SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ilmijiet minerali naturali — Direttiva 2009/54/KE — Artikolu 8(2) — Anness I — Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taħt diversi ismijiet kummerċjali ta’ ’ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija’ — Kunċett”
Fil-Kawża C‑207/14,
li għandha bħala suġġett għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (Is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2014, fil-proċedura
Hotel Sava Rogaška, gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o.
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, A. Ó Caoimh, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Hotel Sava Rogaška, gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o., minn I. Dobravc Tatalovič u M. Kač, odvetnika,
—
għall-Gvern Sloven, minn A. Vran u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,
—
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,
—
għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias kif ukoll minn E. Leftheriotou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid kif ukoll minn E. Manhaeve u M. Žebre, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU L 164, p. 45).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hotel Sava Rogaška, gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o. (iktar ’il quddiem “HSR”) u r-Republika Slovenija (Ir‑Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Ambjent (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxi isem kummerċjali li HSR tixtieq tuża għal ilma minerali naturali.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2009/54
3
Skont il-premessi 5, 7 u 9 tad-Direttiva 2009/54:
“(5)
L-għanijiet primarji ta’ kull regola dwar ilmijiet minerali naturali għandhom ikunu biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, biex jevitaw li l-konsumaturi jisfaw mqarrqa u jassiguraw kummerċ ġust.
[...]
(7)
Wieħed irid jieħu ħsieb li jassigura li l-ilmijiet minerali naturali jżommu fl-istadju tat-tqegħid fis-suq dawk il-karatteristiċi li ppermettewlhom li jiġu rikonoxxuti bħal tali. [...]
[...]
(9)
L-inklużjoni tad-dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma minerali naturali għandha tkun obbligatorja biex tassigura li l-konsumaturi jkunu informati.”
4
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Din id-Direttiva tikkonċerna l-ilmijiet estratti mill-art ta’ Stat Membru u rikonoxxuti mill-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru bħala ilmijiet minerali naturali li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I.”
5
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jelenka t-trattamenti li ilma minerali naturali, fl-istat tiegħu fis-sors, jista’ jkun suġġett għalihom. Għalhekk, il-paragrafi (1)(a) sa (ċ) tiegħu jipprevedu li t-trattamenti li huwa jawtorizza ma jistgħux jiġu pprattikati ħlief “safejn [dawn] ma jbidd[lux] il-kompożizzjoni tal-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-propjetajiet tiegħu”.
6
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/54 jimponi li l-kontenituri kollha użati għall-imballaġġ tal-ilmijiet minerali naturali għandu jitwaħħlilhom għeluq iddisinjat biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ adulterazzjoni jew kontaminazzjoni.
7
L-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“It-tikketti fuq ilmijiet minerali naturali għandhom jagħtu [...] l-informazzjoni obbligatorja li ġejja:
a)
dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika, li tagħti l-kostitwenti karatteristiċi tagħha;
b)
il-post fejn in-nixxiegħa hi sfruttata u l-isem tan-nixxiegħa;
[...]”
8
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:
“1. L-isem ta’ lokalità, raħal żgħir jew post jistgħu jidhru fit-test tad-deskrizzjoni kummerċjali bil-kondizzjoni li din tirreferi għal ilma minerali naturali li n-nixxiegħa tiegħu hija sfruttata fil-post indikat b’dik id-deskrizzjoni u bil-kondizzjoni li din mhix qarrieqa fir-rigward tal-post tal-isfruttament tan-nixxiegħa.
2. Għandu jkun ipprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda.
3. Meta t-tikketti jew l-iskrizzjonijiet tal-kontenituri li fihom l-ilmijiet minerali naturali huma offruti għall-bejgħ jinkludu deskrizzjoni kummerċjali differenti mill-isem tan-nixxiegħa jew il-post tal-isfruttament tagħha, dak il-post tal-isfruttament jew l-isem tan-nixxiegħa għandhom jiġu indikati f’ittri li għandhom ikunu tal-anqas darba u nofs tat-tul u l-wisa’ tal-akbar ittra użata għal dik id-deskrizzjoni kummerċjali.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika, mutatis mutandis u bl-istess intenzjoni fir-rigward tal-importanza mogħtija għall-isem tan-nixxiegħa jew il-post tal-isfruttament tagħha, fir-rigward tad-deskrizzjoni kummerċjali użata fir-riklamar, fi kwalunkwe forma, relatata mal-ilmijiet minerali naturali.”
