16.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l-Italja) fil-5 ta’ Marzu 2014 – Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali vs Federazione Italiana Consorzi Agrari et
(Kawża C-104/14)
2014/C 184/13
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte Suprema di Cassazione
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali
Konvenuti: Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc.coop.arl – Federconsorzi in concordato preventivo e Liquidazione Giudiziale dei Beni Ceduti ai Creditori della Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl
Domandi preliminari
1)
Ir-relazzjoni ta’ mandat ex lege bejn l-Amministrazzjoni pubblika u l-Kooperattivi agrikoli (relazzjoni li minnha jirriżulta l-kreditu sussegwentement ċedut, mill-Kooperattivi lil Federconsorzi u minn din tal-aħħar lill-kredituri tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza) għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 169/1948 u mil-Liġi Nru 1294/1957, taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE (1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE (2)?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/35/KE (Artikolu 6(2)) u 2011/7/UE (Artikolu 12(3)), bil-possibbiltà li jinżammu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli, jimplika l-obbligu li ma jinbidlux in peius, jew saħansitra jeskludi, ir-rati ta’ interessi għal dewmien ta’ ħlas applikabbli għar-relazzjonijiet diġà eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-direttivi?
3)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-obbligu li ma tinbidilx in peius ir-rata ta’ interessi applikabbli għal dewmien ta’ ħlas applikabbli għar-relazzjonijiet diġà eżistenti għandu jkun evalwat bħala applikabbli għal leġiżlazzjoni unitarja ta’ interessi li tipprevedi, għal perijodu speċifiku, (f’din il-kawża mill-31 ta’ Jannar 1982 sal-31 ta’ Diċembru 1995) ir-rikonoxximent ta’ rata differenti mir-rata legali u ta’ kapitalizzazzjoni, anki biss annwali u mhux kull sitt xhur kif mitlub mill-kreditur, u, wara l-imsemmi perijodu, il-ħlas biss ta’ interessi legali, permezz ta’ sistema li, fid-dawl tas-sitwazzjoni f’din il-kawża (ara l-punt 3 iktar 'il fuq), ma hijiex neċessarjament sfavorevoli għall-kreditur?
4)
L-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/35/KE (Artikolu 6) u 2011/7/UE (Artikolu 12), fil-parti fejn huma jipprevedu, fir-rigward tal-projbizzjoni tal-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur, rispettivament fl-Artikoli 3(3) u (7), l-ineffettività ta’ klawżoli kuntrattwali jew ta’ prattiċi inġusti, jimplika l-projbizzjoni, għall-Istat, li jintervjeni b’dispożizzjonijiet li, fid-dawl ta’ relazzjonijiet li fihom l-Istat huwa parti u li huma eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ direttivi, jeskludu l-ħlas ta’ interessi għal dewmien ta’ ħlas?
5)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda, l-obbligu li ma jsirx intervent f’relazzjonijiet eżistenti fejn l-Istat huwa parti, permezz ta’ dispożizzjoni li teskludi l-interessi għal dewmien ta’ ħlas japplika għal leġiżlazzjoni unitarja ta’ interessi li tipprovdi li, għal perijodu speċifiku (f’din il-kawża mill-31 ta’ Jannar 1982 sal-31 ta’ Diċembru 1995) ir-rikonoxximent ta’ rata differenti mir-rata legali u minn kapitalizzazzjoni, anki biss annwali u mhux kull sitt xhur kif mitlub mill-kreditur, u, wara l-imsemmi perijodu, il-ħlas biss ta’ interessi legali, permezz ta’ sistema li, fid-dawl tas-sitwazzjoni f’din il-kawża (ara l-punt 3 iktar 'il fuq), ma hijiex neċessarjament sfavorevoli għall-kreditur?
(1) Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226)
(2) Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy