KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑542/14
“VM Remonts” SIA (li kienet “DIV un Ko” SIA),
“Ausma grupa” SIA
vs
Konkurences padome
[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā Tiesa (Qorti suprema, il-Latvja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Artikolu 101(1) TFUE — Imputabbiltà lil impriża tal-aġir illegali ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti — Assenza ta’ konoxxenza mill-impriża tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-fornitur ta’ servizzi indipendenti”
I – Introduzzjoni
1.
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fis-27 ta’ Novembru 2014 mill-Augstākā Tiesa (Qorti suprema), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE fir-rigward ta’ allegat ftehim bejn impriżi waqt il-parteċipazzjoni tagħhom f’sejħa għal offerti organizzata mill-belt ta’ Jūrmala (Il-Latvja).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
2.
L-Artikolu 101 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 81 KE) jipprevedi:
“1. Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:
a)
l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,
b)
il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,
ċ)
it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,
d)
l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,
e)
is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.
[...]”
B – Id-dritt Latvjan
3.
Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni (Konkurences likums), tal-4 ta’ Ottubru 2001 [Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 151]:
“Huma pprojbiti u nulli sa mill-konklużjoni tagħhom il-ftehimiet bejn operaturi li għandhom l-għan jew l-effett li jikkawżaw ostakolu, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-territorju tal-Latvja, inkluż il-ftehimiet dwar:
[…]
5)
il-parteċipazzjoni jew l-assenza ta’ parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti jew f’għoti jew f’dispożizzjonijiet li jirrigwardaw tali azzjonijiet (astensjonijiet) sakemm il-kompetituri ma jkunux ħabbru pubblikament l-offerta komuni tagħhom u sakemm tali offerta ma jkollhiex l-għan li tikkawża ostakolu, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni;
[…]”
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4.
Il-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Jūrmala fetaħ sejħa għal-offerti dwar il-provvista ta’ ikel fl-istabbilimenti edukattivi. “VM Remonts” SIA, li kienet “DIV un Ko” SIA (iktar ’il quddiem “DIV un Ko”), “Ausma grupa” SIA (iktar ’il quddiem “Ausma”) u “Pārtikas kompānija” SIA (iktar ’il quddiem “Pārtikas”) issottomettew offerti f’din is-sejħa għal offerti.
5.
Pārtikas talbet lil “Juridiskā sabiedrība ‘B&Š partneri” SIA sabiex tirċievi assistenza legali fil-kuntest tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-offerta tagħha. Għal dan il-għan, “Juridiskā sabiedrība ‘B&Š partneri’” SIA talbet, min-naħa tagħha, lil subappaltatur, “MMD lietas” SIA (iktar ’il quddiem “Lietas”), li rċeviet mingħand Pārtikas abbozz ta’ offerta, ippreparat minn din il-kumpannija b’mod indipendenti, mingħajr ftehim ma’ DIV un Ko jew Ausma.
6.
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li Pārtikas stabbilixxiet il-prezzijiet tagħha b’mod indipendenti (ara b’mod partikolari mill-punti 3.3 u 3.5 ta’ din id-deċiżjoni) u li, fl-ewwel istanza, l-administratīvā tiesa (qorti amministrattiva) – kompetenti biss fi kwistjonijiet ta’ fatt – indikat li ma jeżistix ftehim jew prattika miftiehma bejn Pārtikas u l-impriżi l-oħra kkonċernati (ara b’mod partikolari mill-punti 3 u 3.5 tal-imsemmija deċiżjoni).
7.
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li Lietas kienet b’mod parallel, mingħajr ma informat lil Pārtikas, ippreparat l-offerti rispettivi ta’ DIV un Ko u ta’ Ausma. F’dan il-kuntest, impjegat ta’ Lietas uża l-offerta ta’ Pārtikas bħala riferiment sabiex jipprepara l-offerti ta’ żewġ offerenti oħra. B’mod partikolari, Lietas kienet ippreparat dawn iż-żewġ offerti billi telqet mill-prezzijiet li kienu jinsabu f’dik ta’ Pārtikas, b’tali mod li l-offerta ta’ Ausma kienet madwar 5 % orħos minn dik ta’ Pārtikas u dik ta’ DIV un Ko, 5 % orħos minn dik ta’ Ausma.
8.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2011, il-Konkurences padome (kunsill tal-kompetizzjoni) ikkunsidra li t-tliet kumpanniji offerenti kienu kisru l-Artikolu 11(1)(5) tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni, billi ppreparaw l-offerti tagħhom b’mod konġunt bil-għan li jissimulaw kompetizzjoni effettiva bejniethom. Il-kunsill tal-kompetizzjoni kkunsidra li din il-prattika miftiehma kienet ikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni u impona multa fuq dawn l-impriżi.
9.
DIV un Ko, Ausma u Pārtikas talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-kunsill tal-kompetizzjoni quddiem l-administratīvā tiesa (qorti amministrattiva), u imbagħad quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali). Permezz tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2013, din l-aħħar qorti annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kkonstatat ksur fir‑rigward ta’ Pārtikas, iżda kkonfermat din id-deċiżjoni għal dak li jirrigwarda ż-żewġ kumpanniji l-oħra.
10.
