28.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/14
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2014 minn Forgital Italy SpA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-4 ta’ Diċembru 2013, fil-Kawża T-438/10, Forgital Italy SpA vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-84/14 P)
2014/C 129/17
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Forgital Italy SpA (rappreżentanti: R. Mastroianni, V. Turinetti di Priero, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2013 li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet, minħabba li kien inammissibbli, ir-rikors fil-Kawża T-438/10 intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 566/2010, tad-29 ta’ Ġunju 2010, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1255/96 li jissospendi b’mod temporanju d-dazji awtonomi tat-Tariffi Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali, agrikoli u tas-sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 7, p. 180), sa fejn dan jemenda d-deskrizzjoni ta’ xi prodotti li fir-rigward tagħhom id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni huma sospiżi;
—
tirrinvija, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kawża T-438/10 lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ din l-istanza kif ukoll għal dawk tal-kawża T-438/10.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li nkiser l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tad-dritt għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ġenerali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet kif ukoll id-dritt għad-difiża. Il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija qajmet ex officio l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-appellanti fil-Kawża T-438/10 mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt li fuqhom kienet ibbażata din l-eċċezzjoni u mingħajr ma semgħet lill-partijiet f’dan ir-rigward, kif stabbilit fl-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’dan is-sens, huwa irrelevanti l-fatt li l-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar l-effett, fuq il-Kawża T-438/10, tad-digriet tagħha stess tal-5 ta’ Frar 2013 (Kawża T-551/11, BSI vs Il-Kunsill), minħabba li minn dan il-partijiet ma kellhomx jassumu, kif issostni l-Qorti Ġenerali, li din tal-aħħar kienet qiegħdha tikkunsidra l-possibbiltà li tqajjem ex officio eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi, rigward l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE flimkien mal-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 566/2010, tad-29 ta’ Ġunju 2010, ma jikkostitwixxix att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy