10.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 175/28
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen săd Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Marzu 2014 – Direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vătreshnite raboti vs Bashir Mohamed Ali Mahdi
(Kawża C-146/14)
2014/C 175/35
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen săd Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vătreshnite raboti
Konvenut: Bashir Mohamed Ali Mahdi
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (1), moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dwar id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
a)
jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, awtorità amministrattiva tkun obbligata tirrevedi kull xahar iż-żamma f’detenzjoni amministrattiva, mingħajr ma tkun espliċitament obbligata tadotta att amministrattiv, u jekk din l-awtorità nazzjonali tkun obbligata tipproduċi ex officio quddiem il-qorti l-lista taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nżammu f’detenzjoni għal żmien itwal mit-tul legali tad-detenzjoni inizjali, minħabba li jkun hemm ostakoli għat-tneħħija tagħhom, l-imsemmija awtorità amministrattiva tkun obbligata tadotta, fid-data meta tintemm id-detenzjoni prevista mid-deċiżjoni individwali ta’ detenzjoni inizjali, att espliċitu sabiex tiġi rriveduta d-detenzjoni fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, jew tkun obbligata tordna li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
b)
jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-qorti adita jkollha s-setgħa li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva, li tissostitwixxiha b’miżura inqas oneruża għal-libertà jew li tordna li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni, fejn din is-setgħa tiġi eżerċitata wara li jintemm it-tul massimu tad-detenzjoni inizjali bil-għan tat-tneħħija skont l-imsemmi dritt nazzjonali, l-imsemmija qorti tkun obbligata teżerċita, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, stħarriġ tal-legalità ta’ att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni li jindika raġunijiet ta’ dritt u ta’ fatt dwar il-ħtieġa li tiġi estiża d-detenzjoni u dwar it-tul tagħha, filwaqt li tiddeċiedi fil-mertu sabiex tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
c)
jekk att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni amministrattiva jindika biss ir-raġunijiet għaliex ma huwiex possibbli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-qorti adita li teżerċita stħarriġ tal-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, u, filwaqt li tibbaża ruħha biss fuq fatti u provi prodotti mill-awtorità amministrattiva, kif ukoll fuq oġġezzjonijiet u fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li tiddeċiedi fil-mertu billi tagħti deċiżjoni li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?
2)
F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni awtonoma għall-estensjoni tad-detenzjoni li “il-persuna ma għandhiex dokumenti ta’ identità”, prevista mid-dritt nazzjonali inkwistjoni, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba li tkopri ż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, sa fejn, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni, hemm raġuni plawżibbli sabiex wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, raġuni li timplika riskju ta’ ħarba fis-sens tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?
3)
F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi leġittimament konkluż li hemm riskju ta’ ħarba għar-raġuni li l-persuna inkwistjoni ma għandhiex dokumenti ta’ identità, qasmet il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjarat li ma tixtieqx tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li preċedentement imliet dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju lejn il-pajjiż tagħha u indikat l-identità tagħha b’mod eżatt, ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva li, fid-dritt nazzjonali, huwa ddefinit bħala raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt?
4)
F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b), (4) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
a)
iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkooperax għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu jekk jiddikjara oralment, quddiem uffiċjal tal-ambaxxata tal-Istat inkwistjoni, li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tiegħu, minkejja li preċedentement mela dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju u indika l-identità tiegħu b’mod eżatt, u fis-sens li jkun hemm dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiż terz u li jeżisti prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, sa fejn, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna?
b)
fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni minħabba l-assenza ta’ prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, peress li l-imsemmi ċittadin ma jkollux dokumenti ta’ identità, ikun qasam il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjara li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna, għandu jitqies li l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna?
(1) ĠU L 348, p. 98.
Full & Egal Universal Law Academy