Minkejja, li din l-istess qorti kkunsidrat li r-relazzjoni aritmetika li teżisti bejn il-prezzijiet tal-offerti tat-tliet offerenti turi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma rigward il-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti, hija kkunsidrat, minn naħa l-oħra, li ebda element ma juri li Pārtikas kienet assoċjata f’din il-prattika.
11.
DIV un Ko u Ausma ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Augstākā Tiesa (Qorti suprema) kontra s-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) peress li din kienet ċaħdet ir-rikors tagħhom. Il-kunsill tal-kompetizzjoni, min-naħa tiegħu, ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza peress li din laqgħet ir-rikors ta’ Pārtikas.
12.
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tistax twassal għar-responsabbiltà tagħha, meta ma kienx stabbilit li d-diretturi ta’ din il-kumpannija kienu taw il-kunsens tagħhom għal dawn l-atti jew kienu jafu bihom.
13.
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni kien elaborat wara t-teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità ta’ armonizzazzjoni bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u li għalhekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun differenti minn dik tal-Artikolu 101(1) TFUE.
14.
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158) kif ukoll Slovenská sporiteľňa (C‑68/12, EU:C:2013:71) jirriżulta li impriża hija responsabbli, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, għall-atti mwettqa minn persuna li, bħal impjegat, taġixxi f’isem din l-impriża, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuni li għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet fi ħdan l-imsemmija impriża qabdux lil din il-persuna sabiex taġixxi f’dan is-sens jew jekk huma kinux jafu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza hijiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sa fejn l-atti eżaminati f’din il-kawża ma huwiex l-għemil ta’ impjegat ta’ Pārtikas, iżda ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, dan il-fornitur ma kienx jaġixxi biss għal din il-kumpannija, iżda wkoll f’isem DIV un Ko u Ausma.
15.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās Tiesa (Qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jiġi ddikkjarat li impriża tkun ipparteċipat fi ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi pprovat aġir personali ta’ diriġent tal-impriża jew tal-fatt li dan kien jaf dwar, jew ikkonsenta, għal aġir ta’ persuna li kienet tipprovdi servizzi esterni għall-impriża filwaqt li taġixxi f’isem parteċipanti oħra għall-eventwali akkordju?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Latvja u tal-Italja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-21 ta’ Ottubru 2015.
V – L-analiżi
A – Fuq l-ammissibbiltà
17.
Il-Kummissjoni, li kienet l-unika li ppreżentat osservazzjonijiet dwar dan il-punt, timmilita favur l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Fil-fatt, minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli għall-proċedura prinċipali, peress li l-prattika miftiehma inkwistjoni f’din il-kawża ma tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-liġi dwar il-kompetizzjoni kienet adottata preċiżament bil-għan li d-dritt Latvjan ikun allinjat ma’ dak tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żżid li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma, iktar paragunabbli ma’ dawk li taw lok għas-sentenza Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160) milli ma’ dawk tas-sentenza Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85).
18.
Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda hija ammissibbli.
19.
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar domandi preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, iżda fejn dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija konformi, għas-soluzzjoni ta’ sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk użati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’tali każijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, biex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti fid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw ( 2 ).
B – Dwar il-mertu
20.
F’din il-kawża, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk impriża tistax titqies, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li pparteċipat fi prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, konsistenti f’offerta kollużorja magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti (“bid rigging” ( 3 )), abbażi biss tal-prova tal-aġir illegali ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti minn din l-impriża, responsabbli mill-preparazzjoni tal-offerta, meta ma huwiex ipprovat li d-diriġenti tal-imsemmija impriża kienu jafu b’dan l-aġir jew awtorizzawh.
1. Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet
21.
Il-Gvern Latvjan jissuġġerixxi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li impriża pparteċipat fi ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma teħtieġx il-prova la ta’ aġir personali ta’ diriġent tal-impriża, u lanqas tal-fatt li huwa kien jaf jew ikkonsenta għall-aġir tal-fornitur ta’ servizzi lill-impriża tiegħu li jaħdem ukoll għall-parteċipanti oħra fl-eventwali akkordju.
22.
Fil-fatt, dan il-Gvern jikkunsidra li, f’kawża bħall-kawża prinċipali, l-istatus legali tal-persuna li teżegwixxi l-funzjoni fdata mill-impriża (impjegat jew indipendenti, ħaddiem jew aġent) ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriża għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.
23.
Skont l-imsemmi Gvern, mid-definizzjonijiet ta’ mandatarju u ta’ ħaddiem fid-dritt Latvjan jirriżulta li, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor jaġixxu fl-interess tal-impriża li tirrikorri għas-servizzi tagħhom. L-istess japplika għall-fornitur indipendenti mqabbad mill-impriża sabiex jipprovdi servizz legali. Fil-fatt, dan tal-aħħar ikun kiseb l-awtorizzazzjoni sabiex jaġixxi bl-użu ta’ informazzjoni miżmuma mill-impriża. Il-fornitur ta’ servizzi esterni ma jassumix ir-riskji tal-attività ekonomika meta huwa jaġixxi f’isem terz u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti tiegħu jkunu imputabbli lill-impriża li tirrikorri għas-servizzi tiegħu.
24.
Barra minn hekk, impriża għandha turi prova ta’ prudenza fl-għażla tal-mandatarju tagħha, kif għandha tkun waqt ir-reklutaġġ ta’ ħaddiem. Jekk dan l-obbligu ma jeżistix, l-impriżi jirrikorru għal terzi sabiex iwettqu l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mingħajr riskju ta’ sanzjoni.
25.
Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk l-informazzjoni mibgħuta mill-impriża lill-fornitur jistax ikollha effett fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, informazzjoni dwar l-offerta konkreta ta’ impriża fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti jista’ jkollha tali effett, peress li tinkludi indikazzjonijiet mhux aċċessibbli għal pubbliku kkonċernat, pereżempju, il-prezz propost jew l-funzjonament tal-impriża.
26.
Fid-dawl tal-fatt li, fil-kawża prinċipali, Lietas kienet fil-pussess ta’ informazzjoni (sensittiva) li seta’ kellha effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni u li hija kellha mandat li taġixxi f’isem Pārtikas b’din l-informazzjoni, jista’ jiġi konkluż li din l-impriża hija responsabbli għall-atti tal-fornitur mwettqa f’isem il-parteċipanti l-oħra fl-eventwali akkordju.
27.
Barra minn hekk, il-Gvern Latvjan jargumenta li ma huwiex neċessarju li jintwera li d-diretturi tal-impriża awtorizzaw il-fornitur indipendenti sabiex jibgħat l-informazzjoni kkontestata jew anki li huma kienu jafu b’dan. Fil-fatt, id-diretturi għandhom jiġu kkunsidrati bħala neċessarjament informati bl-atti mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi indipendenti marbuta man-negozju tagħhom.
28.
Il-Gvern Taljan jipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li r-responsabbiltà ta’ ftehim antikompetittiv tista’ tkun imputata lil impriża li hija nvoluta minħabba l-aġir ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti, li bagħat lill-impriżi kompetituri l-informazzjoni li huwa rċieva mill-ewwel impriża, anki jekk id-diretturi ta’ din l-impriża jinjoraw din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u ma jawtorizzawhiex, sa fejn l-impriża kkonċernata ma tipprovax li hija ma kellha l-ebda possibbiltà raġonevoli li tipprevedi u tevita l-aġir illegali tal-fornitur.
29.
F’dan ir-rigward, dan il-Gvern iqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-aġir imwettaq minn impjegati ta’ impriża hija trasponibbli mutatis mutandis għal sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-aġir ikkontestat twettaq minn fornitur indipendenti. Għalhekk ma huwiex neċessarju li l-aġir li jikkostitwixxi akkordju jitwettaq mid-diretturi jew rappreżentanti ta’ din l-impriża, iżda sempliċement minn persuna li taġixxi f’isem l-impriża.
30.
Fil-fatt, minn naħa, li l-impriżi jitħallew jinvokaw l-argument li l-aġir illegali twettaq minn persuni li ma humiex parti mit-tmexxija tal-impriża sabiex jevitaw ir-responsabbiltà tagħhom jikkomprometti l-possibbiltà li jiġi pprojbit il-ftehim illegali.
31.
Min-naħa l-oħra, ksur tar-regoli tal-Artikolu 101 TFUE ma jeħtieġx intenzjoni min-naħa tal-impriża, iżda jista’ jirriżulta minn negliġenza ta’ din tal-aħħar. B’hekk, is-sempliċi fatt li d-diretturi ta’ impriża bħal Pārtikas ma awtorizzawx b’mod espliċitu lil Lietas tikkomunika l-abbozz tal-offerta lill-kompetituri ta’ din l-impriża jew li njoraw li saret tali komunikazzjoni ma jistax jeskludi li l-imsemmija impriża pparteċipat fl-akkordju li jirriżulta mill-aġir ta’ dan il-fornitur. Pārtikas kienet negliġenti meta fdat l-abbozzar tal-offerta lil fornitur mingħajr ma pprojbitu li jagħmel l-istess għall-impriżi kompetituri u li juża l-kontenut għall-benefiċċju tagħhom.
32.
Għalhekk, Pārtikas aċċettat riskju li hija tkun totalment imputabbli bir-responsabbiltà tal-ftehim antikompetittiv li jirriżulta mill-aġir ta’ dan il-fornitur. Minn dan isegwi li din l-impriża ma tistax tkun eżentata minn din ir-responsabbiltà ħlief jekk tipprova b’mod speċifiku li hija ma kellha l-ebda possibbiltà raġonevoli li tipprevedi jew tevita l-aġir illegali tal-fornitur.
33.
Il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tkun kif ġej:
“L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li impriża pparteċipat fi ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-aġir ta’ aġent li ma huwiex wieħed mill-impjegati tagħha teħtieġ il-prova:
—
li l-aġir li jikkostitwixxi ksur jaqa’ fil-qasam tal-missjonijiet delegati lill-aġent mill-impriża, jew
—
li l-impriża kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-aġent u ma tbegħditx minnu pubblikament.
Meta l-aġir li jikkostitwixxi ksur jaqa’ fil-qasam ta’ attivitajiet delegati lill-aġent, ma huwiex madankollu neċessarju li jintwera li dan kien ingħata mandat sabiex jeżerċita l-imsemmija attivitajiet b’mod illegali, u lanqas li t-tmexxija tal-impriża kienet taf jew ikkonsentit dan l-aġir”.
34.
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi l-kunċetti ta’ “impjegat” u ta’ “aġent”. B’mod partikolari, fis-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li aġent jista’ jkun impriża distinta minn dik prinċipali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE, ħlief fil-każ fejn l-aġent ikun “integrat” mal-impriża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet kriterji differenti, jiġifieri, minn naħa, jekk l-aġent ħax ir-responsabbiltà ta’ riskju ekonomiku, u min-naħa l-oħra, in-natura esklużiva jew le tas-servizzi pprovduti minnu. Dawn il-kriterji kienu applikati b’mod partikolari mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (T‑66/99, EU:T:2003:337), fejn kienet eżaminata l-kwistjoni tal-imputazzjoni lill-impriża tar-responsabbiltà ta’ att li jikkostitwixxi ksur imwettaq minn aġent.
35.
Madankollu, dawn iż-żewġ kriterji ma humiex la eżawrjenti u lanqas kumulattivi. Mis-sentenza Energetický a průmyslový u EP Investment Advisors vs Il-Kummissjoni (T‑272/12, EU:T:2014:995) jirriżulta li huwa importanti wkoll li jiġi ddeterminat jekk l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni jaqax fil-qasam tal-kompetenzi tal-aġent filwaqt li l-kriterju ta’ riskju ekonomiku jew tal-esklużività ma humiex dejjem deċiżivi.
36.
Dan l-approċċ huwa wkoll dak segwit mill-Competition Appeal Tribunal (qorti tal-appell fil-qasam tal-kompetizzjoni, Ir-Renju Unit) fis-sentenza tagħha A H Willis & Sons Ltd vs Office of Fair Trading (OFT) [2011] CAT 13. Din il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li l-aġir illegali ta’ aġent ma jistax ikun imputat lill-prinċipal tiegħu meta jikkostitwixxi att kompletament distint mill-funzjonijiet fdati lilu minn dan tal-aħħar.
37.
It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għar-responsabbiltà tal-prinċipal għall-attivitajiet tal-aġenti tiegħu, il-Kummissjoni targumenta b’mod partikolari li, fid-dritt Franċiż ( 4 ), prinċipal huwa responsabbli mill-aġir tal-aġent tiegħu bil-kundizzjoni li l-ksur twettaq fil-kuntest – reali jew apparenti – tal-funzjonijiet tiegħu ( 5 ).
38.
Minn din il-ġurisprudenza u minn dawn il-prinċipji jirriżulta li l-fatt biss li Lietas ma kinitx aġent esklużiv ta’ Pārtikas ma huwiex biżżejjed sabiex jeżenta lil din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-aġir ta’ Lietas. Mill-banda l-oħra, l-aġir ta’ Lietas ma jistax ikun imputat lil Pārtikas jekk ma jaqax fil-kuntest tal-funzjonijiet li kienu fdati lilu ħlief jekk Pārtikas kienet taf b’dan l-aġir u ma tbegħditx minnu pubblikament. Lietas kienet responsabbli biss mill-preparazzjoni tad-dokumenti tal-offerta ta’ Pārtikas skont struzzjonijiet mogħtija minn din l-impriża (sempliċi rappreżentazzjoni tal-impriża u preżentazzjoni tal-offerta), għalhekk id-deċiżjoni ta’ impjegat ta’ Lietas li jipprepara l-offerti tal-kompetituri ta’ Pārtikas abbażi ta’ dak stabbilit minn din l-impriża tidher bħala l-eżerċizzju ta’ funzjoni totalment distinta li ma tistax tkun imputata lill-imsemmija impriża. Barra minn hekk jirriżulta wkoll mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li Lietas ma ngħatatx mandat sabiex tinnegozja mal-impriżi l-oħra.
2. Evalwazzjoni
a) Riflessjonijiet ġenerali u ġurisprudenza
39.
Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li permezz tagħha, mingħajr ma din tkun laħqet l-istadju fejn akkordju veru u proprju jkun ġie konkluż, il-kooperazzjoni prattika bejniethom tiġi ssostitwita intenzjonalment għar-riskji tal-kompetizzjoni ( 6 ). Tali prattika tista’ tirriżulta b’mod partikolari minn kuntatt dirett jew indirett bejn l-impriżi kompetituri, li l-għan jew l-effett tiegħu huwa li jinfluwenza kondotta fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huma stess iddeċidew li jadottaw jew li għandhom il-ħsieb li jadottaw fis-suq ( 7 ).
40.
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li impriża ma tistax tkun imputata prattika miftiehma mingħajr ma jkun stabbilit li hija pparteċipat deliberatament. F’dan il-kuntest, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġx il-prova li tali impriża tikser b’mod konxju l-Artikolu 101 TFUE, għandu madankollu jiġi kkonstatat li din l-impriża ma tistax tinjora li l-aġir tagħha għandu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 8 ).
41.
B’mod partikolari minħabba s-sanzjonijiet kbar marbuta mal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħala regola, ir-responsabbiltà għandha tkun personali, kemm jekk il-ksur seħħ intenzjonalment kif ukoll jekk twettaq b’negliġenza.
42.
It-talba għal deċiżjoni preliminari tpoġġi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-imputazzjoni possibbli lill-impriżi ta’ atti mwettqa minn terzi.
43.
