19.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/9
Appell ippreżentat fis-7 ta Frar 2014 minn Sven A. von Storch et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża T-492/12 – Sven A. von Storch et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew
(Kawża C-64/14 P)
2014/C 151/11
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Sven A. von Storch et (rappreżentanti: M. C. Kerber u B. von Storch, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża T-492/12;
—
tilqa’ t-talbiet tal-appellanti esposti fir-rikors tal-11 ta’ Novembru 2012; u
—
tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż b’mod konformi mal-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Abbażi tal-aggravji li ġejjin, l-appellanti jsostnu li d-digriet tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża T-492/12 huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi:
1.
Sa fejn il-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE tas-6 ta’ Settembru 2012 dwar numru ta’ karatteristiċi tekniċi dwar it-tranżazzjonijiet monetarji dwar titoli tal-Eurosistema fis-swieq sekondarji tal-bonds tal-Istat u tad-deċiżjoni tal-istess data li tadotta miżuri supplimentari intiżi sabiex jippreżervaw id-disponibbiltà tal-garanziji għall-kontropartijieti sabiex jinżamm l-aċċess tagħhom għat-tranżazzjonijiet li jipprovdu likwidità tal-Eurosistema; kif ukoll
—
sussidjarjament, il-formulazzjoni tal-Linji gwida 2012/641/UE tal-BĊE, tal-10 ta’ Ottubru 2012, li jemendaw il-Linji gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji supplimentari rigward l-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid u l-eliġibbiltà tal-garanziji (BĊE/2012/23) (1), jipproduċu effetti legali, id-deċiżjonijiet inkwistjoni jistgħu validament ikunu s-suġġett ta’ rikors. Skont ġurisprudenza stabbilita bbażata fuq l-Artikolu 19 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tiegħu.
2.
Mill-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li dawn tal-aħħar jikkonċernaw lill-appellanti direttament u individwalment, minkejja li ma humiex indirizzati direttament lilhom.
3.
Id-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013 huwa vvizjat bi żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali aċċettat l-argument tal-BĊE fis-sens li d-deċiżjonijiet inkwistjoni ma għandhom l-ebda effett fuq il-pożizzjoni legali taċ-ċittadini. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet għandhom effettivament konsegwenzi estensivi għas-swieq tat-titoli, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ bonds tal-gvern, u li huwa eżattament dak li xtaq il-BĊE.
4.
Id-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013 huwa vvizjat bi żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali ssuġġettat il-locus standi tal-appellanti għal intervent effettiv tal-BĊE, jew għal tranżazzjonijiet sussegwenti iktar konkreti, intervent li f’dan il-każ l-appellanti ma kinux jafu bih, indipendentement mill-impossibbiltà prattika ta’ eventwali annullament ta’ xiri ta’ titoli.
5.
Id-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013 huwa vvizjat bi żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li hija ggarantita permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. B’mod partikolari, il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni indiretta tal-legalità abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali, bl-ebda mod ma għandha l-istess effett legali bħal rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
(1) ĠU L 284, p. 14.
Full & Egal Universal Law Academy