9
L-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 2009/54 jippreċiża li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiddeċiedi, rispettivament, il-limiti għall-konċentrazzjoni tal-kostitwenti tal-ilma minerali naturali u kull dispożizzjoni meħtieġa għall-indikazzjoni fuq l-ittikkettar ta’ livelli għoljin ta’ ċerti kostitwenti.
10
L-Anness I ta’ din id-direttiva jinkludi, fit-Taqsima I tiegħu, intitolata “Definizzjoni”, il-punti li ġejjin:
“1.
Ilma minerali naturali” tfisser ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa, fit-tifsira tal-Artikolu 5, li joriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab.
Ilma minerali naturali jista’ jingħaraf faċilment minn ilma tax-xorb ordinarju:
a)
min-natura tiegħu, li hi karatterizzata mill-kontenut minerali tagħha, minn oligo-elementi jew minn kostitwenti oħrajn u, fejn adattat, minn ċerti effetti;
b)
mill-purità oriġinali tiegħu,
fejn iż-żewġ karatteristiċi ġew ikkonservati intatti minħabba l-oriġini minn taħt l-art ta’ ilma bħal dan [...]
2.
Il-karatteristiċi msemmija fil-punt 1, li jistgħu jagħtu lill-ilma minerali naturali propjetajiet li huma favorevoli għas-saħħa, għandhom ikunu ġew ivvalutati:
a)
mill-aspetti li ġejjin:
i)
ġeoloġiku u idroloġiku;
ii)
fiżiku, kimiku u fisjo-kimiku;
iii)
mikrobijoloġiku;
iv)
jekk ikun neċessarju, farmakoloġiku, fiżjoloġiku u kliniku;
b)
skont il-kriterji elenkati fit-Taqsima II;
[...]
3.
Il-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tal-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali; b’mod partikolari, m’għandhomx jiġu affettwati bil-varjazzjonijiet possibbli fir-rata ta’ ċirkolazzjoni.
[...]”
11
It-Taqsima II ta’ dan l-Anness, intitolata “Rekwiżiti u kriterji għall-applikazzjoni tad-definizzjoni”, telenka r-rekwiżiti u l-kriterji applikabbli għat-testijiet ġeoloġiċi u idroloġiċi, fiżiċi, kimiċi u fiżjo-kimiċi, mikrobioloġiċi, kif ukoll kliniċi u farmakoloġiċi, li għandhom, skont il-punt 2(b) tat-Taqsima I tal-imsemmi anness, jitwettqu sabiex jiġu evalwati l-karatteristiċi tal-ilma minerali naturali msemmija fil-punt I ta’ din it-Taqsima I.
12
L-Anness II tad-Direttiva 2009/54, intitolat “Kondizzjonijiet għall-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilma minerali naturali”, fil-punt 2 tiegħu jippreċiża li “[i]t-tagħmir għall-isfruttament [ta’ ilma minerali naturali] għandu jkun installat b’tali mod [...] li jippreżerva l-kwalitajiet, skont dawk attribwiti lilu, li jkollu l-ilma fis-sors”.
