattura tax-xarbiet alkoħoliċi oħra u li, għalkemm fiż-żmien li fih seħħew il-fatti kienet tinbiegħ għall-konsum mill-bniedem, issa ilu ħafna ma jiġri hekk.
44.
Il-Gvern Grieg juża l-istess argumenti bħal dawk tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi biex jikklassifika Ferm Fruit fl-intestatura 2208. Huwa jenfasizza li l-fermentazzjoni tax-xarba tirriżulta fil-biċċa l-kbira miz-zokkor u f’livell ħafna inqas minn meraq tat-tuffieħ ikkonċentrat, li, flimkien mat-tekniki ta’ filtrazzjoni użati għall-kisba tagħha, jagħtuha l-karatteristiċi newtrali li jsemmi l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.
45.
Bi qbil maż-żewġ Gvernijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Gvern Pollakk ukoll jappoġġja l-klassifikazzjoni ta’ Ferm Fruit taħt l-intestatura 2208 tan-NM. Huwa jqis, skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2207, il-metodu ta’ manifattura tax-xarba jagħmilha alkoħol etiliku. Madankollu, minħabba l-qawwa alkoħolika baxxa tagħha, għandha tiġi inkluża taħt is-subintestatura 2208 90 91 jew 2208 90 99 tan-NM. Huwa jsostni wkoll li, skont is-sentenza Cramer ( 12 ), likwidu bħal dak tax-xarba ta’ bażi, li tilef il-karatteristiċi organolettiċi permezz ta’ proċess ta’ filtrazzjonijiet u b’kontenut baxx ta’ alkoħol, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2208, minkejja li jkun inkiseb permezz tal-fermentazzjoni. Il-Gvern Pollakk iżid jgħid li d-WCO appoġġjat din il-pożizzjoni fl-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tagħha approvati fis-sitta u erbgħin sessjoni tal-Kumitat tas-SA.
46.
Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-emendi magħmula minn dak il-Kumitat fin-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestaturi 2207 u 2208, fejn indikat li dawn jaslu għall-istess konklużjoni bħal dawk tas-sentenza Cramer ( 13 ), jiġifieri, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2208 tax-xarbiet iffermentati sussegwentement suġġetti għal proċessi ta’ filtrazzjoni. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-preżenza ta’ 1 % ta’ meraq ikkonċentrat tat-tuffieħ fil-volum totali tax-xarba ma huwiex karatteristika suffiċjenti jew konvinċenti sabiex din titqabbel mal-inbejjed magħmulin mill-frott taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Minħabba l-karatteristiċi ta’ Ferm Fruit, il-Kummissjoni tikklassifikaha taħt is-subintestatura 2208 90 (“xarbiet oħra”).
B – Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14 (klassifikazzjoni ta ’ xarbiet oħra)
47.
Fir-rigward ta’ xarbiet oħra tat-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14, Toorank Productions issostni li dan huwa nbid bit-togħma ta’ tuffieħ, mingħajr ma l-elementi miżjuda bħaz-zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu jew il-konservanti ma jkunu deċiżivi għall-klassifikazzjoni tiegħu. Hija ċaħdet l-inklużjoni ta’ dawn ix-xarbiet taħt l-intestatura 2208 minħabba n-nuqqas ta’ alkoħol iddistillat, li, flimkien mal-kontenut baxx ta’ alkoħol tagħhom, jimpedixxi li dawn jiġu mqabbla mal-likuri. Hija żżid li x-xarbiet l-oħra jinbiegħu bħala nbid tat-tuffieħ, huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem u, għaldaqstant, bħax-xarba ta’ bażi Ferm Fruit, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2206 skont ir-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni Nri 1, 4 u 6.
48.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li l-addittivi msemmija jagħtu lil dawk ix-xarbiet oħra l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti tal-intestatura 2208 u, b’mod partikolari, dawk tal-likuri. Fl-opinjoni tiegħu, din il-fehma hija rratifikata min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2206 u l-eżempji li joffru ta’ likuri li ġeneralment ikollhom livell baxx ta’ alkoħol. Finalment, fir-rigward tal-użu, dan il-Gvern jiġbed l-attenzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tax-xarbiet l-oħra mill-appellant bħala prodotti tal-intestatura 2208, b’mod partikolari, b’assoċjazzjoni mal-vodka.
49.
Għall-Gvern Grieg, minħabba n-newtralità ta’ Ferm Fruit, il-karatteristiċi tax-xarbiet oħra jistgħu jiġu attribwiti biss għas-sustanzi miżjuda (zokkor, togħmiet, eċċ u, f’każ wieħed, bażi ta’ krema), li jimpedixxu li dawn jiġu koperti taħt l-intestatura 2206. Barra minn hekk, kuntrarjament għan-noti ta’ spjega relatati mal-intestatura 2208, dawk tal-intestatura 2206 ma jinkludux il-possibbiltà li dawn it-tipi ta’ sustanzi jew addittivi jiġu miżjuda mal-prodotti koperti minn din tal-aħħar.
50.
Il-Gvern Pollakk jaqbel maż-żewġ gvernijiet l-oħra dwar l-inklużjoni tax-xarbiet oħra taħt l-intestatura 2208. Dan jagħmlu billi jenfasizza li kwalunkwe taħlita ta’ alkoħol etiliku ma’ xarbiet jew sustanzi bħal dawk imsemmija fin-noti ta’ spjega (kemm tas-SA kif ukoll tan-NM) dwar l-intestatura 2208 twassal neċessarjament għall-klassifikazzjoni fiha tax-xarbiet miksuba b’dan il-mod. Madankollu, huwa għandu dubji dwar is-subintestatura xierqa għax-xarbiet oħra bbażati fuq Ferm Fruit, minħabba l-informazzjoni insuffiċjenti fuq il-metodu tal-produzzjoni.
51.
Il-Kummissjoni tipprovdi numru ta’ argumenti komuni għal din id-domanda u għal dik relatata ma’ Petrikov Creamy Green. B’mod partikolari, tirreferi għat-tliet kriterji tas-sentenza Siebrand ( 14 ) sabiex tikklassifika prodott finali miksub minn xarba ta’ bażi, li għandhom jiġu mqabbla flimkien, u tenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-karatteristiċi organolettiċi. Fil-każ li xarba magħmula minn frotta partikolari (l-intestatura 2206) ma jkollhiex dawn, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208. Rigward l-użu tal-prodott, għall-Kummissjoni din hija biss kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tal-proprjetajiet oġġettivi tagħha. Madankollu, ma tagħtix opinjoni ċara dwar il-klassifikazzjoni ta’ xarbiet oħra.
C – Fuq id-domanda preliminari tal-Kawża C‑532/14 (Petrikov Creamy Green)
52.
Toorank Productions targumenta li, peress li ż-żieda ta’ alkoħol iddistillat hija l-unika karatteristika ta’ Petrikov Creamy Green rigward ix-xarbiet tat-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14, il-kriterju legali l-iktar ċert huwa dak ta’ tqabbil esklużiv tal-proporzjon ta’ alkoħol fil-prodott. Fil-fehma tagħha, il-ħtieġa tal-prova tal-karatteristiċi organolettiċi, kif ġie dedott mis-sentenza Siebrand ( 15 ) fil-punt 36 tagħha, tirriżulta f’valutazzjonijiet suġġettivi li jwasslu inevitabbilment għal opinjonijiet diverġenti, u minħabba f’hekk, tiġi kompromessa l-applikazzjoni uniformi tan-NM. Jekk ix-xarbiet li jkun fihom iktar minn 51 % ta’ alkoħol iddistillat għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2208, Petrikov Creamy Green, li għandha ammont massimu ta’ 49 %, għandha tiġi inkluża taħt is-subintestatura 2206 00 93 jew 2206 00 99 tan-NM.
