16.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/14
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-149/14)
2014/C 184/18
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakià u E. Manhaeve, bħala aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi naqset milli tidentifika, kif kien meħtieġ li tagħmel fid-dawl tad-data disponibbli, żoni kkaratterizzati mill-preżenza ta’ ilma ta’ taħt l-art jew ta’ ilma tal-wiċċ – milquta jew li jinsabu f’riskju li jintlaqtu minn konċentrazzjoni eċċesiva ta’ nitrati u/jew mill-fenomenu tal-ewtrofikazzjoni – bħala “żoni vulnerabbli għat-tniġġis ikkawżat min-nitrati”, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (1), tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati agrikoli, u li, barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, billi naqset milli timplementa l-programmi ta’ azzjoni previsti fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva f’terminu ta’ sena mill-identifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati agrikoli.
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Id-Direttiva dwar it-tniġġis min-nitrati għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat direttament jew indirettament min-nitrati minn sorsi agrikoli u li tevita iktar tniġġis ta’ dan it-tip. Id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw diversi miżuri sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fost dawn l-obbligi jinsab l-obbligu li jiġu identifikati ż-żoni li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri u li l-ilmijiet tagħhom:
(a)
ikunu ilma ħelu tal-wiċċ u/jew ta’ taħt l-art (Artikolu 3, Anness I) li fih jew li jista’ jkun fih iktar minn 50 mg/l nitrati, fil-każ li ma jkunux ġew adottati l-miżuri stabbiliti mid-Direttiva dwar it-tniġġis min-nitrati, u
(b)
ikunu ilma ħelu, estwarji, ibħra kostali jew ilma baħar, li jinsabu li huma ewtrofiċi jew li jistgħu jsiru ewtrofiċi jekk ma jittieħdux miżuri.
Iż-żoni msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu ddefiniti bħala “Żoni vulnerabbli għat-tniġġis min-nitrati” (iktar ’il quddiem ŻVT”).
2.
Il-Kummissjoni wettqet analiżi teknika tal-identifikazzjoni taż-ŻVT mwettqa mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tad-Direttiva u, fuq il-bażi tal-analiżi tagħha, ikkonkludiet li, sabiex ikunu ssodisfatti kompletament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, kien meħtieġ li tiġi estiża l-identifikazzjoni taż-ŻVT.
3.
Fuq il-bażi tad-data dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitrati lir-Repubblika Ellenika ppreżentat lill-Kummissjoni (skont l-Aritkolu 10 tad-Direttiva fir-rigward tal-perijodu 2004 sa 2007 kif ukoll fir-rigward tal-perijodu 2008 sa 2011) u anki fuq il-bażi tad-data dwar il-valuri medji u massimi ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u ta’ tali data dwar l-ilmijiet tal-wiċċ ewtrofizzati (tabelli 3 u 4), il-Kummissjoni indikat 9 żoni li kellhom jiġu identifikati bħala ŻVI u/jew li fir-rigward tagħhom kellha tiġi estiża ż-żona attwalment identifikata.
4.
Wara li wettqet l-analiżi tagħha fir-rigward ta’ kull żona, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi ma identifikatx, kif kien meħtieġ li tagħmel fid-dawl tad-data disponibbli, żoni kkaratterizzati mill-preżenza ta’ ilma ta’ taħt l-art jew ta’ ilma tal-wiċċ – milquta jew li jinsabu f’riskju li jintlaqtu minn konċentrazzjoni eċċesiva ta’ nitrati u/jew mill-fenomenu tal-ewtrofikazzjoni – bħala “żoni vulnerabbli għat-tniġġis ikkawżat min-nitrati” (ŻVI), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati agrikoli.
5.
Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, billi naqset milli timplementa l-programmi ta’ azzjoni previsti fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva f’terminu ta’ sena mill-identifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati agrikoli.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68.
Full & Egal Universal Law Academy