Id-Direttiva 2000/60/KE
13
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
a)
jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi [...], ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra [...];
b)
jippromwovi użu sostenibbli ta’ l-ilma bbażat fuq protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli ta’ l-ilma;
ċ)
għandu l-għan li jipproteġi u jtejjeb l-ambjent akkwatiku [...];
d)
jiżgura t-tnaqqis progressiv ta’ tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u jipprevjeni aktar tniġġiż tiegħu, u
e)
jikkontribwixxi għal tnaqqis ta’ l-effetti ta’ dulluvji u nixfa ta’ xita
u b’hekk jikkontribwixxi:
—
sabiex ikun provdut il-forniment suffiċjenti ta’ kwalità tajba ta’ ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ kif meħtieġ għal użu ta’ l-ilma b’mod sostenibbli, bilanċjat u ekwitabbli,
—
riduzzjoni sinifikanti fit-tniġġiż ta’ l-ilma tal-qiegħ
—
il-protezzjoni ta’ ilmijiet territorjali u marittimi, u
—
sabiex ikunu milħuqa l-għanijiet ta’ ftehim internazzjonali relevanti, inklużi dawk li jimmiraw għal prevenzjoni u eleminazzjoni tat-tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu [...]”
14
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
11)
‘Akwifikatur’ ifisser saff jew saffi ta’ blat taħt il-wiċċ jew ta’ saffi ġeoloġiċi fuq xulxin ta’ porożità suffiċenti u permeabilità biex jitħalla jew tnixxija sinifikanti ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew li jkunu mtella’ kwantitajiet sinifikanti ta’ ilma ta’ taħt l-art.
12)
‘Korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ ifisser volum distint ta’ ilma ta’ taħt l-art b’akwifikatur jew akwifikaturi.
[...]”
Id-dritt Sloven
15
Id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 6, p. 50), ġiet trasposta fid-dritt Sloven b’mod partikolari mir-regolament dwar l-ilmijiet minerali naturali, l-ilmijiet tan-nixxiegħa u l-ilmijiet tal-mejda (Pravilnik o naravni mineralni vodi, izvirski vodi in namizni vodi, Uradni list RS, Nri 50/04, 75/05, 45/08; iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).
16
L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-ilma minerali huwa l-ilma li, minbarra ċerti rekwiżiti mikrobijoloġiċi, jissodisfa, fost affarijiet oħrajn, il-kundizzjoni li dan ikun joriġina minn water table jew depożitu ta’ taħt l-art, protett kontra kull forma ta’ kontaminazzjoni possibbli u provenjenti minn nixxiegħa sfruttata minn ħruġ wieħed jew iktar naturali jew imtaqqba. L-Artikolu 12(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-ilma minerali naturali provenjenti mill-istess nixxiegħa, fil-kummerċ bilfors irid juża l-istess isem kummerċjali.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fit-18 ta’ Lulju 2011, HSR ressqet quddiem il-Ministeru talba sabiex jiġi rrikonoxxut fis-Slovenja l-isem kummerċjali “ROI Roitschocrene” għall-ilma minerali naturali meħud minn punt ta’ ħruġ bl-isem “RgS‑2/88”.
18
B’deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2012, il-Ministeru ċaħad dik it-talba fuq il-bażi li ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija, skont l-Artikolu 12(4) tar-regolament u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, bilfors irid jiġi kkummerċjalizzat taħt l-istess isem kummerċjali u li ilma minerali naturali meħud mill-istess akwifikatur bħall-ilma inkwistjoni, iżda minn punt ta’ ħruġ ieħor imsejjaħ V‑3/66‑70, diġà kien ġie rrikonoxxut bħala ilma minerali naturali taħt l-isem kummerċjali “Donat Mg” b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001, u kkummerċjalizzat bħala tali.
19
HSR ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2012 quddiem l-Upravno sodišče Republike Slovenije (tribunal amministrattiv tar-Repubblika tas-Slovenja) fejn sostniet, minn naħa, li l-punt ta’ ħruġ RgS-2/88 ma jipproduċix l-istess ilma bħall-punt ta’ ħruġ V-3/66-70” u, min-naħa l-oħra, li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “nixxiegħa” u dak ta’ “akwifikatur”. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, HSR ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn argumentat, b’mod partikolari, li l-Upravno sodišče Republike Slovenije interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “nixxiegħa” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54.
