7.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 102/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-30 ta’ Jannar 2014 – Holterman Ferho Exploitatie BV et vs F. L. F. Spies von Büllesheim
(Kawża C-47/14)
2014/C 102/29
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Holterman Ferho Exploitatie BV, Ferho Bewehrungsstahl GmbH, Ferho Vechta GmbH u Ferho Frankfurt GmbH
Konvenut: F. L. F. Spies von Büllesheim
Domandi preliminari
1)
Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000 (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti tapplika l-Artikolu 5(1)(a) jew l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament f’każ bħal dak preżenti fejn il-konvenut ikun imfittex fil-qorti mill-kumpannija li tagħha huwa l-amministratur mhux biss fil-kapacità tiegħu bħala amministratur, minħabba li eżerċita irregolarment il-funzjonijiet tiegħu jew minħabba li aġixxa illegalment, iżda wkoll, indipendentement minn din il-kwalità, minħabba l-intenzjoni qarrieqa tiegħu jew l-imprudenza intenzjonali tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejnu u l-imsemmija kumpannija?
2)
a)
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba l-ksur tal-obbligu tagħha li teżerċita b’mod korrett l-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji?
b)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “post tat-twettiq tal-obbligi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?
3)
a)
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba li ma tkunx eżerċitat b’mod korrett il-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji jew minħabba aġir illegali?
b)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tielet domanda, il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
Full & Egal Universal Law Academy