22.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 85/18
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2014 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-36/14)
2014/C 85/33
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Herrmann u M. Patakia)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja implementat miżuri sproporzjonati u mhux konformi mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (1) u b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1) flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva sa fejn ipprovdiet għal intervent mill-Istat li ma huwiex limitat ratione temporis b’tali mod li l-impriżi li joperaw fis-settur tal-enerġija huma obbligati japplikaw il-prezzijiet awtorizzati mill-president tal-awtorità regolatorja fil-qasam tal-enerġija fir-rigward tal-provvista ta’ gass naturali, filwaqt li (i) id-dritt nazzjonali ma jobbligax lill-organi tal-awtorità nazzjonali jeżaminaw f’perijodi regolari l-ħtieġa u l-mod tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fis-settur tal-gass fid-dawl tal-livell ta’ żvilupp f’dan is-settur, u (ii) dawn il-miżuri japplikaw għal numru llimitat ta’ utenti mingħajr distinzjoni bejn il-klijenti u mingħajr distinzjoni skont is-sitwazzjoni tal-individwi fil-kuntest ta’ gruppi differenti;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-obbligu, previst fl-Artikolu 47 tal-Liġi dwar l-enerġija u infurzat bl-impożizzjoni ta’ multa, li l-prezzijiet għall-provvista ta’ gass naturali jiġu approvati mill-president tal-awtorità regolatorja fil-qasam tal-enerġija, sa fejn japplika għall-impriżi tal-enerġija kollha fir-rigward tal-provvisti lil klijenti li ma jkunux klijenti tad-dar, jikkostitwixxi intervent mill-Istat fil-forma tal-imsemmija prezzijiet irregolati li jmur kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li għalhekk jikser l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73.
Fil-fatt, l-intervent mill-Istat ikkontestat ma jissodisfax l-istandards stabbiliti fis-sentenza Federutility et tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-265/08), sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli (il-Liġi dwar l-enerġija tal-10 ta’ April 1997) jipprevedi obbligu li l-prezzijiet irregolati jiġu applikati b’mod li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-interess ekonomiku ġenerali inkwistjoni (protezzjoni kontra prezzijiet eċċessivi għall-gass). B’mod partikolari, l-obbligu li tintalab l-awtorizzazzjoni tal-prezzijiet għall-provvista ta’ gass naturali ma huwiex limitat ratione temporis u ma jiddependi minn ebda evalwazzjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni fis-suq tal-gass tiġġustifikax tali intervent. Barra minn hekk, dan l-obbligu japplika bl-istess mod għall-impriżi tal-enerġija kollha li ma jkunux ġew speċifikament eżentati mill-president tal-awtorità regolatorja fil-qasam tal-enerġija, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-gass u mingħajr ma ssir distinzjoni fuq il-bażi tal-kategorija tal-klijenti tal-provvisti: klijenti finali li jkunu industriji, klijenti bl-ingrossa u klijenti tad-dar huma ttrattati bl-istess mod.
(1) ĠU L 211, p. 94.
Full & Egal Universal Law Academy