20
Wara li fakkret li hija tinsab marbuta mill-fatti kkonstatati fl-ewwel istanza, il-Vrhovno sodišče (Qorti Suprema) sostniet li minn dawn jirriżulta, qabel xejn, li l-punti ta’ ħruġ V-3/66-70 u RgS-2/88 kienu jaqsmu l-istess water table jew l-istess depożitu ta’ taħt l-art u ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “water table jew depożitu ta’ taħt l-art” għandu jinftiehem bħala li jfisser “korp ta’ ilma mill-istess akwifikatur”. Sussegwentement, hija tirrileva li, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001, il-Ministeru rrikonoxxa l-ilma meħud mill-punti ta’ ħruġ RgS-2/88 u V‑3/66-70 bħala ilma minerali naturali bl-isem kummerċjali “Donat Mg”, minkejja li l-kumpannija benefiċjarja ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri Droga Kolinska d.d., ma għandha ebda konċessjoni għall-użu tal-ilma meħud mill-punt ta’ ħruġ RgS-2/88 — peress li din il-konċessjoni tappartjeni lil HSR permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti tal-14 ta’ Frar 2008 — u li, għaldaqstant, Droga Kolinska d.d. ma tistax tikkummerċjalizza dan l-ilma bl-isem kummerċjali “Donat Mg”. Fl-aħħar nett, hija tindika li l-ilma minerali naturali Donat Mg jinsab imniżżel fir-reġistru tal-ilmijiet minerali naturali rrikonoxxuti fis-Slovenja kif ukoll fil-Lista ta’ ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti mill-Istati Membri (ĠU 2013, C 95, p. 38), bin-nixxiegħa indikata tkun in-nixxiegħa Donat.
21
Il-qorti tar-rinviju, billi kkonstatat l-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-frażi “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54. Hija tosserva li l-kelma “nixxiegħa”, użata diversi drabi f’din id-direttiva, ma hijiex iddefinita hemmhekk. Fid-dawl tad-diverġenzi eżistenti bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-definizzjoni tal-ilma minerali naturali li tinsab fl-Anness I, Taqsima I, punt 1 tal-imsemmija direttiva, huma possibbli diversi interpretazzjonijiet ta’ din il-frażi. Jekk l-objettiv essenzjali huwa li jiġi evitat li l-konsumatur jisfa mqarraq, il-kunċett tal-“istess nixxiegħa” għandu jinftiehem bħala mill-“istess punt ta’ ħruġ”, għaliex, skont il-qorti tar-rinviju, l-ilma biss meħud mill-istess punt ta’ ħruġ jista’ jkollu l-istess kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika. Madankollu, ikun possibbli wkoll li wieħed jagħti interpretazzjoni iktar wiesgħa li tgħid li dan ikun ilma meħud minn diversi punti ta’ ħruġ, filwaqt li jkollhom akwifikatur komuni fis-sens tal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2000/60, u saħansitra ilma li jagħmel parti mill-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tal-punt (12) ta’ din l-istess dispożizzjoni.
22
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vrhovno sodišče ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2009/54] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija”:
a)
l-ilma li joriġina mill-istess sors [punt ta’ ħruġ] individwali, iżda mhux l-ilma miġbur minn sors [punt ta’ ħruġ] ieħor minkejja li dan huwa ilma li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “akwifikatur” u ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” tad-Direttiva [2000/60];
b)
l-ilma li joriġina mill-istess sors [punt ta’ ħruġ] individwali, iżda mhux l-ilma miġbur minn sors [punt ta’ ħruġ] ieħor minkejja li dan huwa ilma li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “akwifikatur” u ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” tad-Direttiva [2000/60], għalkemm f’din id-definizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi bħad-distanza bejn is-sorsi [il-punti ta’ ħruġ], il-fond tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur;
ċ)
l-ilma kollu li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “akwifikatur” u ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” tad-Direttiva [2000/60], indipendentement mill-fatt li dan jitla’ fil-wiċċ minn diversi sorsi [punti ta’ ħruġ];
d)
l-ilma kollu li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “akwifikatur” u ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” tad-Direttiva [2000/60], indipendentement mill-fatt li dan jitla’ fil-wiċċ minn diversi sorsi [punti ta’ ħruġ], għalkemm f’din id-definizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi bħad-distanza bejn is-sorsi [il-punti ta’ ħruġ], il-fond tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika tas-sorsi, in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur;
2)
Għall-każ fejn ikun impossibbli li tingħażel waħda mill-proposti tal-ewwel domanda, għandha tiġi sostnuta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” fuq ċerti ċirkustanzi bħad-distanza tal-bjar [bejn il-punti ta’ ħruġ], il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika tas-sorsi, in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur?”
Fuq id-domandi preliminari
23
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” li jidher fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54.
24
Skont din id-dispożizzjoni, “[g]ħandu jkun ipprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda”. Għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tat-Taqsima I tal-Anness I jiddefinixxi “ilma minerali naturali” bħala “ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa [...] li joriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab”, ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tippreċiża b’mod espress dak li wieħed għandu jifhem bil-kelma “nixxiegħa” jew bil-frażi “mill-istess nixxiegħa waħdanija”.
25
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita b’mod konformi mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed kont tal-kuntest li fih huma jintużaw u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li huma jiffurmaw parti minnha (sentenzi EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Partena, C‑137/11, EU:C:2012:593, punt 56).
26
L-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tinvolvi, barra minn hekk, tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi tagħha (sentenzi Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 18, kif ukoll Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/98, EU:C:2001:64, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ta’ diverġenzi bejniethom, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (sentenzi Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, kif ukoll Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27
F’dan il-każ, la s-sens abitwali tal-kelma “nixxiegħa”, li tista’ tinftiehem kemm bħala l-punt ta’ ħruġ ta’ ilma kif ukoll l-oriġini iktar ġenerali tiegħu, u lanqas it-tqabbil tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54 jew tad-definizzjoni tal-ilma minerali naturali li tinsab fl-Anness I tagħha ma jippermettu li jitneħħew id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “nixxiegħa” u lill-portata tal-frażi “mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(2). B’mod partikolari, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, tqabbil ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-definizzjoni ma jippermettix li wieħed jiddetermina jekk dan il-kunċett jirreferix għall-oriġini ta’ taħt l-art tal-inkwistjoni jew tabilħaqq għall-post fejn jiżbokka f’wiċċ l-art.
28
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54 kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, fuq l-istruttura ġenerali u fuq l-għan ta’ din id-direttiva.
29
F’dan ir-rigward, għalkemm id-definizzjoni tal-ilma minerali naturali msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/54 ma tippermettix, waħedha, li wieħed jiċċara l-portata tal-kunċett ta’ “nixxiegħa” u lanqas dak li wieħed għandu jifhem bil-frażi “mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, madankollu jista’ jiġi dedott mill-formulazzjoni ta’ din id-definizzjoni li l-kunċett ta’ “nixxiegħa” ma jistax jiġi assimilat mal-kunċett ta’ “water table jew depożitu ta’ taħt l-art”, sa fejn din il-formulazzjoni tagħmel distinzjoni ċara taż-żewġ kunċetti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-imsemmija formulazzjoni, huwa neċessarju, sabiex ilma minerali naturali jkun jista’ jitqies bħala “mill-istess nixxiegħa waħdanija”, li huwa jkun joriġina mill-istess water table waħdanija jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art waħdani.
30
Minn din il-formulazzjoni jista’ wkoll jiġi dedott li lanqas il-kunċett ta’ “nixxiegħa” ma jista’ jiġi assimilat mal-kunċett ta’ “punt ta’ ħruġ”, kif tissuġġerixxi HSR, peress li l-formulazzjoni tippreċiża b’mod espress li nixxiegħa tista’ tiġi sfruttata “minn ħruġ wieħed jew iktar naturali jew imtaqqba”. Minn dan jirriżulta, għall-kuntrarju, li, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk dan huwiex ilma minerali naturali “mill-istess nixxiegħa waħdanija” jew le, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, ma huwiex rilevanti li din tiġi sfruttata minn punt ta’ ħruġ wieħed jew minn diversi punti ta’ ħruġ.
