16.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/12
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2014 minn Christoph Klein mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-309/10, Christoph Klein vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-120/14 P)
2014/C 184/16
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Christoph Klein (rappreżentanti: H.-J. Ahlt u M. Ahlt, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Ġermanja
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-21 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-309/10;
—
tikkonstata li l-Kummissjoni, minħabba li naqset milli tieħu azzjoni fil-proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà li ilha għaddejja mill-1998 għall-mezzi mediċi kontenzjużi, kisret l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 93/42 u taħt id-dritt tal-Unjoni, u b’hekk ikkawżat dannu lill-appellant;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu, li għad irid jiġi ddeterminat, imġarrab mill-appellant;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-309/10 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett, l-appellant isostni li, permezz ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni ta’ azzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 46 tal-Istatut, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li talba għal għajnuna legali mressqa b’eżitu pożittiv hija komparabbli, għal dak li jirrigwarda l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, mal-att promotur.
It-tieni nett, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 8 u 18 tad-Direttiva 93/42 (1), sa fejn hija qieset li dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu reċiprokament lil xulxin. Fil-fatt, skont l-appellant, dawn pjuttost huma applikabbli fl-istess ħin. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement il-pożizzjoni tagħha.
It-tielet nett, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u b’hekk kisret id-dritt tal-Unjoni sa fejn hija ma kklassifikatx il-proċedura mibdija mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà.
Ir-raba’ nett, huwa josserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet il-motiv li jgħid li l-fatt li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni damet iktar minn għaxar snin jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn irregolaritajiet proċedurali. Pereżempju, diversi dokumenti li jikkorroboraw l-argumentazzjoni tal-appellant ma ġewx ikkunsidrati. Bl-istess mod, hija sempliċement injorat l-espożizzjoni u l-argumentazzjoni legali tal-Parlament Ewropew, li l-appellant kien irrepeta fit-talbiet tiegħu.
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82)
Full & Egal Universal Law Academy