22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/32
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2014 minn Wünsche Handelsgesellschaft International mbH & Co KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-147/12, Wünsche Handelsgesellschaft International mbH & Co KG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-7/14 P)
2014/C 52/58
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Wünsche Handelsgesellschaft International mbH & Co KG (rappreżentanti: K. Landry u G. Schwendinger, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-147/12 u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 02/09, tas-16 ta’ Settembru 2011 (C(2011) 6393 finali);
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bħala l-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali (1), sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti setgħet skopriet l-iżball tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li fl-opinjoni tagħha ma huwiex korrett. Id-diversi dispożizzjonijiet huma kumplessi u l-formulazzjoni tagħhom ma hijiex ċara u hija konfuża, kif muri b’mod partikolari mill-korrispondenza bejn il-Bundesministerium für Finanzen u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-tul u l-firxa tal-prattiki żbaljati tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi jindikaw ukoll li hija ma setgħetx tikkonstata dan l-iżball.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali billi wettqet żball ta’ liġi minħabba negliġenza manifesta min-naħa tal-appellanti.
It-tielet nett, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex motivata biżżejjed fir-rigward ta’ żewġ punti, b’tali mod li l-appellanti ma tistax tifhem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
Full & Egal Universal Law Academy