F’dan ir-rigward, huwa possibbli li ssir distinzjoni tal-prattika ipprojbita mid-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa minn:
—
impjegat tal-impriża;
—
wieħed mis-sussidjarji tagħha, jew
—
minn terz (persuna fiżika jew morali) li ma hijiex integrata fl-istruttura organizzattiva tal-kumpannija.
44.
Jekk tkun l-impriża stess, permezz tar-rappreżentanti jew tal-impjegati tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-kumpannija, li tadotta aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni, ir-responsabbiltà diretta tagħha hija stabbilita, kemm jekk il-ksur twettaq intenzjonalment kif ukoll b’negliġenza. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-impriża “tippreżumi mhux azzjoni jew saħansitra għarfien mill-persuni assoċjati jew mill-amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża” ( 9 ).
45.
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-parteċipazzjoni f’akkordji pprojbiti mit-Trattat FUE spiss tikkostitwixxi attività moħbija li ma hijiex suġġetta għal regoli formali. Huwa rari li rappreżentant ta’ impriża jipparteċipa f’laqgħa b’mandat għall-finijiet li jwettaq ksur”. Għalhekk “l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma teħtieġx il-prova ta’ aġir personali tar-rappreżentant awtorizzat ta’ impriża jew ta’ ftehim partikolari li permezz tiegħu dan ir-rappreżentant awtorizza, taħt forma ta’ mandat, l-aġir tal-impjegat tiegħu li pparteċipa f’laqgħa antikompetittiva” ( 10 ).
46.
Il-ġurisprudenza rriteniet ukoll ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-atti li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa mis-sussidjarji tagħhom fil-każijiet fejn dawn l-impriżi jifformaw unità ekonomika, “[m]eta entità ekonomika bħall din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur” ( 11 ).
47.
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li “l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent [...] b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi” ( 12 ).
48.
Jibqa’ l-każ fejn l-att li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni jitwettaq minn persuna (fiżika jew ġuridika), li la hija sussidjarja ta’ u lanqas integrata fl-impriża imsemmija, u fejn, bħal f’dan il-każ, dan it-terz għall-impriża aġixxa fil-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi indipendenti. Sa fejn l-impriża li tibbenefika minn servizzi ta’ tali fornitur, tista’ tinżamm responsabbli għall-atti ta’ dan tal-aħħar ?
49.
Jista’ jkun hemm żewġ eventwalitajiet:
—
it-terz aġixxa f’isem l-impriża u wettaq l-att li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni fl-eżekuzzjoni tal-missjonijiet assenjati lilu minn din tal-aħħar. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-impriża li rrikorriet għas-servizzi ta’ terz hija ċara peress li taf jew kellha neċessarjament tkun taf li t-terz kien ser iwettaq jew wettaq att li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni, li hija kienet ikkonsentat, anki jekk dan l-att jagħmel parti mill-missjonijiet fdati lit-terz,
—
it-terz aġixxa fil-kuntest ta’ kuntratt mal-impriża msemmija iżda ħa inizjattivi (li jikkonsistu b’mod partikolari f’atti li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni) mhux previsti fil-missjonijiet fdati lilu mingħajr ma jiġi stabbilit li d-diretturi ta’ din l-impriża kienu jafu b’tali att li jmur kontra l-kompetizzjoni mwettaq mill-fornitur ta’ servizzi u lanqas ma taw il-kunsens tagħhom minn qabel għalih.
50.
Abbażi ta’ liema kriterji r-responsabbiltà ta’ att li jikkostitwixxi ksur imwettaq minn dan it-terz tista’ tiġi imputata lill-impriża li rrikorriet għas-servizzi tiegħu?
51.
Fis-sentenza tagħha Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (T-66/99, EU:T:2003:337) ( 13 ), il-Qorti Ġenerali ġustament riedet tkun taf jekk l-impriża u l-aġent “jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika li għandhom aġir uniku fis-suq“ (punt 124). “Jekk dan huwa l-każ, it-terz li jeżerċita attività għall-benefiċċju tal-prinċipal tiegħu, jista’ fil-prinċipju jkun ikkunsidrat bħala ‘organu awżiljarju integrat fl-impriża’ [tiegħu], li għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-prinċipal u jifforma għalhekk flimkien ma’ din l-impriża, bħall-impjegat tal-kummerċ, unità ekonomika” (punt 125).
52.
Imbagħad il-Qorti Ġenerali rriteniet żewġ parametri ta’ riferiment fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, “minn naħa, ir-responsabbiltà għan-nom permezz ta’ intermedjarju ta’ riskju ekonomiku u, min-naħa l-oħra, in-natura esklużiva jew le tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarju” (punt 126), l-assenza ta’ kondiviżjoni tar-riskji u l-esklużività tas-servizzi jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ unità ekonomika.
53.
Kif irrilevaw il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni matul is-seduta, dawn iż-żewġ kriterji ma jistgħux ikunu eżawrjenti u waħedhom deċiżivi sabiex jistabbilixxu jekk l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ aġent jistax ikun imputat lill-prinċipal tiegħu.
54.
Fis-sentenza tagħha voestalpine u voestalpine Wire Rod Austria vs Il-Kummissjoni (T-418/10, EU:T:2015:516), il-Qorti Ġenerali, peress li ebda prova ma setgħet tistabilixxi li l-impriża seta’ kellha l-inqas informazzjoni dwar l-aġir antikompetittiv tal-aġent tagħha u, wara li eżaminat b’mod konkret l-aġir kif ukoll il-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, ddeċidiet li “[m]adankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk ineżami, fejn l-aġent jaġixxi f’isem u fl-interess tal-prinċipal mingħajr ma jassumi r-riskju ekonomiku tal-attivitajiet li kienu fdati lilu, l-aġir antikompetittiv ta’ dan l-aġent fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jiġi imputat lill-prinċipal, bħalma jista’ jsir fir-rigward ta’ persuna li timpjega għall-atti sanzjonabbli ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, u dan anki mingħajr prova tal-għarfien min-naħa tal-prinċipal tal-aġir antikompetittiv tal-aġent” (punt 175) u kkonkludiet fil-punt 178 tal-imsemmija sentenza “fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tista’, minn naħa, tikkonkludi li teżisti unità ekonomika bejn l-aġent u l-prinċipal fir-rigward tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lis-Sur G. minn Austria Draht u, min-naħa l-oħra, tqis li, minħabba din l-unità ekonomika, huwa possibbli li jiġu imputati lill-prinċipal l-atti sanzjonabbli mwettqa mis-Sur G. fl-interess ta’ Austria Draht fil-kuntest tal-attivitajiet li kienu ġew fdati lilu mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera li l-prinċipal kellu konoxxenza tagħhom”.
55.
Barra minn hekk, fl-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-parteċipazzjoni ta’ aġent f’ċerti laqgħat antikompetittivi ma tistax tkun imputata lill-prinċipal tiegħu, ladarba l-kwistjonijiet diskussi b’mod ċar ma jaqgħux fil-missjoni ta’ rappreżentanza fdata mill-prinċipal lill-imsemmi aġent (ara, f’dan is-sens il-punt 384 tal-imsemmija sentenza). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv tal-aġent li seħħ barra mis-suq Taljan ma tistax tiġi imputata lil voestalpine Austria Draht (il-prinċipal ikopri biss it-territorju Taljan). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tnaqqas il-multa imposta in solidum liż-żewġ kumpannija minn EUR 22 miljuni għal EUR 7.5 miljuni.
56.
Għandu jiżdied li fl-imsemmija kawża (kif ukoll f’dik li wasslet għas-sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, (T-66/99, EU:T:2003:337), l-aġent aġixxa b’mod ċar f’isem l-impriża u kellu setgħat fir-rigward tal-politika kummerċjali tal-prinċipal tiegħu, minkejja li l-istabbiliment tal-prezzijiet kien wieħed mill-aspetti tal-mandat li kien mogħti lilu, li jimplika negozjar mal-impriżi l-oħra.
57.
Ma huwiex l-istess f’din il-kawża fejn mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Pārtikas stess kienet iddeterminat il-prezz tal-offerta tagħha (ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u li Lietas kienet biss aġent responsabbli mill-abbozzar tekniku tad-dokumenti. Jidher għalhekk li d-deċiżjoni ta’ Lietas li tieħu l-offerta ta’ Pārtikas bħala bażi għall-preparazzjoni tal-offerta ta’ impriżi oħra taqa’ fl-eżerċizzju ta’ funzjoni totalment distinta minn dik mogħtija lilha u li fl-opinjoni tiegħi ma tistax tkun imputata lil Pārtikas.
58.
Nirrepeti li f’dan il-fajl ma hemmx provi li juru l-konoxxenza u/jew l-approvazzjoni tal-aġir tal-aġent minn Pārtikas, u dan għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, (T-66/99, EU:T:2003:337, b’mod partikolari l-punti 139 sa 147).
b) Il-vertenza fil-kawża prinċipali
59.
X’jiġi deċiż għalhekk fil-każ inkwistjoni f’din il-kawża fejn xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li Pārtikas kienet taf bl-aġir ta’ Lietas, fejn dan l-intermedjarju aġixxa bħala negozjant indipendenti, ma kienx jikkondividi r-riskju ekonomiku ma’ Pārtikas, ma kienx marbut kuntrattwalment minn ebda ftehim ta’ esklużività ma’ din l-impriża (anki jekk id-deontoloġija minima tal-professjoni jidhirli li timponih ex officio fir-rigward tal-offerta inkwistjoni) u ħa inizjattivi li manifestament eċċedew il-missjoni fdata lilu minn Pārtikas.
60.
Jidhirli li għandhom jiġu miċħuda żewġ pożizzjonijiet estremi. Minn naħa, imputazzjoni awtomatika tar-responsabbiltà lill-kumpannija ta’ azzjonijiet ta’ terz, ikun x’ikun il-grad ta’ implikazzjoni ta’ din il-kumpannija li tmur kontra l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet bħal dawk previsti mid-dritt tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari l-individwalità tal-pieni u ċ-ċertezza legali), u, min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-awtorità kompetenti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li tipprova b’mod konvinċenti li l-kumpannija li tibbenefika mis-servizzi ta’ terz kienet taf b’atti kriminali mwettqa minn dan tal-aħħar jew li tat il-kunsens tagħha u dan bi ħsara kbira għall-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni.
61.
Fil-fatt, “peress li l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u f’akkordji antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss fi Stat terz, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun” ( 14 ). Ikun għalhekk sempliċi ħafna li “jinħeba” wara terz sabiex jevita s-sanzjoni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.
