28.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/14
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 mill-European Medical Association Asbl (EMA) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-11 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża T-116/11, European Medical Association vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-100/14 P)
2014/C 129/18
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: European Medical Association Asbl (EMA) (rappreżentanti: A. Franchi, L. Picciano, G. Gangemi, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea T-116/11 mogħtija fil-11 ta’ Diċembru 2013 u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-EMA appellat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Kawża T-116/11, fil-partijiet li fihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-EMA, ippreżentat skont l-Artikoli 268, 272 u 340 TFUE, intiż li jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż tal-persunal tal-kuntratti 507760 Dicoems u 507126 Cocoon.
Insostenn tal-appell l-EMA tinvoka dawn l-aggravji:
L-ewwel aggravju. Interpretazzjoni żbaljata tal-klawżoli kuntrattwali u tad-dispożizzjonijiet legali u evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-mezzi ta’ prova.
L-EMA tqis li s-sentenza hija vvizzjata b’interpretazzjoni żbaljata tal-klawżoli kuntrattwali u tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli kif ukoll b’evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-mezzi ta’ prova billi qieset li l-Kummissjoni kienet korrettament iddeduċiet li l-ispejjeż iffatturati, iżda li għadhom ma tħallsux, ma kinux ġew sostnuti mill-EMA u lanqas irreġistrati fil-kontijiet tal-istess appellanti sad-data tat-tħejjija taċ-ċertifikat ta’ awditu skont ir-regoli tal-kontabbiltà Belġjani.
It-tieni aggravju. Evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi u nuqqas ta’ motivazzjoni.
L-EMA tqis li diversi kapijiet tas-sentenza huma vvizzjati b’difetti proċedurali gravi inkwantu dawn ma humiex motivati jew motivati b’mod insuffiċjenti jew kontradittorju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi ommissjonijiet jew żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-mezzi ta’ prova prodotti fis-sentenza. Mis-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ta’ spiss naqset milli tagħmel evalwazzjoni tagħha stess dwar il-provi prodotti mill-EMA, billi naqset, fil-fatt, milli tiddeċiedi dwar il-konklużjonijiet esposti mill-appellanti fir-rikors u fir-risposta. F’ħafna punti l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod inkundizzjonali fuq il-konklużjonijiet tar-rapport finali ta’ awditu, imwettaq f’isem il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratti Cocoon u Dicoems, meta proprju dawn il-konklużjonijiet kienu jikkostitwixxu s-suġġett tal-ilmenti tal-EMA fir-rikors prinċipali tagħha.
It-tielet aggravju. Applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kollaborazzjoni leali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
L-EMA tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tad-dritt Belġjan b’riferiment għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ bona fide u ta’ kollaborazzjoni leali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fit-twettiq tal-Proġetti Dicoems u Cocoon, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi ta’ kontroll tagħha stabbiliti fl-Artikolu 11.3.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti, li jsemmi speċifikament l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura l-eżekuzzjoni korretta tal-proġett mill-perspettiva xjentifika, teknoloġika u finanzjarja. Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-dmir ta’ kontroll tagħha, lanqas ebda dispożizzjoni kuntrattwali speċifika u li hija kienet għalhekk ġustament ipproċediet għar-rexissjoni immedjata taż-żewġ kuntratti dwar il-Proġetti Dicoems u Cocoon, filwaqt li ċaħdet ukoll it-talba għall-kumpens tad-dannu ex contractu.
Ir-raba’ aggravju. Ksur tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju.
L-EMA tinvoka diversi istanzi ta’ ksur tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti Ġenerali, relatati, b’mod partikolari, mal-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.
Full & Egal Universal Law Academy