10.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 175/26
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-135/14)
2014/C 175/33
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal, W. Mölls, u D. Bianchi, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009, (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (1);
—
iżżomm l-effetti tar-Regolament (UE) Nru 1385/2013 sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid ibbażat fuq il-bażijiet legali xierqa;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni titlob l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 1385/2013 li l-Kunsill adotta fuq il-bażi legali tal-Artikolu 349 TFUE.
Il-Kummissjoni tikkritika lill-Kunsill talli adotta dan ir-regolament filwaqt li hija kienet ipproponiet li dan l-att jiġi bbażat fuq bażijiet legali settorjali, jiġifieri l-Artikoli 43(2) u 168(4)(b) TFUE.
Hija tqis li, skont l-iskop u l-għan tar-regolament ikkontestat, l-Artikolu 349 TFUE ma jistax jintuża b’mod validu bħala bażi legali. Dan l-aħħar Artikolu 349 TFUE japplika biss meta jkun hemm deroga mill-prinċipju ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif stabbilit fl-Artikolu 355(1) TFUE. Issa, kulma jagħmel ir-regolament inkwistjoni, mingħajr ma jidderoga mit-Trattati, huwa li jadatta d-dritt sekondarju sabiex jirrispondi għas-sitwazzjoni maħluqa bil-bdil tal-istatus tal-Majott. Din l-interpretazzjoni hija appoġġata mhux biss mill-formulazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE, iżda wkoll mis-sistema tal-bażijiet legali tat-Trattat, kif ukoll mill-oriġini storiċi ta’ dan l-artikolu.
(1) ĠU L 354, p. 86.
Full & Egal Universal Law Academy