1.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 61/6
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-499/10, MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-15/14 P)
2014/C 61/10
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, K. Talabér-Ritz, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) mogħtija fit-12 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-499/10, MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. vs Il-Kummissjoni Ewropea,
—
tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C-1/09 (ex NN 69/08) mogħti mill-Ungerija lil MOL Nyrt (1) u
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż jew
sussidjarjament,
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u
—
tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, peress li, f’diversi aspetti, hija ma tinterpretax u ma tapplikax korrettament il-kunċett ta’ natura selettiva.
L-ewwel nett, is-sentenza ma tapplikax korrettament il-ġurisprudenza dwar il-karattru selettiv f’każ ta’ miżuri li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali li tikkonċerna t-trattament li jirriżervaw għall-impriżi.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tiddiskrivi b’mod mhux preċiż id-dritt applikabbli billi tiddikjara li s-sodisfazzjon tal-kriterji oġġettivi jeskludu neċessarjament in-natura selettiva.
It-tielet nett, is-sentenza, b’mod żbaljat, tibbaża n-natura selettiva fuq l-intenzjoni tal-Istat Membru li jipproteġi operatur wieħed jew iktar minn sistema ġdida ta’ tariffi u għalhekk il-Qorti Ġenerali injorat il-kundizzjoni skont liema għajnuna mill-Istat tiddependi fuq l-effetti tal-miżura eżaminata.
Ir-raba’ nett, il-premessi fis-sentenza appellata li jikkonċernaw “l-emenda ulterjuri tal-kundizzjonijiet esterni [ftehim li jżomm livell iddeterminat ta’ tariffi]” ma kinux rilevanti f’dan il-każ minħabba li l-bidla sussegwenti fil-kundizzjonijiet esterni għall-ftehim eżaminat mill-Kummissjoni kienet tikkonsisti minn bidla tas-sistema legali.
(1) JO L 34, p. 55.
Full & Egal Universal Law Academy