12.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 142/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Câmpulung (ir-Rumanija) fil-25 ta’ Frar 2014 – Liliana Tudoran, Florin Iulian Tudoran, Ilie Tudoran vs SC Suport Colect SRL
(Kawża C-92/14)
2014/C 142/29
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Judecătoria Câmpulung
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Liliana Tudoran, Florin Iulian Tudoran, Ilie Tudoran
Konvenuta: SC Suport Colect SRL
Domandi preliminari
1)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), u tad-Direttiva Nru 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (2), huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu konkluż fil-5 ta’ Ottubru 2006, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iżda li għadu jipproduċi effetti llum ’il ġurnata peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew implementati attwalment wara trasferimenti sussegwenti tal-kreditu previst fil-kuntratt imsemmi?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, klawżoli bħal dawk dwar is-“servizz tad-dejn ta’ min jissellef” b’riferiment għall-eżistenza ta’ dewmien ta’ ħlas mid-debitur, kif ukoll dawk dwar iż-żieda tal-interessi wara sena, data li b’effett minnha l-interessi jkunu kkostitwiti mir-rata ta’ referenza varjabbli tal-Banca Commercială Româna, kif indikata fis-sede tal-bank, miżjuda b’1,90 [punti perċentwali], jistgħu jitqiesu bħala inġusti fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?
3)
Il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 120 tad-Digriet b’urġenza Nru 99, ta’ Diċembru 2006, dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-livelli adegwati ta’ kapital, li tirrikonoxxi bħala titolu eżekuttiv kuntratt ta’ self bankarju konkluż fl-assenza ta’ forma awtentika u mingħajr ebda possibbiltà għal min jissellef li jinnegozja l-klawżoli tiegħu, u li bis-saħħa tiegħu, wara verifika sommarja u l-kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi infurzat fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża li ftit li xejn tagħti l-possibbiltà lill-qorti li tistħarreġ il-portata tal-kreditu, il-marixxall tal-qorti jista’ jipproċedi bl-infurzar fuq il-beni tad-debitur?
4)
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma huma l-Artikoli 372 et seq ta’ dak li kien il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li tippermetti lill-kreditur jitlob l-eżekuzzjoni ta’ prestazzjoni li tirriżulta minn klawżoli kuntrattwali inġusti billi tiġi eżegwita l-garanzija fuq proprjetà immobbli permezz tal-bejgħ tal-immobbli minkejja l-oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, mingħajr ma l-imsemmija klawżoli kuntrattwali ma kienu eżaminati minn qorti indipendenti?
5)
L-eżistenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 120 tad-Digriet b’urġenzu Nru 99, ta’ Diċembru 2006, dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-livelli adegwati ta’ kapital, li tirrikonoxxi bħala titolu eżekuttiv kuntratt ta’ self bankarju, hija ta’ natura li tippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 [TFUE], kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu [56] TFUE, sa fejn tiddiswadi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea milli jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru fejn kuntratt bankarju konkluż minn istituzzjoni privata jingħata l-istess valur bħal titolu eżekuttiv li jammonta għal deċiżjoni ġudizzjarja?
6)
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, il-qorti nazzjonali tista’ tqajjem ex officio n-natura mhux eżekuttiva ta’ tali titolu li bis-saħħa tagħha jiġi infurzat kreditu previst f’tali kuntratt?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
(2) ĠU L 133 p. 66.
Full & Egal Universal Law Academy