53.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jemmen li x-xarba Petrikov Creamy Green għandha tiġi inkluża fl-intestatura 2208, u speċifikament, bħala likur taħt is-subintestatura 2208 70, u jiġġustifika dan billi jargumenta li s-sentenza Siebrand ( 16 ) ma stabbilietx il-qawwa alkoħolika fil-volum bħala l-uniku kriterju għall-klassifikazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi taħt intestatura jew oħra. Peress li tilfet il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tax-xarbiet iffermentati, Petrikov Creamy Green ma għandhiex tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206, iżda taħt dik li tidentifika mal-prodotti tagħha. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li x-xarba inkwistjoni għandha l-karatteristiċi organolettiċi u l-karattru essenzjali ta’ likur.
54.
Bħal fil-każ tax-xarbiet oħra, il-Gvern Grieg iqis li l-parti l-kbira mill-alkoħol ta’ Petrikov Creamy Green ġej miz-zokkor iffermentat użat f’Ferm Fruit. Peress li din iċ-ċirkustanza wasslet biex dan il-Gvern jikklassifika x-xarba ta’ bażi taħt l-intestatura 2208, dan jista’ jsostni biss l-inklużjoni ta’ Petrikov Creamy Green taħt l-istess intestatura. Barra minn hekk, anki f’dan il-prodott tal-aħħar is-sustanzi miżjuda jagħtuh il-karatteristiċi organolettiċi tax-xarbiet taħt l-intestatura 2208.
55.
Għall-Gvern Pollakk id-deskrizzjoni tal-mod ta’ produzzjoni ta’ xarba u, b’mod partikolari, iż-żieda ta’ alkoħol iddistillat, tiddetermina l-klassifikazzjoni tiegħu taħt is-subintestatura 2208 70 10 tan-NM.
56.
B’rabta mal-ispjegazzjonijiet riflessi fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-kriterju tas-sentenza Siebrand ( 17 ) dwar il-proporzjon ta’ alkoħol iddistillat fir-rigward tal-qawwa alkoħolika bil-volum, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistabbilixxi ebda regola skont liema iktar minn 50 % ta’ dik il-qawwa f’wieħed mit-tipi ta’ alkoħol, iddistillat jew iffermentat, neċessarjament tinvolvi l-klassifikazzjoni ta’ xarba taħt intestatura partikolari, jiġifieri, 2206 jew 2208. Għalhekk, u minħabba li Petrikov Creamy Green kisbet il-karatteristiċi oġġettivi ta’ likur, hija temmen li għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208 70.
VI – Evalwazzjoni
A – Osservazzjoni preliminari u approċċ
57.
Meta ssir deċiżjoni preliminari dwar klassifikazzjoni tariffarja, huwa abitwali li wieħed ifakkar li l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju kjarifika dwar il-kriterji li għandha ssegwi sabiex tikklassifika b’mod korrett il-prodotti tan-NM, u mhux li twettaq din il-klassifikazzjoni hi stess ( 18 ).
58.
Din id-diviżjoni tal-kompiti tirriżulta mill-aħjar sitwazzjoni li jinsabu fiha l-qrati nazzjonali sabiex iwettqu l-klassifikazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat ripetutament, fil-qasam tal-kooperazzjoni ma’ dawn tal-aħħar, id-dritt li jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ir-risposta tagħha tkun utli ( 19 ). Ir-riżerva wasslet biex ħafna drabi tindika speċifikament is-subintestatura tan-NM li tikkorrispondi għall-oġġett suġġett ta’ kull każ. Madankollu, nemmen li huwa xieraq li tiġi segwita d-distribuzzjoni tal-funzjonijiet imsemmija, u għalhekk ser noffri l-opinjonijiet li jistgħu jgħinu lill-Hoge Raad tispeċifika biss l-intestatura approprjata għal kull waħda mill-kawżi.
B – Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑533/14
59.
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk xarba bħal Ferm Fruit, miksuba permezz ta’ fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, b’qawwa alkoħolika ta’ 16 % vol., u newtrali f’termini ta’ riħa, kulur u togħma bħala riżultat tal-purifikazzjoni tagħha permezz ta’ diversi metodi ta’ filtrazzjoni, għandhiex tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 jew l-intestatura 2208 tan-NM.
60.
Sabiex tiġi indirizzata din id-domanda għandha titfakkar, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza stabbilita skont liema, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u jiġu ffaċilitati l-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, ġeneralment jinsab, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif inhuma definiti fit-test tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ( 20 ). Barra minn hekk, u huwa loġiku li s-sigurtà u l-veloċità tal-kummerċ jeħtieġu hekk, dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi għandhom ikunu verifikabbli fil-ħin tal-iżdoganar ( 21 ).
61.
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li n-noti li jiġu qabel il-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni, bħan-noti ta’ spjega (magħmulin, fir-rigward tan-NM, mill-Kummissjoni u, fir-rigward tas-SA, mid-WCO) jikkontribwixxu b’mod prominenti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti, għalkemm ma għandhomx saħħa legali vinkolanti ( 22 ). Fi kwalunkwe każ, minħabba r-relazzjoni diretta tagħhom mal-organizzazzjoni li tistabbilixxihom, dawn in-noti għandhom jingħataw valur interpretattivi rilevanti ( 23 ), permezz tal-integrazzjoni tal-voluntas legislatoris tal-Partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni SA.
62.
It-tielet nett, kuntrarjament għall-fatti li taw lok għas-sentenza Siebrand ( 24 ), din il-kawża ma tinvolvix prodotti mħallta li jaqgħu taħt intestatura partikolari tan-NM. Għaldaqstant, ir-regola ta’ interpretazzjoni applikabbli ma hijiex dik sussidjarja, Nru 3, ittra b), għall-prodotti mħallta, iżda r-regola Nru 1, skont liema l-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM għandha titwettaq skont il-kliem tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu, kif ukoll dawk tan-noti ta’ spjega.
63.
B’kunsiderazzjoni ta’ dawn il-premessi, huwa ċert li, mill-inqas fl-oriġini, Ferm Fruit tikseb il-qawwa alkoħolika bil-volum tagħha mill-fermentazzjoni taz-zokkor u konċentrat tat-tuffieħ biż-żieda tal-ħmira (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-intestatura korrispondenti, għandha tiġi segwita n-nota ta’ spjega tas-SA tal-intestatura 2206 dwar ix-xarbiet iffermentati. Fit-tielet paragrafu tagħha naqraw li x-xarbiet li jaqgħu taħt l-intestatura 2206 għandhom iżommu din il-klassifikazzjoni, minkejja li jiżdied l-alkoħol magħhom, sakemm jinżammu l-karatteristiċi tal-prodotti kklassifikati taħt dik l-intestatura, jiġifieri, dawk ta’ xarbiet iffermentati.
64.
Jekk, fil-prinċipju, it-telf tal-karatteristiċi organolettiċi tax-xarbiet iffermentat ikun kwistjoni ta’ fatt li għandha tevalwa l-qorti tar-rinviju, li ma jkunx dibattibbli f’deċiżjoni preliminari, xorta waħda jeżistu numru ta’ indikazzjonijiet li minnhom tista’ tiġi estratta xi gwida utli għall-Hoge Raad sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm żball fl-interpretazzjoni tal-intestaturi tan-NM mill-qorti tal-appell.
65.
Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara l-purifikazzjoni tax-xarba (proċess ta’ filtrazzjoni), il-likwidu sar newtrali rigward ir-riħa, it-togħma u l-kulur. In-newtralità tal-kwalitajiet essenzjali ta’ xarba jagħmlu Ferm Fruit simili għal alkoħol etiliku ta’ grad baxx u, b’mod partikolari, għal likuri li jaqgħu taħt l-intestatura 2208 tan-NM, skont il-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ), u kif ġie argumentat sostanzjalment mill-Gvernijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura preliminari.