62.
Barra minn hekk, l-importanza li tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni libera tippermetti li jkun meħtieġ mill-impriżi li jafdaw f’idejn terzi missjonijiet bħal dawk inkwistjoni, li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex jevitaw li dawn it-terzi jwettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, billi jevitaw b’mod partikolari kull negliġenza jew imprudenza fid-definizzjoni u t-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet.
63.
Fuq il-linja tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-soluzzjoni li jiena nipproponi għall-proċessi bħal dak inkwistjoni hija li tiġi stabbilita preżunzjoni konfutabbli tar-responsabbiltà ta’ impriża għall-atti li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa minn terzi li hija rrikorriet għas-servizzi tagħhom u li ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala organu awżiljarju integrat f’din il-kumpannija. Preżunzjoni simili żżomm ekwilibriju bejn, minn naħa, l-għan li jiġi pprojbit b’mod effettiv l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, u l-prevenzjoni tat-twettiq mill-ġdid tagħhom billi jkun magħruf li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli timponi aġir attiv tal-impriżi f’kull waqt, u min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tas-sanzjonijiet. Din il-preżunzjoni tapplika wkoll jekk l-atti mwettqa mit-terz huma distinti mill-funzjonijiet fdati lilu u anki jekk huwa juri li l-kumpannija li rrikorriet għas-servizzi tiegħu kienet taf u tat il-kunsens għall-atti tiegħu ( 15 ).
64.
Din il-preżunzjoni għandha tapplika fir-rigward ta’ impriża meta l-awtorità responsabbli mill-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tipprova l-eżistenza ta’ att li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn persuna li taħdem għal din l-impriża mingħajr ma tagħmel parti, direttament jew le, mill-istruttura organizzattiva tagħha.
65.
Sabiex jiġi osservat l-ekwilibriju li jiena semmejt fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impriża tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni tar-responsabbiltà billi tippreżenta l-provi kollha li jistgħu jsostnu l-argument li hija ma kienet taf xejn dwar l-aġir kriminali tat-terz fornitur ta’ servizzi u billi turi li hija ħadet il-prekawzjonijiet kollha sabiex tevita tali aġir fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, u dan fi tliet mumenti ( 16 ).
66.
L-ewwel jinsab fil-mument tal-reklutaġġ jew l-għażla ta’ terz. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-għażla tal-fornitur, id-definizzjoni tal-missjonijiet u l-eżekuzzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet (jew l-esklużjoni) ta’ użu ta’ sub-appaltatur, l-obbligi imposti sabiex tkun żgurata l-osservanza tad-dritt, b’mod partikolari tal-kompetizzjoni u s-sanzjonijiet previsti f’każ ta’ inosservanza tal-kuntratt, l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal kull att mhux previst fil-kuntratt.
67.
It-tieni mument jipprevedi l-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-missjonijiet fdati lit-terz billi tiżgura li t-terz iżomm strettament mal-missjonijiet kif iddefiniti fil-kuntratt.
68.
It-tielet mument huwa dak fejn, anki jekk ma kinitx taf bih, jitwettaq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mit-terz. L-impriża ma tistax sempliċement tagħżel li tinjorah, hija għandha titbiegħed pubblikament mill-att ipprojbit, tipprekludi li jerġa’ jseħħ u/jew tirrappurtah lill-entitajiet amministrattivi. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-parteċipazzjoni passiva fil-ksur, bħall-preżenza ta’ impriża f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet bi skop antikompetittiv, mingħajr ma tkun manifestament opposta għal dan, hija kompliċità li hija ta’ natura li tinvolvi r-responsabbiltà tagħha fil-qafas tal-Artikolu 81(1) KE, peress li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma tbiegħed ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha jew tirrappurtah mal-impriżi amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tikkomprometti s-sejba tiegħu” (sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 31).
69.
Matul is-seduta tqajmet il-kwistjoni dwar jekk tistax tkun ta’ xi importanza fil-konfutabbiltà tal-preżunzjoni, id-dimostrazzjoni li magħmula mill-impriża li hija ma setgħetx tislet l-ebda benefiċċju mill-atti li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa mill-aġent. Kemm il-Gvern Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni rrispondew fin-negattiv għal din il-kwistjoni.
70.
Din ma hijiex l-opinjoni tiegħi, iżda taħt żewġ kundizzjonijiet li wara kollox kienu indirettament fiċ-ċentru tad-dibattitu waqt is-seduta. Huwa korrett li l-interess jew le ta’ impriża fi prattika miftiehma ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-istabbiliment tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, hawnhekk ma hawnx kuntest tal-istabbiliment tal-ksur, iżda kuntest ta’ prova li tista’ tikkonfuta preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Id-dimostrazzjoni minn impriża li l-aġir ta’ aġent kellu biss fil-konfront tagħha konsegwenzi negattivi tista’ ssaħħaħ il-provi l-oħra prodotti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Il-kuntrarju huwa b’mod evidenti minnu jekk, għall-kuntrarju, l-impriża kienet interessata fir-riżultat tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma.
71.
