7.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 212/11
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2014 minn The Sunrider Corporation mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-23 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-221/12 – The Sunrider Corporation vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-142/14 P)
2014/C 212/12
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: The Sunrider Corporation (rappreżentanti: N. Dontas, K. Markakis, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara dan l-appell ammissibbli;
—
tannulla parzjalment is-sentenza appellata mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) fit-23 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-221/12, sa fejn hija ċaħdet it-tieni motiv (ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) dwar it-trade mark Komunitarja) u t-tielet motiv (ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja) li l-appellanti invokat fir-rikors tagħha tal-25 ta’ Mejju 2012;
—
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid fir-rigward tat-tieni u t-tielet motivi li r-rikorrenti invokat fir-rikors tagħha tal-25 ta’ Mejju 2012 u sabiex din tapplika mil-ġdid l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċeduri ta’ appell preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċedura tal-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-appellanti matul il-proċeduri amministrattivi quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell fil-Każ R 2401/2010-4.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-EWWEL AGGRAVJU: Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE (2) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 (3) fir-rigward tad-definizzjoni u l-portata tal-kelma “mediku”. Hija marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha billi ħolqot definizzjonijiet legali ġodda, jiġifieri dawk ta’ prodotti “għal użu mediku fis-sens wiesgħa tal-kelma”, u ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-definizzjonijiet legali applikabbli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea.
IT-TIENI AGGRAVJU: Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt għal smigħ tal-appellanti billi bbażat ruħha mingħajr ġustifikazzjoni fuq “fatt magħruf” kruċjali għall-eżitu tal-kawża. Hija interpretat b’mod żbaljat id-dritt għal smigħ tal-appellanti billi ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li fatt partikolari kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “fatt magħruf” mingħajr ma sostniet din l-evalwazzjoni bl-ebda prova inkluża fil-proċess tal-kawża u mingħajr ma ġġustifikat kif dan il-fatt partikolari kien ġuridikament “magħruf”.
IT-TIELET AGGRAVJU: Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja sa fejn: (a) wettqet eżami u evalwazzjoni limitati tax-xebh bejn supplimenti nutrittivi li joriġinaw mill-ħxejjex u l-prodotti imsemmija espressament fl-intestatura tal-klassi 32, mingħajr ma eżaminat b’mod konkret jekk kienx hemm xebh bejn is-supplimenti nutrittivi li joriġinaw mill-ħxejjex u l-prodotti l-oħra inklużi fil-klassi 32; (b) żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni u l-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell b’dawk tagħha fir-rigward tal-“pubbliku kkonċernat”; u (ċ) wettqet żball ta’ liġi fl-eżami u fl-evalwazzjoni tal-fatturi/kriterji ta’ xebh individwali tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward (i) tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kelma “mediku” bħala li li tikkaratterizza l-għan prinċipali tas-supplimenti nutrittivi li joriġinaw mill-ħxejjex, (ii) tal-obbligu legali li “parti kbira” mill-produtturi tal-prodotti inkwistjoni għandhom ikun l-istess, (iii) tal-kriterju/regola legali użata għall-paragun bejn il-prodotti, (iv) taċ-ċaħda tat-tieni motiv tar-rikors, meqjus bħala ineffettiv, (v) tal-assenza ta’ eżami ta’ fattur ta’ “interkambjabbiltà u (vi) tal-assenza ta’ eżami tan-natura tal-prodotti pparagunati.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
(2) Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27. p. 69).
(3) Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229).
Full & Egal Universal Law Academy