66.
Barra minn hekk, il-filtrazzjonijiet (purifikazzjonijiet) diversi li jsiru fuq Ferm Fruit jeskluduha mix-xarbiet iffermentati tal-intestatura 2206, peress li ma hijiex prodotta unikament permezz ta’ fermentazzjoni, kif indikat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ).
67.
Għalkemm uħud mill-partijiet użaw ukoll il-kriterju tal-użu tal-prodott għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu, ma naħsibx, madankollu, li dan huwa rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li dan il-kriterju huwa utli biss jekk il-klassifikazzjoni ma tkunx tista’ sseħħ biss b’mod konformi mal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ( 27 ).
68.
Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza ppreżentata preċedentement fil-punti ta’ hawn fuq jiġi dedott li l-karatteristiċi organolettiċi tax-xarbiet bħal Ferm Fruit, newtrali rigward it-togħma, ir-riħa u l-kulur, u li ġew suġġetti għal proċessi ta’ purifikazzjoni, jikkorrispondu għal dawk tal-alkoħol iddistillat tal-intestatura 2208 u, b’mod iktar speċifiku, ix-xarba tixbah lil likuri. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma hemmx għalfejn jiġu analizzati aspetti oħra, peress li l-klassifikazzjoni hija possibbli abbażi ta’ dawk il-karatteristiċi.
69.
Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet preċedenti, nipproponi r-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Hoge Raad fil-Kawża C‑533/14 tkun li xarba bħal Ferm Fruit, miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, b’qawwa alkoħolika ta’ 16 % vol., u newtrali f’termini ta’ riħa, kulur u togħma minħabba l-purifikazzjoni tagħha permezz ta’ metodi differenti ta’ filtrazzjoni, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208, li tikkonċerna, fost affarijiet oħra, likuri.
C – Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14
70.
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ix-xarbiet miksuba permezz taż-żieda ta’ Ferm Fruit ma’ numru ta’ sustanzi bħaz-zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu u konservanti, iżda mhux alkoħol iddistillat, għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2206 jew 2208.
71.
Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ osservazzjonijiet preliminari. L-ewwel nett, nemmen li, għalkemm id-domanda hija miktuba fis-singular (jiġifieri, tirreferi għal xarba waħda), mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Hoge Raad tindika diversi xarbiet li teħtieġ risposta dwarhom.
72.
It-tieni nett, naqbel mal-Gvern Pollakk li l-informazzjoni pprovvduta ma hijiex kompluta biżżejjed, u għalhekk il-linji gwida interpretattivi li jistgħu jiġu offruti hawnhekk se jkollhom effett ġenerali u ma jippermettux li jsir approfondiment fis-subintestatura xierqa fejn għandhom jiġu assenjati l-prodotti inkwistjoni.
73.
It-tielet u l-aħħar nett, għalkemm iż-żieda ta’ sustanzi ma’ Ferm Fruit tintroduċi problema simili għal dik tal-Kawża C‑532/14, id-differenza fil-kontenut ta’ alkoħol iddistillat f’din tal-aħħar tiġġustifika studju separat tad-domandi.
74.
B’kunsiderazzjoni ta’ dan, nemmen li s-soluzzjoni hija dedotta mill-klassifikazzjoni tax-xarba ta’ bażi, kif ġie ddikjarat fid-domanda preċedenti. Naqbel mal-Gvern Grieg li, minħabba l-proporzjon għoli ta’ alkoħol miksub mill-fermentazzjoni ta’ xarbiet oħra, kif ukoll in-newtralità tal-kwalitajiet organolettiċi tiegħu, il-karatteristiċi tax-xarbiet miksuba billi jiżdiedu sustanzi ma’ Ferm Fruit jistgħu jiġu biss minn dawk is-sustanzi.
75.
Konsegwentement, huwa biss fil-każ li s-sustanzi addizzjonali jipprovdu lix-xarbiet oħra l-karatteristiċi essenzjali ta’ dawk iffermentati li jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala klassifikabbli taħt l-intestatura 2206. Fl-ipoteżi, dan ir-riżultat jista’ jinkiseb billi tiżdied, pereżempju, ma’ Ferm Fruit xarba esklużivament iffermentata, mhux suġġetta għal purifikazzjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ li tiddeskrivi l-qorti nazzjonali tar-rinviju. Jidher mid-dokumenti ppreżentati mill-Hoge Raad li s-sustanzi miżjuda max-xarbiet oħra huma, b’mod partikolari, aromi u zokkor.
76.
Barra minn hekk, iż-żieda ta’ zokkor u aromi hija prevista, espressament, fin-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2208 bħala mod kif jinkisbu spirti, likuri u xarbiet ta’ spirti oħra, iżda mhux taħt l-intestatura 2206, kif josserva l-Gvern Grieg. Filwaqt li huwa ċert li dan id-dokument jinvolvi zokkor u aromi oħra miżjuda mal-alkoħol iddistillat, għandu jiġi estiż għall-każ tax-xarbiet li jużaw bħala bażi Ferm Fruit taħt il-finzjoni legali sabiex titqies bħala xarba alkoħolika, probabbilment likur, minħabba l-karatteristiċi organolettiċi tagħha.
77.
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑533/14 tkun li x-xarbiet miksuba permezz ta’ żieda ma’ Ferm Fruit ta’ serje ta’ sustanzi bħal zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu u konservanti, iżda mhux alkoħol iddistillat, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2208.
D – Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C‑532/14 (Petrikov Creamy Green)
78.
Il-Hoge Raad tixtieq issir taf taħt liema miż-żewġ intestaturi, l-2206 jew l-2208, għandha tiġi kklassifikata xarba b’qawwa alkoħolika ta’ 13.4 % vol. miksuba permezz tat-taħlit tax-xarba (ta’ bażi) alkoħolika ppurifikata (jiġifieri, Ferm Fruit) ma’ zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu, konservanti u alkoħol iddistillat, b’kunsiderazzjoni li l-alkoħol ddistillat, kemm fil-volum kif ukoll bħala perċentwal, ma jkunx iktar minn 49 % ta’ kontenut tal-alkoħol, filwaqt li l-51 % li jifdal tkun magħmula minn alkoħol miksub mill-fermentazzjoni.
79.
Kif innotat iktar ’il fuq, l-ispeċifiċità ta’ din id-domanda hija li Petrikov Creamy Green tinkludi fil-kompożizzjoni tagħha alkoħol iddistillat, minbarra dak ta’ oriġini ffermentata li ġejja mix-xarba Ferm Fruit. Għalhekk, għandha tiġi indirizzata separatament mis-sentenza Siebrand (partikolarment il-punti 35 sa 38 tagħha) ( 28 ), skont id-dispożittiv tal-opinjoni rilevanti tal-Hoge Raad.
80.
Fil-kawża Siebrand ( 29 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina liema miż-żewġ materji inklużi taħt l-intestaturi 2206 u 2208, rispettivament, l-alkoħol iffermentat jew dak iddistillat, kien jipprovdi l-karattru essenzjali lil waħda minn dawn ix-xarbiet li jkun fihom iż-żewġ tipi ta’ alkoħol. Fil-punt 35 tas-sentenza jintqal li għandhom jitqiesu diversi karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi, u li l-alkoħol iddistillat kien jikkontribwixxi iktar minn dak iffermentat mhux biss għall-volum globali ta’ alkoħol tax-xarbiet, iżda wkoll għall-kontenut ta’ alkoħol tagħhom. Imbagħad is-sentenza eżaminat il-karatteristiċi organolettiċi (il-punti 36 u 37) u l-użu tal-prodott (il-punt 38), mingħajr ma jkun meħtieġ li nsemmi dik l-analiżi hawnhekk.
81.
Id-dubju tal-Hoge Raad fil-Kawża C‑532/14 jiffoka fuq il-portata tal-punt 35 tas-sentenza Siebrand: ( 30 ) hija tistaqsi jekk, kif issuġġerit minn Toorank Productions, jistabbilixxix kriterju assolut skont liema, meta l-proporzjon ta’ wieħed mill-alkoħol ikun ogħla mit-tip l-ieħor, jistax jiġi injorat l-istudju tal-kriterji relatati mal-karatteristiċi organolettiċi u l-użu tal-prodott.
82.
Naqbel mal-Kummissjoni li fil-punt 35 tas-sentenza Siebrand ( 31 ) il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tistabbilixxi kriterju skont liema l-perċentwal ta’ wieħed mit-tipi ta’ alkoħol, iffermentat jew iddistillat ta’ iktar minn 50 % tal-grad volumetriku alkoħoliku jimplika neċessarjament ir-reġistrazzjoni ta’ xarba taħt l-intestatura 2206 jew 2208, skont liema miż-żewġ tipi ta’ alkoħol ikun predominanti.
83.
Nemmen li, qari ppreġudikat u inkomplet biss jista’ jwassal li s-sentenza Siebrand ( 32 ) tiġi mifhuma kif propost minn Toorank Productions.
84.
Fil-fatt, f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-regola ta’ interpretazzjoni Nru 3, ittra b) tan-NM għall-każijiet ta’ prodotti mħallta, li kienet tobbligaha tinvestiga l-materjal li jagħti lill-prodotti kkonċernati l-karattru essenzjali ( 33 ). Fil-paragrafu 35 iddikjarat b’mod ċar li tqis il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi varji, li fosthom enfasizzat, għall-ewwel biss, il-proporzjon ikbar ta’ alkoħol iddistillat, li jirriżulta loġiku meta wieħed iqis li dawn il-prodotti kellhom kontenut ta’ alkoħol ta’ 14.5 %, li jikkorrispondi għal 12-il punt perċentwali ta’ alkoħol iddistillat u 2.5 biss ta’ alkoħol iffermentat ( 34 ). F’din is-sitwazzjoni, jidher ovvju li l-proporzjon ta’ alkoħol iddistillat, kunsiderevolment ikbar minn dak tal-alkoħol iffermentat, jitqies bħala karatteristika tax-xarba.
85.
Barra minn hekk, fil-punti 36 u 37 tal-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti u fil-punt 38, l-użu tagħhom, u fil-punt 39 waslet għal soluzzjoni bħala riżultat tal-evalwazzjoni globali tat-tliet kriterji pprovduti.
86.
Minn dan jista’ jiġi dedott li l-ikbar proporzjon eventwali ta’ tip wieħed ta’ alkoħol meta mqabbel ma’ ieħor ma huwa xejn ħlief kriterju wieħed fost ħafna, applikabbli meta jkollu jiġi deċiż, skont ir-regola ta’ interpretazzjoni Nru 3, ittra b) tan-NM, liema materjal jagħti lill-prodotti n-natura essenzjali tagħhom.
87.
Għalhekk, fil-fehma tiegħi naħseb li fil-każ ta’ Petrikov Creamy Green ma japplikax il-kriterju tal-punt 35 tas-sentenza Siebrand ( 35 ). Fil-fatt, ir-relazzjoni ta’ 51 % ta’ alkoħol iffermentat meta mqabbla ma’ 49 % ta’ dak iddistillat ma tipprovdix biżżejjed ċarezza dwar liema prodott jagħti n-natura essenzjali.
88.
Konsegwentement, il-piż tal-evalwazzjoni jaqa’ għal darba oħra fuq il-kriterju tal-proprjetajiet jew karatteristiċi organolettiċi. Madankollu, peress li l-kriterju tal-proporzjon huwa l-unika differenza reali mit-tieni domanda fil-Kawża C‑533/14, ir-risposta għad-dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ Petrikov Creamy Green hija bbażata fuq l-istess prinċipji, li qed nagħmel riferiment għalihom.
89.
Fil-qosor, jiena nemmen li d-domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad fil-Kawża C‑532/14 għandha tingħata risposta fis-sens li xarba b’qawwa alkoħolika ta’ 13,4 % vol. miksuba bit-taħlita ta’ xarba alkoħolika ppurifikata, imsejħa “Ferm Fruit”, miksuba permezz tal-fermentazzjoni ta’ konċentrat tat-tuffieħ, zokkor, aromi, koloranti, aġenti tal-palat, aġenti li jgħaqqdu, konservanti u alkoħol iddistillat, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208 tan-NM, anki meta l-alkoħol, kemm fil-volum kif ukoll fil-perċentwal ma jaqbiżx id-49 % tal-alkoħol li jinsab fix-xarba u l-51 % li jifdal ikun magħmul minn alkoħol li ġej minn fermentazzjoni.
VII – Konklużjoni
90.
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fit-termini li ġejjin:
Fil-Kawża C‑533/14:
Fil-Kawża C‑532/14:
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Deċiżjoni tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
( 3 ) Stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, magħmula fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (“il-Konvenzjoni SA”).
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382.
( 5 ) L-uniċi noti uffiċjali huma n-noti ppubblikati biż-żewġ lingwi uffiċjali tad-WCO, il-Franċiż u l-Ingliż.
( 6 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 7 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 8 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 9 ) Kawża C‑339/09,:EU:C:2010:781.
( 10 ) Paderborner Brauerei Haus Cramer, (C‑196/10, EU:C:2011:487); iktar ’il quddiem, is-“sentenza Cramer”.
( 11 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 12 ) Kawża C‑196/10, EU:C:2011:487.
( 13 ) Kawża C‑196/10, EU:C:2011:487.
( 14 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 15 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 16 ) Idem.
( 17 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 18 ) Ara, b’riferiment għal tnejn riċenti ħafna, is-sentenzi Amazon EU (C‑58/14, EU:C:2015:385), punt 17, u Rohm Semiconductor (C‑666/13, EU:C:2014:2388), punt 23.
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rohm Semiconductor (C‑666/13, EU:C:2014:2388), punt 23; Data I/O (C‑370/08, EU:C:2010:284), punt 24, u Data I/O (C‑297/13, EU:C:2014:331), punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 20 ) Sentenza Cramer (C‑196/10, EU:C:2011:487), punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.
( 21 ) Sentenza Pacific Worl Limited (C‑215/10, EU:C:2011:528), punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 22 ) Sentenzi Oliver Medical (C‑547/13, EU:C:2015:139) u Delphi Deutschland (C‑423/10, EU:C:2011:315), punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata
( 23 ) Ara, b’mod simili, is-sentenza Nederlandse Spoorwegen (38/75, EU:C:1975:154), punt 10.
( 24 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 25 ) Sentenza Skoma-Lux (C‑339/09, EU:C:2010:781), punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 26 ) Sentenza Cramer (C‑196/10, EU:C:2011:487), punt 37.
( 27 ) Sentenza Skoma-Lux (C‑339/09, EU:C:2010:781), punt 47 u l-ġurisprudenza kkwotata.
( 28 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
( 29 ) Idem.
( 30 ) Idem.
( 31 ) Idem.
( 32 ) Idem.
( 33 ) Sentenza Siebrand (C‑150/08, EU:C:2009:294), punti 31 u 32.
( 34 ) Idem, punt 33.
( 35 ) Kawża C‑150/08, EU:C:2009:294.
Full & Egal Universal Law Academy