31
Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li ilma minerali naturali jkollha bħala oriġini l-istess water table waħdanija jew l-istess depożitu ta’ taħt l-art waħdani hija kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex wieħed iqis li dan l-ilma joriġina mill-istess nixxiegħa waħdanija fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-ilma minerali naturali, imfakkra fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, hija kkompletata minn paragrafu ieħor, fejn hemm ippreċiżat li “[i]lma minerali naturali jista’ jingħaraf faċilment minn ilma tax-xorb ordinarju [...] min-natura tiegħu, li hi karatterizzata mill-kontenut minerali tagħha, minn oligo-elementi jew minn kostitwenti oħrajn u, fejn adattat, minn ċerti effetti [kif ukoll] mill-purità oriġinali tiegħu, fejn iż-żewġ karatteristiċi ġew ikkonservati intatti minħabba l-oriġini minn taħt l-art ta’ ilma bħal dan [...]”. Billi l-ilmijiet minerali naturali huma għaldaqstant ukoll iddefiniti fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi tal-ilma minerali naturali għandhom rwol determinanti fl-identifikazzjoni ta’ dan l-ilma.
32
Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54 jipprevedi mhux biss, fil-paragrafu (2) tiegħu, il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni, b’diversi ismijiet kummerċjali, ta’ ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija, iżda wkoll, fil-paragrafu (1) tiegħu, li isem ta’ lokalità, raħal żgħir jew post jistgħu jidhru fit-test ta’ isem kummerċjali bil-kundizzjoni li dan jirreferi għal ilma minerali naturali li n-nixxiegħa tiegħu hija sfruttata fil-post indikat b’dak l-isem u bil-kundizzjoni li dan mhux qarrieq fir-rigward tal-post tal-isfruttament tan-nixxiegħa. Dan l-artikolu jirregola wkoll, fil-paragrafu (3) tiegħu, it-tikkettar u r-reklamar għall-ilmijiet minerali naturali meta dawn ikunu jinkludu l-indikazzjoni ta’ isem kummerċjali li jkun differenti mill-isem tan-nixxiegħa jew tal-post tal-isfruttament tagħha, billi għaldaqstant jimponi li l-indikazzjoni ta’ dan il-post ta’ sfruttament jew l-isem tan-nixxiegħa għandhom jiġu indikati “f’ittri li għandhom ikunu tal-anqas darba u nofs tat-tul u l-wisa’ tal-akbar ittra użata għal dik id-deskrizzjoni kummerċjali”.
33
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54 għaldaqstant huwa intiż, fl-intier tiegħu, li jiggarantixxi li, f’kull każ, isem in-nixxiegħa ta’ ilma minerali naturali jew l-indikazzjoni tal-post tal-isfruttament tagħha jkun jippermetti lill-konsumatur, meta jkun qiegħed jixtri, li jidentifika mingħajr ekwivoċi l-provenjenza tal-ilma inkwistjoni u li jiddistingwi, bis-saħħa ta’ dan l-isem jew ta’ din l-indikazzjoni, ilma minerali naturali partikolari minn kull ilma minerali naturali ieħor. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, jew dan l-isem kummerċjali jieħu l-isem tan-nixxiegħa jew il-post tal-isfruttament tagħha u għaldaqstant jista’ jintuża kif inhu sabiex jidentifika l-ilma inkwistjoni, jew inkella dan l-isem kummerċjali jkun differenti minn dan l-isem jew minn dan il-post u l-imsemmi isem jew l-indikazzjoni tal-imsemmi post għaldaqstant għandu jidher, fuq it-tikketta u fir-reklamar, b’ittri iktar kbar minn dawk użati għall-indikazzjoni tal-isem kummerċjali. Għaldaqstant, dan l-artikolu jagħti, fl-identifikazzjoni ta’ ilma minerali naturali, rwol determinanti għall-isem tan-nixxiegħa tiegħu jew, jekk ikun il-każ, għall-indikazzjoni tal-post ta’ sfruttament tagħha.