Matul is-seduta kien indikat li l-fatt li Pārtikas ma kisbitx il-kuntratt ma jipprovax li hija ma pparteċipatx b’mod jew ieħor fil-prattika miftiehma, sa fejn hija setgħet tiftiehem mal-impriżi l-oħra dwar qsim tal-kuntratti matul iż-żmien (“bid rigging”). Jiena naqbel ma’ dak li ġie nnotat, iżda dan ma huwiex il-każ li jiena nipprevedi, jiġifieri d-dimostrazzjoni magħmula minn impriża li, anki lil hinn min-nuqqas ta’ kisba tal-kuntratt inkwistjoni, hija ma pparteċipat f’ebda element ieħor ta’ negozjar li permezz tiegħu hija bbenefikat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’mod evidenti, din hija biss prova fost oħrajn li l-impriża tista’ tippreżenta fl-argument tagħha sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni.
72.
Fil-qosor, l-impriża tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni jekk hija tistabilixxi li t-terz aġixxa lil hinn mill-missjonijiet fdati, li hija ħadet il-prekawzjonijiet kollha neċessarji fl-għażla tiegħu, fit-twettiq tal-missjoni fdata lilu u li ladarba saret taf b’aġir ipprojbit, hija tbiegħdet pubblikament minnu u rrapportatu lill-entitajiet amministrattivi.
73.
B’mod evidenti hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa fid-dawl tal-elementi ta’ hawn fuq, il-fatti ppreżentati f’dan il-proċess sabiex tikkonkludi jew le r-responsabbiltà ta’ Pārtikas.
VI – Konklużjoni
74.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Augstākā Tiesa (Qorti suprema):
L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li impriża pparteċipat fi ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma teħtieġx il-prova ta’ aġir personali ta’ direttur tal-impriża jew tal-fatt li huwa kien jaf jew ta il-kunsens tiegħu għall-aġir ta’ persuna li tipprovdi servizzi esterni lill-impriża billi ħadmet f’isem parteċipanti oħra fl-eventwali akkordju.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika fil-kawża li għandha quddiemha jekk, dwar il-fatt li terz aġixxa lil hinn mill-missjonijiet li hija fdatlu, dwar il-prekawzjonijiet li hija ħadet fl-għażla tat-terz, fl-eżekuzzjoni tal-missjonijiet inkwistjoni u dwar l-aġir proprju tagħha ladarba hija kienet taf bl-aġir ipprojbit, l-impriża setgħetx tippreżenta provi konvinċenti biżżejjed sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tar-responsabbiltà tagħha.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara s-sentenzi Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411), li fiha f’ċirkustanzi analogi għal din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għad-domandi preliminari.
( 3 ) Fil-lingwa Franċiża, “trucage des offres”. B’mod ġenerali, ikun hemm tbagħbis tal-offerti meta tal-inqas żewġ impriżi li jipparteċipaw għal sejħa għal offerti jiftehmu sabiex wieħed jew iktar minnhom ma jissottomettux offerta, jissottomettu offerta jew jirtirawha.
( 4 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 1384 tal-Kodiċi Ċivili.
( 5 ) Il-Kummissjoni tirreferi għal sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tad-19 ta’ Mejju 1988, Nru 87-82654. Minn din is-sentenza jirriżulta li prinċipal jista’ jkun eżentat mir-reponsabbiltà tal-atti tal-mandatarju tiegħu jekk dan tal-aħħar jaġixxi lil hinn mill-funzjonijiet tiegħu, mingħajr awtorizzazzjoni u għall-finijiet barranin minn dawk mogħtija lilu.
( 6 ) Sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punt 64).
( 7 ) Sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 174).
( 8 ) Sentenzi Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77, EU:C:1978:19, punt 18); Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 112), kif ukoll IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 45).
( 9 ) Sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 97).
( 10 ) Sentenza Slovenská sporiteľňa (C‑68/12, EU:C:2013:71, punti 26 u 28 rispettivament). Ara wkoll, il-punti 25 u 27 tal-imsemmija sentenza.
( 11 ) Sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ibidem (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Din is-sentenza kienet suġġetta għal appell, li wieħed mill-aggravji tiegħu kien jirrigwarda ġustament il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-mandatarju tal-aġir tal-aġent, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħditu bħala purament fattwali u għalhekk manifestament inammissibbli (Digriet Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, C‑121/04 P, EU:C:2005:695, punti 19 u 20). Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (T-66/99, EU:T:2003:337), ara Blaise, J.-B., u Idot, L., “Chronique de droit communautaire de la concurrence – Mise en œuvre des articles 81 et 82 CE”, Revue trimestrielle de droit européen, 2005, p. 131 sa 223, punt 81, u Idot, L., “Transports maritimes – Commentaires aux arrêts du Tribunal du 11 décembre 2003”, Europe, 2004, Nru 2, p. 18 u 19.
( 14 ) Sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 49).
( 15 ) Il-preżunzjonijiet huma magħrufa fid-dritt tal-Unjoni. Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali użaw preżunzjonijiet sabiex jistabbilixxu r‑responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent fir-rigward tal-atti mwettqa mis‑sussidjarji tagħha (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536), jew għal atti mwettqa mill-ħaddiema u impjegati (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 97).
( 16 ) Dwar il-konfutabbiltà tal-preżunzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, ara s-sentenza ENI vs Il-Kummissjoni (C-508/11 P, EU:C:2013:289, punti 46 et seq kif ukoll 68 u 69).
Full & Egal Universal Law Academy