19.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Miranda de Ebro (Spanja) fl-24 ta’ Frar 2014 – Banco Grupo Cajatres S.A. vs María Mercedes Manjón Pinilla u Comunidad Hereditaria formada al fallecimiento de D. Miguel Ángel Viana Gordejuela
(Kawża C-90/14)
2014/C 151/15
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia de Miranda de Ebro
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Banco Grupo Cajatres S.A.
Konvenuta: María Mercedes Manjón Pinilla u Comunidad Hereditaria formada al fallecimiento de D. Miguel Ángel Viana Gordejuela
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE (1) jipprekludu regola bħat-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, tal-14 ta’ Marzu 2013, li tipprevedi f’kull każ tnaqqis tar-rata ta’ interessi moratorji, indipendentement mill-fatt li l-klawżola ta’ interessi moratorji kienet inizjalment nulla minħabba n-natura inġusta tagħha?
2)
L-Artikoli 3(1), 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu regola nazzjonali bħall-Artikolu 114 tal-liġi dwar l-ipoteki, li tippermetti lil qorti nazzjonali, meta tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola li tiffissa l-interessi moratorji, tistħarreġ biss jekk ir-rata ta’ interessi miftiehma hijiex iktar minn tliet darbiet ogħla mir-rata ta’ interessi legali, u mhux li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkostanzi oħrajn?
3)
L-Artikoli 3(1), 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu regola nazzjonali bħall-Artikolu 693 LEC, li tippermetti li jintalab l-ammont sħiħ tas-self b’mod antiċipat minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ tliet pagamenti ta’ kull xahar, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra bħat-tul jew l-ammont tas-self jew kull raġuni oħra rilevanti, u li, barra minn hekk, tissuġġetta l-possibbiltà li jiġu evitati l-effetti ta’ din l-iskadenza antiċipata għar-rieda tal-kreditur, minbarra fil-każijiet li fihom l-ipotetika hija marbuta mar-residenza permanenti tad-debitur?
(1) – Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
Full & Egal Universal Law Academy