34
L-importanza tar-rwol mogħti lill-isem tan-nixxiegħa u lill-post ta’ sfruttament tagħha fl-identifikazzjoni ta’ ilma minerali naturali tirriżulta wkoll mill-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 2009/54, li jipprevedi li t-tikkettar tal-ilmijiet minerali naturali għandu bilfors jinkludi l-indikazzjoni tal-post fejn tiġi sfruttata n-nixxiegħa u isimha.
35
Issa, peress li l-isem tan-nixxiegħa ta’ ilma minerali naturali għandu rwol determinanti fl-identifikazzjoni ta’ dan l-ilma mill-konsumaturi u peress li l-identifikazzjoni ta’ ilma minerali naturali partikolari ssir, kif ġie kkonstatat fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, prinċipalment fir-rigward tal-karatteristiċi tiegħu, neċessarjament huma l-karatteristiċi tal-ilma minerali naturali li essenzjalment jiddeterminaw l-identità tan-nixxiegħa minn fejn dan joriġina. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ ilma minerali naturali “mill-istess nixxiegħa waħdanija” għandu, essenzjalment, jinftiehem bħala li jirrigwarda ilma minerali naturali li mhux biss joriġina mill-istess water table waħdanija jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art waħdani, iżda li, barra minn hekk, għandu l-istess karatteristiċi.
36
Din l-interpretazzjoni hija, minn naħa, appoġġjata mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/54. Qari ta’ din kollha f’daqqa jikkonferma, fil-fatt, ir-rwol predominanti mogħti lill-karatterstiċi tal-ilmijiet minerali naturali fl-applikazzjoni tagħha.
37
F’dan ir-rigward, jistgħu, b’mod partikolari, jissemmew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/54, li jiġbor fih it-trattamenti li ilma minerali naturali fl-istat tiegħu fis-sors jista’ jkun suġġett għalihom u li ma jawtorizzax it-trattamenti elenkati fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) ta’ dan l-artikolu, ħlief “safejn [dawn] ma [jbiddlux] il-kompożizzjoni tal-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-proprjetajiet tiegħu”, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva li, billi jimponi li l-kontenituri kollha użati għall-imballaġġ għandu jitwaħħlilhom għeluq iddisinjat biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ adulterazzjoni jew kontaminazzjoni, jiggarantixxi li l-karatteristiċi kwalitattivi u sanitarji tal-ilma minerali naturali jiġu ppreżervati matul il-katina kollha ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
38
Jistgħu wkoll jissemmew l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2009/54, li jipprevedi li t-tikketti fuq ilmijiet minerali naturali għandhom jagħtu wkoll b’mod obbligatorju “dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika, li tagħti l-kostitwenti karatteristiċi” tal-ilma inkwistjoni, l-Artikolu 12(a) u (b) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tadotta l-limiti għall-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti tal-ilmijiet minerali naturali u kull dispożizzjoni meħtieġa relatata mal-indikazzjoni, fuq l-ittikkettar, ta’ livelli għoljin ta’ ċerti kostitwenti, u saħansitra l-Anness II tal-imsemmija direttiva, li jippreċiża, fil-punt 2 tiegħu, li t-tagħmir għall-isfruttament ta’ ilma minerali naturali għandu jkun installat b’tali mod li, b’mod partikolari, “jippreżerva l-kwalitajiet, skont dawk attribwiti lilu, li jkollu l-ilma fis-sors”.
39
L-interpretazzjoni esposta fil-punt 35 tas-sentenza preżenti hija, min-naħa l-oħra, l-unika waħda xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/54.
40
F’dan ir-rigward, skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2009/54, l-għanijiet primarji ta’ kull regola dwar ilmijiet minerali naturali għandhom ikunu biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, biex jevitaw li l-konsumaturi jisfaw imqarrqa u jiżguraw kummerċ ġust. F’dan is-sens, il-premessa 7 ta’ din id-direttiva tipprovdi li wieħed irid jieħu ħsieb li jiżgura li l-ilmijiet minerali naturali jżommu fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni dawk il-karatteristiċi li ppermettewlhom li jiġu rrikonoxxuti bħal tali u l-premessa 9 tippreċiża li l-inklużjoni tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma minerali naturali għandha tkun obbligatorja sabiex tiżgura li l-konsumaturi jkunu informati.
41
Issa, billi l-isem kummerċjali ta’ ilma minerali naturali huwa neċessarjament, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 29 sa 35 tas-sentenza preżenti, assoċjat mal-karatteristiċi ta’ dan l-ilma, il-konsumaturi jiġu żgwidati u ma jkunx possibbli għalihom li jagħmlu għażla informata skont il-proprjetajiet eventwali ta’ ilma minerali naturali f’termini ta’ protezzjoni tas-saħħa li kieku kien possibbli li jinbiegħu, b’ismijiet kummerċjali differenti, ilmijiet minerali naturali bl-istess oriġini u li għandhom l-istess karatteristiċi.
42
Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2009/54 jindika liema karatteristiċi huma rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ ilma minerali naturali, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kontenut minerali, ta’ oligo-elementi jew kostitwenti oħrajn, kif ukoll l-aspetti li fuqhom, u l-kriterji li skonthom, dawn il-karatteristiċi għandhom jiġu evalwati, u dawn il-kriterji huma elenkati fit-Taqsima II tiegħu, li minnha jirriżulta, fost affarijiet oħra, li, għat-testijiet ġeoloġiċi u idroloġiċi għandhom jiġu meħtieġa, b’mod partikolari, is-sit eżatt tal-ġbir tal-ilma kif ukoll l-istratigrafija tad-depożitu idroġeoloġiku, u li t-testijiet fiżiċi, kimiċi u fiżjo-kimiċi li għandhom jitwettqu għandhom jinkludu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn in-natura tat-terren u n-natura u t-tip ta’ minerali fl-ilma. L-imsemmi anness jippreċiża wkoll li “[i]l-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tal-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali”.
43
F’dan ir-rigward, ma hemmx lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi, u, sussegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, li jsir riferiment għall-kunċetti ta’ “akwifikatur” u ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” li jinsabu fid-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 ta’ din l-aħħar direttiva kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 50) jirriżulta li l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 huma differenti minn dawk tad-Direttiva 2009/54. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda tfittex għanijiet essenzjalment ambjentali, it-tieni waħda hija intiża li tipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi u li tevitalhom li jisfaw imqarrqa, kif ukoll li tiżgura kummerċ ġust. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 ma jistgħux jitqiesu bħala rilevanti għall-interpretazzjoni mitluba f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza Møller, C‑585/10, EU:C:2011:847, punt 37).
44
Huwa għaldaqstant fir-rigward biss tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/54 li jista’ jiġi ddeterminat jekk ilma minerali naturali partikolari joriġinax “mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8(2) ta’ dik id-direttiva.
45
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jirriżulta li, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-definizzjoni tal-ilma minerali naturali stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 2009/54, tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-għan li hija tfittex, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-kunċett ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” li jidher fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jindika ilma minerali naturali li huwa sfruttat minn ħruġ wieħed jew iktar, naturali jew imtaqqba, li jkun joriġina mill-istess water table waħdanija jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art waħdani, jekk, f’kull punt ta’ ħruġ naturali jew imtaqqab, dak l-ilma jkollu karatteristiċi identiċi, fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, li jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjonijiet naturali.
Fuq l-ispejjeż
46
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” li jidher fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jindika ilma minerali naturali li huwa sfruttat minn ħruġ wieħed jew iktar, naturali jew imtaqqba, li jkun joriġina mill-istess water table waħdanija jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art waħdani, jekk, f’kull punt ta’ ħruġ naturali jew imtaqqab, dak l-ilma jkollu karatteristiċi identiċi, fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, li jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjonijiet naturali.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.
Full & Egal Universal Law Academy