7.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 212/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Maramureș (ir-Rumanija) fis-26 ta’ Marzu 2014 – Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca, irrappreżentata mill-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș
(Kawża C-144/14)
2014/C 212/13
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Maramureș
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei
Konvenuta: Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca, rappreżentata mill-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș
Parti msejħa sabiex tintervjeni: Direcția Sanitar-Veterinară și pentru Siguranța Alimentelor Maramureș
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 273 u l-punt 18 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità fiskali nazzjonali kellha tirreġistra l-persuna suġġetta għall-VAT u li timponi fuqha l-obbligi marbuta mat-taxxa dovuta u mal-aċċessorji ta’ din tal-aħħar, meta jinqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, sa mid-data li fiha l-persuna taxxabbli kienet ippreżentat quddiem l-awtorità fiskali kompetenti dikjarazzjonijiet fiskali li juru li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni tal-VAT?
2)
F’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun pożittiva, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità fiskali imponiet retroattivament l-obbligu tal-ħlas tal-VAT fuq il-persuna taxxabbli minħabba l-fatt li s-servizzi mediċi veterinarji ma humiex eżentati mill-ħlas tal-VAT u li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, fejn:
—
l-awtorità fiskali ma rreġistratx ex officio l-persuna suġġetta għall-VAT u ma imponietx fuq din tal-aħħar l-obbligu għall-ħlas tal-VAT fil-mument li l-persuna taxxabbli ppreżentat dikjarazzjonijiet fiskali li juru li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, iżda dan għamlitu suċċessivament, wara t-tibdil tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tat-taxxi permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1620/2009, fis-sens li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 141(1)(a) tal-kodiċi tat-taxxi ma huwiex applikabbli għas-servizzi mediċi veterinarji, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 122/87, u għal perijodu wara l-imsemmi tibdil;
—
l-awtorità fiskali ħadet konjizzjoni tal-fatt li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni qabel it-tibdil tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tat-taxxi permezz ta-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1620/2009, fis-sens imsemmi iktar 'il fuq, permezz ta’ dikjarazzjonijiet fiskali ppreżentati mill-persuna taxxabbli;
—
qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1620/2009, l-awtorità fiskali ma adottatx fil-qasam tal-kompetenza tagħha – li tkopri wkoll il-persuna taxxabbli fil-kawża prinċipali – atti amministrattivi fiskali li jikkonstataw li l-persuni taxxabbli li huma veterinarji prattikanti ma ġewx irreġistrati għall-VAT wara li kienu qabżu l-limitu ta’ eżenzjoni u, konsegwentement, li jimponu fuq dawn tal-aħħar obbligi ta’ ħlas;
—
qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1620/2009, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, ma kienet bl-ebda mod ippubblikata bil-lingwa Rumena?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy