26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/16
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-130/14)
2014/C 159/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Mölls, J.-F. Brakeland, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
—
tikkonstata li, billi żamm regoli li jirrifjutaw lill-persuni taxxabbli mhux residenti, li d-dħul tagħhom huwa esklużivament jew kważi esklużivament miksub fil-Belġju (reġjun tal-Wallonie), il-benefiċċju ta’ tnaqqis ta’ taxxa fuq it-taxxa ta’ persuni fiżiċi mogħti lill-persuni taxxabbli residenti abitanti tar-reġjun tal-Wallonie skont id-digriet tat-3 ta’ April 2009 li jistabbilixxi l-Fond tal-Investiment ta’ Wallonie u li jipprovdi tnaqqis tat-taxxa ta’ persuni fiżiċi f’każ ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ obbligi tal-Fond, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ digriet tar-reġjun tal-Wallonie, tat-3 ta’ April 2009, tnaqqis tat-taxxa għas-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet jew ta’ obbligi maħruġa mill-Fond tal-Investiment tal-Wallonie huwa mogħti biss lir-residenti tar-reġjun tal-Wallonie. Il-Kummissjoni tqis li tali mekkaniżmu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni taxxabbli mhux residenti li d-dħul tagħhom huwa esklużivament jew kważi esklużivament miksub fil-Belġju. Bħala konsegwenza, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 45 TFUE u 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Schumacker (1) u Wielockx (2).
(1) Sentenza Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31.
(2) Sentenza Wielockx, C-80/94, EU:C:1995:271.
Full & Egal Universal Law Academy